ĊELEBRAZZJONI TAL-PENITENZA

U ATT TA’ KONSAGRAZZJONI LILL-QALB BLA TEBGĦA TA’ MARIJA

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Bażilika ta’ San Pietru

Il-Ġimgħa 25 ta’ Marzu 2022

 

Fil-Vanġelu tas-Solennità tal-lum, l-Anġlu Gabrijel għal tliet darbiet jitkellem u jdur fuq il-Verġni Marija.

 

L-ewwel darba, meta jsellmilha, jgħid: “Ifraħ, mimlija bil-grazzja: il-Mulej miegħek” (Lq 1:28). Ir-raġuni biex tifraħ, ir-raġuni għall-ferħ, tinkixef fi ftit kliem: il-Mulej miegħek. Ħija, oħti, illum tista’ tisma’ dawn il-kelmiet jingħadu lilek, lil kull wieħed u waħda minna; tista’ tagħmilhom tiegħek kull darba li tersaq għall-maħfra ta’ Alla, għax hemm il-Mulej qed jgħidlek: “Jiena miegħek”. Spiss naħsbu li l-Qrar hu meta aħna mmorru għand Alla rasna baxxuta. Imma qabelxejn mhuwiex aħna li nduru lejn il-Mulej; huwa hu li jiġi jżurna, biex jimliena bil-grazzja tiegħu, iferraħna bil-ferħ tiegħu. Inqerru jfisser nimlew lill-Missier bil-ferħ li jerġa’ jerfagħna mill-ġdid. Fil-qalba ta’ dak li nkunu ngħixu ma jkunx hemm id-dnubiet tagħna, hemm ikunu, imma mhumiex fiċ-ċentru; il-maħfra tiegħu: din hija ċ-ċentru. Nippruvaw nimmaġinaw kieku fiċ-ċentru tas-Sagrament kien hemm id-dnubiet tagħna: kien jiddependi kollox minna, mill-indiema tagħna, mill-isforzi tagħna, minn kemm inħabirku aħna. Imma le, fiċ-ċentru hemm hu, li jeħlisna u jerġa’ jqajjimna fuq riġlejna.

 

Ejjew irroddu l-primat lill-grazzja u nitolbu d-don li nifhmu li r-Rikonċiljazzjoni mhijiex qabelxejn pass tagħna lejn Alla, imma t-tgħanniqa tiegħu li tħaddanna, tgħaġġibna, tqanqalna. Huwa l-Mulej li, bħalma għamel f’Nazaret għand Marija, jidħol fid-dar tagħna u jġib għaġeb u ferħ li ma konniex nafu x’inhuma qabel: il-ferħ tal-maħfra. Ejjew inqiegħdu fuq nett il-perspettiva ta’ Alla: neġgħu nibdew inħobbu l-Qrar. Għandna bżonnu, għax kull twelid ġdid interjuri, kull żvolta spiritwali tibda minn hawn, mill-maħfra ta’ Alla. Ejjew ma nwarrbux ir-Rikonċiljazzjoni, imma nerġgħu niskopruha mill-ġdid bħala s-Sagrament tal-ferħ. Iva, is-Sagrament tal-ferħ, fejn il-ħażen li jġagħalna nistħu jsir l-okkażjoni biex induqu t-tgħanniqa kollha mħabba tal-Missier, il-qawwa ħelwa ta’ Ġesù li tfejjaqna, il-“ħlewwa materna” tal-Ispirtu s-Santu. Din hija l-qalba tal-Qrar.

 

U allura, għeżież ħuti, ejjew immorru nirċievu l-maħfra. Intom, ħuti li qed tamministraw il-maħfra ta’ Alla, kunu dawk li joffru lil min jersaq għandkom il-ferħ ta’ din l-aħbar: Ifraħ, il-Mulej miegħek. Xejn riġidità, nitlobkom, l-ebda xkiel, l-ebda skumdità; bibien miftuħa għall-ħniena! Speċjalment fil-Qrar, aħna msejħin naġixxu fil-persuna tar-Ragħaj it-Tajjeb li jerfa’ f’dirgħajh in-nagħġiet tiegħu u jmellishom; aħna msejħin inkunu kanali ta’ grazzja li fuq in-nixfa tal-qalb isawbu l-ilma ħaj tal-ħniena tal-Missier. Jekk saċerdot ma jkollux dan l-atteġġjament, jekk ma għandux dawn is-sentimenti f’qalbu, aħjar ma jmurx iqarar.

 

Għat-tieni darba l-Anġlu jkellem lil Marija. Lilha, imħawda mit-tislima li rċiviet, jgħidilha: “Tibżax” (v. 30). L-ewwel: “Il-Mulej miegħek”; u t-tieni kelma: “Tibżax”. Fl-Iskrittura, meta Alla jersaq quddiem min jilqgħu, iħobb ilissen dawn iż-żewġ kelmiet: la tibżax. Jgħidhom lil Abram (ara Ġen 15:1), itennihom lil Iżakk (ara Ġen 26:24), lil Ġakobb (ara Ġen 46:3), u nistgħu nibqgħu sejrin, sa Ġużeppi (ara Mt 1:20) u Marija: la tibżax, la tibżax. B’dan il-mod hu jibgħatilna messaġġ ċar u li jfarraġna: kull darba li l-ħajja tinfetaħ għal Alla, il-biża’ ma jistax iżommna iżjed ilsiera tiegħu. Għax il-biża’ jżommna maqfula. Int, oħti, ħija, jekk id-dnubiet tiegħek ibeżżgħuk, jekk il-passat tiegħek jinkwetak, jekk il-ġrieħi tiegħek ma jridux jagħlqu, jekk il-waqgħat kontinwi jiddemoralizzawk u taħseb li tlift kull tama, nitolbok, la tibżax. Alla jaf x’inhuma d-dgħufijiet tiegħek u hu wisq ikbar mill-iżbalji tiegħek. Alla hu ikbar mid-dnubiet tagħna: hu wisq ikbar! Ħaġa qed jitolbok: id-dgħufijiet tiegħek, il-miżerji tiegħek, iżżommhomx magħluqin ġo fik; ħudhom għandu, agħtihom lilu, u minn raġunijiet ta’ qtigħ il-qalb isiru opportunitajiet ta’ qawmien. La tibżax! Il-Mulej qed jitlobna d-dnubiet tagħna. Tiġini f’moħħi l-istorja ta’ dak il-monaku tad-deżert, li lil Alla kien tah kollox, kollox, u kien jgħix ħajja ta’ sawm, ta’ penitenza, ta’ talb. Il-Mulej talbu iżjed. “Mulej, kollox tajtek”, jgħidlu l-monaku, “x’jonqos?”. “Agħtini d-dnubiet tiegħek”. Dak li jitlobna l-Mulej. La tibżax.

 

Il-Verġni Marija sseħibna: hi stess xeħtet dak li ħawwadha f’ħoġor Alla. Il-bxara tal-Anġlu tatha raġunijiet serji għalxiex tibża’. Kien qed jipproponilha xi ħaġa impensabbli, li kienet tgħaddi l-forzi tagħha u li waħidha ma kinitx kapaċi twettaqha: kien se jkun hemm wisq diffikultajiet, problemi mal-liġi ta’ Mosè, ma’ Ġużeppi, mal-persuni tar-raħal tagħha u tal-poplu tagħha. Dawn kollha huma diffikultajiet: la tibżax.

 

Imma Marija ma tagħmel ebda oġġezzjoni. Biżżejjed għaliha dik it-tibżax, biżżejjed għaliha r-rassigurazzjoni ta’ Alla. Tross qrib tiegħu, kif nixtiequ nagħmlu aħna llejla. Għax spiss nagħmlu bil-kontra: nibnu fuq iċ-ċertezzi tagħna, u jkun biss meta nitilfuhom li mmorru għand Alla. Imma l-Madonna tgħallimna nibdew minn Alla, mill-fiduċja li hekk il-bqija kollu se jingħatalna (ara Mt 6:33). Tistedinna mmorru fl-għajn, immorru għand il-Mulej, li huwa r-rimedju radikali kontra l-biża’ u l-ħażen tal-ħajja. Dan tfakkarhulna frażi sabiħa, li tinsab fuq konfessjonarju hawn fil-Vatikan, li ddur lejn Alla b’dawn il-kelmiet: “Min jitbiegħed Minnek jaqa’, min idur lura Lejk jerġa’ jqum, min jibqa’ Fik jgħix” (ara Santu Wistin, Soliloquium I,3).

 

F’dawn il-jiem qed ikomplu jidħlu fid-djar tagħna aħbarijiet u immaġni ta’ mewt, waqt li l-bombi jeqirdu d-djar ta’ tant ħutna Ukreni li m’għandhomx x’jiddefendihom. Il-gwerra kiefra, li ħabtet fuq tant persuni u qed iġġagħal lil kulħadd ibati, tqanqal fina lkoll biża’ u sens ta’ xokk. Inħossu ġewwa fina li ma nafux x’nistgħu nagħmlu u li aħna bla ħila. Għandna bżonn nisimgħu min jgħidilna “la tibżax”. Mhux biżżejjed ir-rassigurazzjonijiet umani, hemm bżonn tal-preżenza ta’ Alla, iċ-ċertezza tal-maħfra divina, li waħidha tneħħi l-ħażen, iżżarma l-korla, trodd il-paċi lill-qalb. Ejjew nerġgħu nduru lejn Alla, nerġgħu nduru lejn il-maħfra tiegħu.

 

Għat-tielet darba l-Anġlu jerġa’ jitkellem. Din id-darba lill-Madonna jgħidilha: “L-Ispirtu s-Santu jiġi fuqek” (Lq 1:35). “Il-Mulej miegħek”, “Tibżax”; u t-tielet kelma hi “l-Ispirtu s-Santu jiġi fuqek”. Araw kif jidħol Alla fl-istorja: billi jagħti l-istess Spirtu tiegħu. Għax f’dak li jiswa mhumiex biżżejjed il-forzi tagħna. Aħna waħidna ma jirnexxilniex insewwu l-kontradizzjonijiet tal-istorja u lanqas dawk ta’ qalbna. Għandna bżonn tal-qawwa għarfa u twajba ta’ Alla, li hu l-Ispirtu s-Santu. Għandna bżonn tal-Ispirtu tal-imħabba, li jxejjen il-mibegħda, jitfi l-korla, jeqred ir-regħba, jerġa’ jqajjimna mill-indifferenza. Dak l-Ispirtu li jagħtina l-armonija, għax huwa hu l-armonija. Għandna bżonn tal-imħabba ta’ Alla għax l-imħabba tagħna hi fqira u mhix biżżejjed. Tant ħwejjeġ nitolbu lill-Mulej, imma spiss ninsew nitolbuh dak li hu l-iżjed importanti u li hu jixtieq jagħtina: l-Ispirtu s-Santu, jiġifieri l-qawwa li nħobbu. Fil-fatt, mingħajr imħabba, x’nistgħu noffru lid-dinja? Xi ħadd qal li Nisrani mingħajr imħabba hu bħal labra li ma tħitx: itaqqab, iweġġa’, imma jekk ma jħitx, jekk ma jinsiġx, jekk ma jgħaqqadx, ma fihx siwi. Nissogra ngħid: mhuwiex Nisrani. Għalhekk hemm bżonn li mill-maħfra ta’ Alla niksbu l-qawwa tal-imħabba, niksbu lill-istess Spirtu li niżel fuq Marija.

 

Għax, jekk irridu li d-dinja tinbidel, qabelxejn hi qalbna li trid tinbidel. Biex nagħmlu dan, illum ejjew inħallu lil Marija taqbdilna jdejna. Inħarsu lejn il-Qalb bla tebgħa tagħha, fejn Alla straħ, lejn l-unika Qalb ta’ ħlejqa umana mingħajr dellijiet. Hi l-“mimlija bil-grazzja” (v. 28), u allura battala mid-dnub: fiha ma hemm ebda ħjiel ta’ ħażen u għalhekk magħha Alla seta’ jibda storja ġdida ta’ salvazzjoni u ta’ paċi. Hemmhekk l-istorja nbidlet. Alla bidel l-istorja billi ħabbat fuq il-Qalb ta’ Marija.

 

U llum aħna wkoll, imġedda mill-maħfra, inħabbtu fuq dik il-Qalb. F’għaqda mal-Isqfijiet u l-fidili tad-dinja, nixtieq solennement inwassal lill-Qalb bla tebgħa ta’ Marija dak kollu li qegħdin ngħixu: inġeddilha l-konsagrazzjoni tal-Knisja u tal-umanità kollha, u nikkonsagra lilha, b’mod partikulari, il-poplu Ukren u l-poplu Russu, li bi mħabba ta’ wlied iqimuha bħala Omm. Din mhix xi formula maġika, le, mhijiex hekk; imma hi att spiritwali. Huwa l-ġest tal-fiduċja sħiħa tal-ulied li, fit-tiġrib ta’ din il-gwerra kiefra u din il-gwerra bla sens li qed thedded id-dinja, jirrikorru għand Ommhom. Bħat-tfal, li meta jibżgħu, imorru jiġru jibku għand ommhom, biex ifittxu l-protezzjoni. Nirrikorru għand l-Omm, nixħtu fil-Qalb tagħha biża’ u tbatija, u nagħtuha wkoll lilna nfusna. Dan ifisser li nqiegħdu f’dik il-Qalb safja, bla tebgħa, fejn jidher ir-rifless ta’ Alla, il-ġid prezzjuż tal-fraternità u tal-paċi, dak kollu li għandna u li aħna, biex tkun hi, l-Omm li tana l-Mulej, li tindukrana u tħarisna.

 

Minn fomm Marija ħarġet l-isbaħ frażi li l-Anġlu seta’ jieħu lura għand Alla: “Ħa jsir minni skont kelmtek” (v. 38). Dik tal-Madonna mhijiex xi aċċettazzjoni passiva jew rassenjata, imma x-xewqa ħajja li tagħmel kif irid Alla, li għandu “pjanijiet ta’ ġid u mhux ta’ ħsara” (Ġer 29:11). Huwa l-iktar sehem sħiħ fil-pjan tiegħu ta’ paċi għad-dinja. Nikkonsagraw ruħna lil Marija biex nidħlu f’dan il-pjan, biex inkunu disposti f’kollox għall-proġetti ta’ Alla. L-Omm ta’ Alla, wara li lissnet l-iva tagħha, ħabbtet wiċċha mal-vjaġġ twil għat-telgħa lejn reġjun kollu muntanji biex tmur iżżur lill-kuġina tagħha li kienet tqila (ara Lq 1:39). Marret tħaffef. Nieħu gost naħseb fil-Madonna mgħaġġla, dejjem hekk, il-Madonna li tiġi tħaffef biex tgħinna, biex tħarisna. Ħa taqbdilna llum f’idejna aħna u mexjin: ħa tmexxina lejn il-mogħdijiet wieqfa u ibsin tal-fraternità u tad-djalogu, ħa tmexxina fit-triq tas-sliem.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard