QUDDIESA BL-ORDINAZZJONI PRESBITERALI

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Bażilika ta’ San Pietru

Ir-IV Ħadd tal-Għid, 25 ta’ April 2021

 

Ħuti l-aktar għeżież, dawn uliedna ġew imsejħin għall-Ordni tal-Presbiterat. Nirriflettu bir-reqqa fuq il-ministeru li għalih se jiġu mgħollija fil-Knisja.

 

Kif tafu, ħuti, il-Mulej Ġesù huwa l-Qassis il-Kbir il-waħdieni tat-Testment il-Ġdid; imma fiha anki l-poplu kollu qaddis ta’ Alla ġie magħżul bħala poplu saċerdotali. Madankollu, minn fost id-dixxipli kollha tiegħu, il-Mulej Ġesù ried jagħżel uħud b’mod partikulari, biex huma u jwettqu f’ismu b’mod pubbliku fil-Knisja l-uffiċċju saċerdotali għall-ġid tal-bnedmin kollha, jissoktaw il-missjoni personali tiegħu ta’ għalliem, saċerdot u ragħaj.

 

Wara riflessjoni matura, issa wasalna biex ngħollu għall-ordni ta’ presbiteri lil dawn ħutna, biex fil-qadi ta’ Kristu mgħallem, saċerdot u ragħaj jikkoperaw biex jibnu l-ġisem ta’ Kristu, li huwa l-Knisja, f’poplu ta’ Alla u tempju qaddis tal-Ispirtu.

 

U intom, uliedi l-aktar għeżież, li wasaltu biex tiġu mgħollija għall-Ordni tal-Presbiterat, qisu li fit-tħaddim tal-ministeru tat-tagħlim imqaddes se tieħdu sehem fil-missjoni ta’ Kristu, l-imgħallem waħdieni. Bħalu sa tkunu ragħajja, dan hu li jrid minnkom. Ragħajja. Ragħajja tal-poplu qaddis u fidil ta’ Alla. Ragħajja li jimxu mal-poplu ta’ Alla: xi kultant quddiem il-merħla, xi kultant f’nofsha jew warajha, imma dejjem hemm, mal-poplu ta’ Alla.

 

Dari – fil-lingwaġġ ta’ dari – kienu jitkellmu fuq “karriera ekkleżjastika”, li ma kellhiex l-istess tifsira li għandha llum. Din mhijiex “karriera”: hija qadi, qadi bħal dak li għamel Alla lill-poplu tiegħu. U dan il-qadi ta’ Alla lill-poplu tiegħu jħalli “marki”, għandu stil, stil li intom għandkom issegwu. Stil ta’ qrubija, stil ta’ ħniena u stil ta’ ħlewwa. Dan hu l-istil ta’ Alla. Qrubija, ħniena, ħlewwa.

 

Il-qrubija. L-erba’ modi ta’ qrubija tal-qassis, erbgħa huma. Hu qrib lejn Alla fit-talb, fis-Sagramenti, fil-Quddiesa. Jitkellem mal-Mulej, ikun qrib tal-Mulej. Hu sar qrib tagħna f’Ibnu. L-istorja kollha ta’ Ibnu. Kien ukoll qrib tagħkom, ta’ kull wieħed minnkom, fil-mixja ta’ ħajjitkom sa dan il-mument. Imqar fil-mumenti koroh tad-dnub, hu kien hemm. Qrubija. Kunu qrib tal-poplu qaddis u fidil ta’ Alla. Imma qabelxejn qrib ta’ Alla, bit-talb. Saċerdot li ma jitlobx ftit ftit ikun jitfi n-nar tal-Ispirtu ġewwa fih. Qrubija lejn Alla.

 

It-tieni: qrubija lejn l-Isqof, u f’dan il-każ lejn il-“Viċi Isqof”. Kunu qrib, għax fl-Isqof intom issibu l-għaqda. Intom, ma rridx ngħid li intom qaddejja – għax qaddejja intom ta’ Alla – imma kollaboraturi tal-Isqof. Qrubija. Jien niftakar darba, tant żmien ilu, saċerdot li kellu d-diżgrazzja – ħa ngħidu hekk – li jiżloq “żelqa”… L-ewwel ħaġa li ġietni f’moħħi kienet li nċempel lill-Isqof. Anki fil-mumenti koroh ċempel lill-Isqof biex tħossok qrib tiegħu. Qrubija lejn Alla fit-talb, qrubija lejn l-Isqof. “Imma dan l-Isqof ma jogħġobnix…”. Imma dak missierek. “Imma dan l-Isqof jittrattani ħażin…”. Kun umli, mur għand l-Isqof.

 

It-tielet: qrubija bejnietkom. U jien nissuġġerilkom tagħmlu proponiment f’dan il-jum: li qatt ma titkellmu ħażin fuq saċerdot ħukom. Jekk għandkom xi ħaġa kontra xi ħadd, kunu rġiel, għalhekk għandkom qalziet: morru hemm, u għiduhielu f’wiċċu. “Imma din ħaġa veru kerha… ma nafx kif ħa jeħodha…”. Mur għand l-Isqof, ħa jgħinek hu. Imma qatt, qatt titkellem minn wara dahar dak li jkun. Tkunux paċpaċa. Taqgħux għas-seksik. L-għaqda bejnietkom: fil-Kunsill presbiterali, fil-kummissjonijiet, fix-xogħol. Qrubija bejnietkom u mal-Isqof.

