GĦELUQ TAL-ASSEMBLEA ĠENERALI ORDINARJA TAS-SINODU TAL-ISQFIJIET

QUDDIESA

KAPPELLA PAPALI

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Bażilika ta’ San Pietru

It-XXX Ħadd ta’ Matul is-Sena, 27 ta’ Ottubru 2024

 

Il-Vanġelu jippreżentalna lil Bartimew, raġel agħma li kellu jittallab fil-ġenb tat-triq, mormi mingħajr tama li, imma, meta jisma’ lil Ġesù għaddej, jibda jgħajjatlu. Kulma baqagħlu hi din: il-karba tal-uġigħ tiegħu u li jwassal lil Ġesù x-xewqa tiegħu li jerġa’ jibda jara. U waqt li kulħadd iċanfru biex jiskot għax leħnu qed idejjaqhom, Ġesù jieqaf. Għax Alla dejjem jagħti widen għall-karba tal-foqra u quddiemu ebda karba ta’ tbatija ma tibqa’ mhix mismugħa.

 

Illum, fl-għeluq tal-Assemblea Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet, b’tant gratitudni f’qalbna għal dak li stajna naqsmu flimkien, ejjew nieqfu fuq dak li jiġrilu dan ir-raġel: fil-bidu, kien “bilqiegħda mal-ġenb tat-triq” (Mk 10:46), waqt li fl-aħħar, wara li sejjaħlu Ġesù u reġa’ kiseb id-dawl, “baqa’ miexi warajh fit-triq” (v. 52).

 

L-ewwel ħaġa li jgħidilna l-Vanġelu fuq Bartimew hi din: li kien bilqiegħda jittallab. Il-pożizzjoni tiegħu hi tipika ta’ persuna li issa ngħalqet fl-uġigħ tagħha, bilqiegħda fuq il-ġenb tat-triq bħallikieku ma kien hemm xejn iżjed li tista’ tagħmel jekk mhux tirċievi xi ħaġa minn tant pellegrini li kienu għaddejjin mill-belt ta’ Ġeriko fl-okkażjoni tal-Għid. Imma, kif nafu, biex ngħixu tassew ma nistgħux nibqgħu bilqiegħda: li ngħixu dejjem ifisser li nitħarrku, nimxu, noħolmu, nipproġettaw, ninfetħu għall-ġejjieni. Allura Bartimew l-agħma jirrappreżenta wkoll dak l-għama ġewwieni li jimblukkana, iżommna bilqiegħda, ma nistgħux niċċaqilqu, fuq il-ġnub tal-ħajja, bla ebda tama.

 

U dan, barra milli fil-ħajja personali tagħna, jista’ jġagħalna naħsbu anki fir-realtà tagħna bħala Knisja tal-Mulej. Tant ħwejjeġ, matul it-triq, jistgħu jagħmuna, jeħdulna l-ħila li nagħrfu l-preżenza tal-Mulej, bla iktar preparazzjoni kif naffrontaw l-isfidi tar-realtà, xi drabi ma nafux kif ħa nwieġbu għal tant kwistjonijiet li qed jgħajtulna kif jagħmel Bartimew lil Ġesù. Madankollu, quddiem il-mistoqsijiet tan-nisa u tal-irġiel tal-lum, l-isfidi ta’ żmienna, l-urġenzi tal-evanġelizzazzjoni u tat-tant ġrieħi li qed jifilġu lill-umanità, ħuti, ma nistgħux nibqgħu bilqiegħda. Knisja bilqiegħda, li kważi mingħajr ma tintebaħ tirtira mill-ħajja u tikkonfina ruħha għall-ġnub tar-realtà, hija Knisja li tirriskja li tibqa’ fl-għama u li tħossha komda fil-malessri tagħha. U jekk nibqgħu bilqiegħda fl-għama tagħna, nibqgħu ma narawx l-urġenzi pastorali tagħna u l-ħafna problemi tad-dinja li fihom ngħixu. Nitlobkom, ejjew nitolbu lill-Mulej jagħtina l-Ispirtu s-Santu biex ma nibqgħux bilqiegħda fl-għama tagħna, għama li tista’ ssejjaħlu mondanità, li tista’ ssejjaħlu kumdità, li tista’ ssejjaħlu qalb magħluqa. Ma nibqgħux bilqiegħda fl-għama tagħna.

 

Imma minflok ejjew niftakru f’dan: il-Mulej jgħaddi, il-Mulej jgħaddi ta’ kuljum, il-Mulej jgħaddi dejjem u jieqaf biex jieħu ħsieb tal-għama tagħna. U jien, qed inħossu għaddej? Kapaċi nisma’ l-passi tal-Mulej? Kapaċi niddixxerni meta jkun għaddej il-Mulej? U tkun ħaġa sabiħa jekk is-Sinodu jħeġġiġna biex inkunu Knisja bħal Bartimew: il-komunità tad-dixxipli li, meta tisma’ li l-Mulej għaddej, tħoss ma’ ġisimha t-tferfira tas-salvazzjoni, tħalli tqajjimha l-qawwa tal-Vanġelu u tibda tgħajjatlu. Dan tagħmlu billi tiġbor il-karba tan-nisa u tal-irġiel kollha ta’ din l-art: il-karba ta’ dawk li jixtiequ jiskopru l-ferħ tal-Vanġelu u ta’ dawk li mill-banda l-oħra tbiegħdu; il-karba siekta ta’ min hu indifferenti; il-karba ta’ min qed ibati, tal-foqra, tal-imwarrbin, tat-tfal ilsiera tax-xogħol, imjassra f’tant partijiet tad-dinja minħabba x-xogħol; il-leħen miksur, tisma’ dak il-leħen miksur ta’ min mank fadallu s-saħħa biex jgħajjat lil Alla, għax ma għandux vuċi jew għax irrassenja ruħu. Ma għandniex bżonn ta’ Knisja bilqiegħda u li żżomm lura, imma ta’ Knisja li tiġbor il-karbiet tad-dinja u – irrid ngħidha din, forsi hawn min ħa jieħu skandlu – Knisja li tħammeġ idejha biex taqdi lill-Mulej.

 

U allura niġu għat-tieni aspett: jekk fil-bidu Bartimew kien mixħut bilqiegħda, issa naraw li fl-aħħar, baqa’ miexi warajh fit-triq. Din hi espressjoni tipika tal-Vanġelu li tfisser: sar dixxiplu tiegħu, beda miexi warajh. Fil-fatt, wara li għajjatlu, Ġesù waqaf u qalilhom isejħulu. Bartimew, minn bilqiegħda kif kien, qabeż fuq riġlejh u, dritt wara, reġa’ beda jara. Issa, hu jista’ jara lill-Mulej, jista’ jagħraf l-opra ta’ Alla fil-ħajja tiegħu u jista’ sa fl-aħħar jimxi warajh. Hekk, anki aħna, ħuti: meta nkunu bilqiegħda u komdi, meta anki bħala Knisja ma nsibux is-saħħa, il-kuraġġ u l-qlubija, il-parresia meħtieġa biex nerġgħu nqumu u naqbdu l-mixja, nitlobkom, ejjew niftakru nirritornaw dejjem għand il-Mulej, nirritornaw għall-Vanġelu. Nirritornaw għand il-Mulej, nirritornaw għall-Vanġelu. Dejjem u mill-ġdid, waqt li hu għaddej, jeħtieġ nagħtu widen għas-sejħa tiegħu, li terġa’ tqajjimna fuq riġlejna u toħroġna mill-għama tagħna. U mbagħad nerġgħu nibdew mexjin warajh, nimxu miegħu fit-triq.

 

Nixtieq intennih dan: dwar Bartimew il-Vanġelu jgħid li “baqa’ miexi warajh fit-triq”. Din hi xbieha tal-Knisja sinodali: il-Mulej isejħilna, jerfagħna meta nkunu bilqiegħda jew waqajna, jerġa’ jagħtina d-dawl mill-ġdid, biex fid-dawl tal-Vanġelu nistgħu naraw it-tħassib u t-tbatijiet tad-dinja; u hekk, imreġġa’ lura fuq saqajna mill-Mulej, induqu l-ferħ li nimxu warajh fit-triq. Il-Mulej nimxu warajh fit-triq, ma nimxux warajh magħluqin fil-kumditajiet tagħna, ma nimxux warajh fil-labirinti tal-ideat tagħna: nimxu warajh fit-triq. U ejjew niftakruh dejjem dan: ma nimxux għal riħna jew skont il-kriterji tad-dinja, imma nimxu fit-triq, flimkien, warajh u nimxu miegħu.

 

Ħuti: mhux Knisja bilqiegħda, imma Knisja bilwieqfa. Mhux Knisja muta, imma Knisja li tiġbor il-karba tal-umanità. Mhux Knisja għamja, imma Knisja mdawla minn Kristu li twassal id-dawl tal-Vanġelu lill-oħrajn. Mhux Knisja statika, imma Knisja missjunarja, li timxi mal-Mulej tul it-toroq tad-dinja.

 

U llum, waqt li qed irroddu ħajr lill-Mulej tal-mixja li għamilna flimkien, nistgħu naraw u nqimu r-relikwa tal-Katedra antika ta’ San Pietru, irrestawrata b’attenzjoni kbira. Aħna u nikkontemplawha bl-istagħġib tal-fidi, ejjew niftakru li din hija l-katedra tal-imħabba, hija l-katedra tal-għaqda, hija l-katedra tal-ħniena, skont dak l-amar ta’ Ġesù lill-Appostlu Pietru biex mhux jaħkem fuq l-oħrajn, imma jaqdihom fl-imħabba. U aħna u nammiraw it-tribuna maestuża tal-Bernini, tixgħel iktar minn qatt qabel, niskopru mill-ġdid li din tinkwadra l-veru punt fokali tal-Bażilika kollha, jiġifieri l-glorja tal-Ispirtu s-Santu. Din hija l-Knisja sinodali: komunità li l-primat tagħha jinsab fid-don tal-Ispirtu, li jagħmilna lkoll aħwa fi Kristu u jerfagħna lejh.

 

Ħuti, ejjew nimxu b’fiduċja t-triq tagħna flimkien. Lilna wkoll illum il-Kelma ta’ Alla ttennilna, bħal lil Bartimew: “Agħmel il-qalb! Qum, qiegħed isejjaħlek”. Jiena nħossni msejjaħ? Din hija l-mistoqsija li rridu nagħmlu. Inħossni msejjaħ? Inħossni dgħajjef u ma nistax inqum? Nitlob għajnuna? Nitlobkom, ejjew intajru l-mantar tar-rassenjazzjoni u nafdaw lill-Mulej l-għama tagħna. Inqumu fuq saqajna u nwasslu l-ferħ tal-Vanġelu, inwassluh fit-toroq tad-dinja.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard