L-GĦAXAR LAQGĦA DINJIJA TAL-FAMILJI

OMELIJA TAL-PAPA FRANĠISKU FIL-QUDDIESA

Pjazza San Pietru
Is-Sibt, 25 ta’ Ġunju 2022

 

Bħala parti mill-Għaxar Laqgħa Dinjija tal-Familji, dan huwa l-mument ta’ radd il-ħajr. Bi gratitudni llum inġibu quddiem Alla – bħal offertorju kbir – dak kollu li l-Ispirtu s-Santu żera’ fikom, għeżież familji. Xi wħud minnkom ipparteċipaw fil-mumenti ta’ riflessjoni u qsim hawn fil-Vatikan; oħrajn għexuhom fid-djoċesijiet rispettivi tagħhom, u hekk ħloqna speċi ta’ “kostellazzjoni” immensa. Nimmaġina l-ġid ta’ esperjenzi, proponimenti, ħolm, u ma jonqosx ukoll it-tħassib u l-inċertezzi. Issa ejjew nippreżentaw kollox lill-Mulej, u nitolbuh iwenżinkom bis-saħħa tiegħu u bl-imħabba tiegħu. Intom missirijiet, ommijiet, ulied, nanniet, zijiet; intom adulti, tfal, żgħażagħ, anzjani; kull wieħed b’esperjenza differenti fil-familja, imma lkoll bl-istess tama magħmula bħala talba: Alla jbierek u jipproteġi l-familji tagħkom u l-familji kollha tad-dinja.

San Pawl, fit-tieni qari, kellimna dwar il-libertà. Il-libertà hija waħda mill-aktar affarijiet apprezzati u mfittxija mill-bniedem modern tal-lum. Kulħadd irid ikun ħieles, mhux ikkundizzjonat, mhux limitat, u għalhekk jaspira li jeħles minn kull tip ta’ “ħabs”: kulturali, soċjali, ekonomiku. U madankollu, kemm hawn nies neqsin mill-akbar libertà: dik interjuri! L-akbar libertà hija l-libertà interjuri. L-Appostlu jfakkar lilna l-Insara li l-libertà hija fuq kollox don, meta jgħid: “Kristu ħelisna biex ikollna l-ħelsien!”. (Gal 5: 1). Il-libertà kienet mogħtija lilna. Ilkoll kemm aħna nitwieldu b’ħafna kundizzjonamenti interni u esterni, u fuq kollox b’tendenza għall-egoiżmu, jiġifieri li npoġġu lilna nfusna fiċ-ċentru u li li nfittxu dak li jaqbel lilna. Imma Kristu ħelisna minn din il-jasar. Biex ma jkunx hemm dubju, San Pawl jgħidilna ċar u tond li l-ħelsien li tana Alla mhuwiex il-ħelsien falz u vojt tad-dinja, u “biex ma ninqdewx b’dan il-ħelsien għall-ġisem” (Gal 5,13). Le, il-ħelsien li Kristu tana bil-prezz ta’ demmu huwa orjentat għal kollox lejn l-imħabba, biex – kif qal u jgħidilna llum l-Appostlu – “naqdu lil xulxin bl-imħabba” (ibid. . .).

Intom il-miżżewġin, meta ffurmajtu l-familja tagħkom, bil-grazzja ta’ Kristu għamiltu din l-għażla kuraġġuża: li ma tużawx il-libertà għalikom infuskom, imma biex tħobbu lill-dawk li Alla poġġa f’ħajjitkom. Minflok tgħixu bħala “gżejjer”, intom poġġejtu lilkom infuskom “għall-qadi ta’ xulxin”. Hekk ttiħaddem il-libertà fil-familja! Ma jeżistux “pjaneti” jew “satelliti” kull wieħed għal rasu. Il-familja hija l-post tal-laqgħa, tal-qsim, fejn bniedem joħroġ minnu nnifsu biex jiltaqa’ mal-ieħor u jkun qrib tiegħu. Hija l-ewwel post fejn titgħallem tħobb. Qatt tinsewha din: il-familja hija l-ewwel post fejn titgħallem tħobb.

Ħuti, filwaqt li ngħidilkom dan b’konvinzjoni kbira, nafu sew li fil-fatt dan mhux dejjem ikun il-każ, minħabba ħafna raġunijiet u sitwazzjonijiet differenti. U filwaqt li nerġgħu ngħidu kemm hi sabiħa l-familja, inħossu aktar minn qatt qabel il-ħtieġa li niddefenduha. Ma nħalluhiex titniġġeż mill-veleni tal-egoiżmu, mill-individwaliżmu, mill-kultura tal-indifferenza u mill-kultura tal-iskart, u hekk titlef id- “DNA” tagħha li hija l-akkoljenza u l-ispirtu ta’ servizz. Dan hu dak li jimmarka l-familja: l-akkoljenza u l-ispirtu ta’ servizz fi ħdan il-familja.

Ir-relazzjoni bejn il-profeti Elija u Eliżew, kif rajna fl-ewwel qari, ġġiegħelna naħsbu dwar ir-relazzjoni bejn il-ġenerazzjonijiet, meta l-ġenituri jgħaddu r-responsabbiltà tagħhom lill-ulied. Din ir-relazzjoni fid-dinja tal-lum mhix sempliċi u ħafna drabi hija kawża ta’ tħassib. Il-ġenituri jibżgħu li uliedhom ma jkunux jistgħu ifendu fil-kumplessità u l-konfużjoni tas-soċjetajiet tagħna, fejn kollox jidher konfuż, prekarju, u li fl-aħħar mill-aħħar jitilfu triqithom. Din il-biża’ tagħmel lil xi ġenituri mimlijin tensjoni, xi wħud iżżejjed, u li xi drabi saħansitra tispiċċa biex toqtol fihom ix-xewqa li jġibu ħajjiet ġodda fid-dinja.

Jagħmlilna tajjeb li nirriflettu dwar ir-relazzjoni bejn Elija u Eliżew. Elija, f’mument ta’ kriżi u biża’ mill-ġejjieni, jirċievi l-kmand mingħand Alla biex jidlek lil Eliżew bħala s-suċċessur tiegħu. Alla jġiegħel lil Elija jifhem li d-dinja ma tispiċċax miegħu u jikkmandah jgħaddi l-missjoni tiegħu lil ħaddieħor. Din hija t-tifsira tal-ġest deskritt fil-qari: Elija jitfa’ l-mantar tiegħu fuq spallejn Eliżew, u minn dak il-mument id-dixxiplu jieħu post l-imgħallem biex ikompli l-ministeru profetiku tiegħu f’Iżrael. B’hekk Alla juri li għandu fiduċja fiż-​żagħżugħ Eliżew. Elija x-xwejjaħ jgħaddi l-r-responsabbiltà li kellu, il-vokazzjoni profetika lil Eliżew. Huwa jafda żagħżugħ, jafda fil-ġejjieni. F'dak il-ġest hemm it-tama, u mat-tama jgħaddi r-responsabbiltà lil Eliżew.

Kemm hu importanti li l-ġenituri jikkontemplaw il-mod kif Alla jġib ruħu! Alla jħobb liż-żgħażagħ, imma dan ma jfissirx li jħarishom minn kull riskju, minn kull sfida u minn kull tbatija. Aħsbu ftit: Alla ma jbatix bit-tensjoni u lanqas huwa “overprotective”; għall-kuntrarju, għandu fiduċja fihom u jsejjaħ lil kull wieħed skont il-qies tal-ħajja u tal-missjoni. Aħsbu dwar it-tfajjel Samwel, fl-adolexxent David, fiż-żagħżugħ Ġeremija; aħsbu fuq kollox f’dik it-tfajla ta’ sittax, sbatax-il sena li nisslet lil Ġesù, il-Verġni Marija. Huwa jafda tfajla. Għeżież ġenituri, il-Kelma ta’ Alla turina t-triq: mhux biex inħarsu lit-tfal minn kull skumdità jew l-iċken tbatija, imma biex nippruvaw inwasslulhom il-ħerqa għall-ħajja, biex inqanqlu fihom ix-xewqa li jsibu l-vokazzjoni tagħhom u li jħaddnu l-missjoni kbira li Alla ħaseb għalihom. Hija proprju din is-sejba li tagħmel lil Eliżew kuraġġuż, determinat u ġġiegħlu jsir raġel adult. Il-firda mill-ġenituri tiegħu u l-qtil tal-barrin huma proprju s-sinjal li Eliżew fehem li issa “imiss lilu”, li wasal iż-żmien li jaċċetta s-sejħa ta’ Alla u jkompli dak li kien ra lill-għalliem tiegħu jagħmel. U se jagħmel dan b’kuraġġ sa tmiem ħajtu. Għeżież ġenituri, jekk tgħinu lil uliedkom jiskopru u jaċċettaw il-vokazzjoni tagħhom, taraw li “jinqabdu” minn din il-missjoni u jkollhom is-saħħa biex jiffaċċjaw u jegħilbu d-diffikultajiet tal-ħajja.

Nixtieq inżid ukoll li, kull edukatur, l-aħjar mod biex jgħin lil ħaddieħor isegwi l-vokazzjoni tiegħu huwa li hu nnifsu jħaddan il-vokazzjoni tiegħu b’imħabba fidila. Dan hu dak li d-dixxipli raw lil Ġesù jagħmel. U l-Vanġelu tal-lum jurina mument tant qawwi, meta Ġesù “b’rieda sħiħa dar u telaq lejn Ġerusalemm” (Lq 9,51), hu li kien jaf sewwa li hemmhekk kien se jiġi kkundannat u maqtul. U fi triqtu lejn Ġerusalemm, Ġesù jsofri ċ-ċaħda min-nies tas-Samarija, ċaħda li tqanqal ir-reazzjoni mimlija rabja ta’ Ġakbu u Ġwanni, iżda li Hu jaċċetta għax hija parti mill-vokazzjoni tiegħu: fil-bidu ġie miċħud f’Nazaret – naħsbu f’dak il-jum fis-sinagoga ta’ Nazaret (ara Mt 13, 53-58) –, u issa fis-Samarija, u fl-aħħar se jiġi miċħud f’Ġerusalemm. Ġesù jaċċetta dan kollu għax hu ġie biex jieħu fuqu stess dnubietna kollha. Bl-istess mod, m’hemm xejn iktar inkoraġġanti għall-ulied milli jaraw lill-ġenituri tagħhom jgħixu ż-żwieġ u l-familja bħala missjoni, b’fedeltà u b’paċenzja, minkejja d-diffikultajiet, mumenti ta’ niket u provi. U dak li ġara lil Ġesù fis-Samarija jiġri f’kull vokazzjoni Nisranija, anke f’dik tal-familja. Din nafuha lkoll kemm aħna: hemm ċirkustanzi meta wieħed irid jerfa’ fuq spallejh ir-reżistenzi, l-għeluq, id-diżgwid li joħorġu mill-qalb tal-bniedem u, bil-grazzja ta’ Kristu, jibdilhom f’akkoljenza, f’imħabba mogħtija b’xejn.

U fi triqitu lejn Ġerusalemm, immedjatament wara dan l-episodju, li jiddeskrivi f’ċertu sens il-“vokazzjoni ta’ Ġesù”, l-Evanġelju jippreżentalna tliet sejħiet oħra, tliet vokazzjonijiet ta’ persuni li xtaqu jkunu dixxipli ta’ Ġesù. L-ewwel wieħed kien mistieden biex ma jfittixx xi residenza stabbli, jew xi akkomodazzjoni sigura, fuq l-eżempju tal-Imgħallem. Tabilħaqq, hu “m’għandux fejn imidd rasu” (Lq 9:58). Li nimxu wara Ġesù jfisser li nimxi, u li nibqa’ dejjem miexi,  dejjem “fi vjaġġ” miegħu matul il-ġrajjiet tal-ħajja. Kemm hu tabilħaqq minnu dan għalikom, għeżież  miżżewwġin! Intom ukoll, li aċċettajtu s-sejħa għaż-żwieġ u l-familja, ħallejtu l-“bejta” tagħkom u bdejtu vjaġġ, u ma stajtux tkunu tafu minn qabel mnejn kien se jgħaddikom dan il-vjaġġ, li kien se jżommkom f’mixja kontinwa, b’sitwazzjonijiet dejjem ġodda, ġrajjiet mhux mistennija, sorpriżi xi wħud minnhom ta’ tbatija. Hekk hu l-vjaġġ mal-Mulej. Huwa dinamiku, huwa imprevedibbli, imma dejjem huwa sejba mill-isbaħ. Ejja niftakru li l-mistrieħ ta’ kull dixxiplu ta’ Ġesù qiegħed proprju filli jagħmel ir-rieda ta’ Alla kuljum, tkun xi tkun.

It-tieni dixxiplu kien mistieden biex “ma jmurx lura u jidfen lill-mejtin tiegħu” (vv. 59-60). Din mhix kwistjoni li mmorru kontra r-raba’ kmandament, li jibqa’ dejjem validu u hu kmandament li tant iqaddisna; minflok din hija stedina biex nobdu qabel kollox l-ewwel kmandament: li nħobbu lil Alla qabel kollox. Dan huwa l-każ ukoll tat-tielet dixxiplu, imsejjaħ biex jimxi wara Kristu b’determinazzjoni u b’qalbu kollha, mingħajr “jħares lura”, lanqas biex isellem lil tad-dar (ara vv. 61-62).

Għeżież familji, intom ukoll mistiedna biex ma jkollkomx prijoritajiet oħra, biex “ma tħarsux lura”, jiġifieri biex ma toqogħdux jiddispjaċikom għall-ħajja li kellkom qabel, għal-libertà li kellkom qabel, bl-illużjonijiet qarrieqa tagħha: il-ħajja tibqa’ mqabbda mal-passat meta wieħed ma jilqax dawk l-affarijiet ġodda li jibgħat Alla. Tibqa’ mwaħħal fil-passat. U meta aħna jiddispjaċina mill-passat u ma nilqgħux l-aħbar li jibgħatilna Alla, nibqgħu mwaħħlin fil-passat, jagħmilna nies ta’ qalb iebsa, ma nibqgħux umani. Meta Ġesù jsejjaħ, anki għaż-żwieġ u l-familja, jitlobna nħarsu ’l quddiem u dejjem jimxi quddiemna matul il-vjaġġ, hu dejjem jimxi qabilna fl-imħabba u fil-qadi. Dawk li jimxu warajh ma jkunux diżappuntati!

Għeżież ħuti, il-qari kollu tal-liturġija tal-lum, b’mod providenzjali, jitkellem dwar il-vokazzjoni, li hija proprju t-tema ta’ din l-għaxar Laqgħa Dinjija tal-Familji: “L-imħabba fil-familja: vokazzjoni u triq għall-qdusija”. Bil-qawwa ta’ din il-Kelma tal-ħajja, inħeġġiġkom biex, b’deċiżjoni, terġgħu tibdew l-mixja tal-imħabba tal-familja, taqsmu l-ferħ ta’ din is-sejħa mal-membri kollha tal-familja. Din mhix triq faċli, mhix waħda faċli: ikun hemm mumenti ta’ dlam, mumenti ta’ diffikultà fejn naħsbu li kollox spiċċa. Jalla l-imħabba li tgħixu bejnietkom tkun dejjem miftuħa, indirizzata lejn l-oħrajn, kapaċi “tmiss” lil dawk l-aktar dgħajfa u mweġġa’ li tiltaqgħu magħhom fil-mixja tagħkom: dgħajfin fil-ġisem u fir-ruħ. Fil-fatt, anke l-imħabba tal-familja hija msoffija u msaħħa meta tingħata.

L-imħabba tal-familja hija kuraġġuża: jeħtieġ kuraġġ biex wieħed jidħol għaż-żwieġ. Naraw ħafna żgħażagħ li m’għandhomx il-kuraġġ jiżżewġu, u kemm-il darba xi ommijiet jgħiduli: “Agħmel xi ħaġa, kellem lil ibni, għax ma jridx jiżżewweġ, u għandu 37 sena!”. – “Imma, sinjura, jaħasra, tibqax tgħaddilu l-qomos, ibda ibagħtu ftit ftit, u ħallih joħroġ mill-bejta”. Għax l-imħabba tal-familja timbotta lit-tfal biex itiru, tgħallimhom itiru u timbottahom biex itiru. Mhix imħabba possessiva: hija imħabba li tagħti l-libertà, dejjem. U mbagħad, f’mumenti diffiċli, fi kriżijiet – il-familji kollha jgħaddu minn kriżijiet – jekk jogħġobkom tieħdux l-iktar triq faċli: “Sejjer, sejra lura għand ommi”. Le. Imxu ʼl  quddiem b’dan il-kuraġġ. Jiġu mumenti diffiċli, se jkun hemm żminijiet iebsa, imma imxu ʼl quddiem, dejjem. Ir-raġel tiegħek, il-mara tiegħek għandha dik ix-xrara ta’ mħabba li ħassejtu fil-bidu: ħalliha toħroġ minn ġo fikom, skopru mill-ġdid l-imħabba. U dan jgħinkom ħafna fi żminijiet ta’ kriżi.

Il-Knisja tinsab magħkom, anzi, il-Knisja tinsab ġo fikom! Il-Knisja, fil-fatt, twieldet minn familja, dik ta’ Nazaret, u hija magħmula l-aktar minn familji. Jalla l-Mulej jgħinkom kuljum biex tibqagħu fl-għaqda, fil-paċi, fil-ferħ u wkoll fil-perseveranza f’mumenti diffiċli, dik il-perseveranza fidila li tagħmilna ngħixu aħjar, u turi lil kulħadd li Alla hu mħabba u komunjoni ta’ ħajja.

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Fr Roy Galdes