 

U r-raba’: ngħid għalija, wara Alla, il-qrubija l-iżjed importanti hi dik lejn il-poplu qaddis u fidil ta’ Alla. Ħadd minnkom ma studja biex isir saċerdot. Studjajtu x-xjenzi ekkleżjastiċi, kif il-Knisja tgħid li għandu jsir. Imma intom ġejtu magħżula, meħuda minn fost il-poplu ta’ Alla. Il-Mulej qal lil David: “Jiena għażiltek minn qalb il-merħla”. Tinsewx mnejn ġejjin: mill-familja tagħkom, mill-poplu tagħkom… Titilfux ix-xamma tal-poplu ta’ Alla. Lil Timotju Pawlu qallu: “Ftakar f’ommok, f’nanntek…”. Iva, mnejn ġejt. U dak il-poplu ta’ Alla… L-awtur tal-Ittra lil-Lhud jgħid: “Ftakru f’dawk li għaddewlkom il-fidi”. Saċerdoti ta’ poplu, u mhux kjeriċi tal-Istat!

 

L-erba’ modi ta’ qrubija tal-qassis: qrib ta’ Alla, qrib tal-Isqof, qrib ta’ xulxin, qrib il-poplu ta’ Alla. L-istil tal-qrubija li hu l-istil ta’ Alla. Imma l-istil ta’ Alla huwa wkoll stil ta’ ħniena u ta’ ħlewwa. Tagħlqux qalbkom għall-problemi. U se taraw ħafna minnhom! Meta n-nies jiġu jgħidulkom bil-problemi tagħhom u jitolbukom timxu magħhom… Itilfu kemm hemm bżonn ħin tisimgħu u tfarrġu. Il-ħniena, li twasslek għall-maħfra, biex tagħder. Nitlobkom: uru ħniena, aħfru. Għax Alla kollox jaħfer, ma jegħja qatt jaħfer; aħna li negħjew nitolbu maħfra. Qrubija u ħniena. Imma ħniena ħelwa, b’dik il-ħlewwa tal-familja, tal-aħwa, ta’ missier… b’dik il-ħlewwa li ġġagħlek tħossok li tinsab fid-dar ta’ Alla.

 

Nawguralkom dan l-istil, dan l-istil li huwa l-istil ta’ Alla.

 

U mbagħad, kif kont qed ngħidilkom fis-Sagristija, imma nixtieq nagħmel aċċenn hawn quddiem il-poplu ta’ Alla. Nitlobkom, żommu bogħod mill-vanità, mill-kburija tal-flus. Ix-xitan jidħol “mill-bwiet”. Aħsbu f’dan. Kunu foqra, kif fqir hu l-poplu qaddis u fidil ta’ Alla. Foqra li jħobbu l-foqra. Tkunux minn dawk li ħsiebhom biex jixxabbtu. Il-“karriera ekkleżjastika”… Imbagħad issir funzjonarju, u meta saċerdot jibda jagħmilha ta’ negozjant, sew jekk fil-parroċċa u sew jekk fil-kulleġġ…, ikun fejn ikun, jitlef dik il-qrubija lejn il-poplu, jitlef dak il-faqar li jagħmlu jixbah lil Kristu fqir u mislub, u jsir in-negozjant, is-saċerdot negozjant u mhux iżjed il-qaddej. Smajt storja li qanqlitni. Saċerdot intelliġenti ħafna, prattiku ħafna, kapaċi ħafna, li kellu f’idejh ħafna amministrazzjoni, imma kellu qalbu marbuta ma’ dak l-uffiċċju, darba, għax ra li wieħed minn dawk ta’ taħtu, anzjan, kien għamel żball, għajjat miegħu, u keċċieh. U dak l-anzjan miet bil-piena. Dak ir-raġel kien ġie ordnat saċerdot, u spiċċa negozjant bla ħniena. Żommu dejjem din ix-xbieha quddiemkom, żommu dejjem din ix-xbieha.

 

Ragħajja qrib ta’ Alla, qrib tal-Isqof, qrib ta’ xulxin, u qrib tal-poplu ta’ Alla. Ragħajja: qaddejja bħala ragħajja, mhux bħala negozjanti. U tbiegħdu mill-flus.

 

U mbagħad, ftakru li sabiħa din it-triq tal-erba’ modi ta’ qrubija, din it-triq li tkunu ragħajja, għax Ġesù jfarraġ lir-ragħajja, għax huwa r-Ragħaj it-Tajjeb. U fittxu l-faraġ f’Ġesù, fittxu l-faraġ fil-Madonna – la tinsewhiex lil din l-Omm – fittxu dejjem il-faraġ hemmhekk: minn hemm tfarrġu.

 

U ħudu s-slaleb – sa jkollkom ħafna f’ħajjitkom – f’dirgħajn Ġesù u l-Madonna. U la tibżgħux, tibżgħux. Jekk tkunu qrib tal-Mulej, tal-Isqof, ta’ xulxin, u tal-poplu ta’ Alla, jekk ikollkom dan l-istil ta’ Alla – qrubija, ħniena u ħlewwa – la tibżgħux, għax kollox imur sew.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard