SOLENNITÀ TAL-KONVERŻJONI TA’ SAN PAWL APPOSTLU

ĊELEBRAZZJONI TAT-TIENI GĦASAR

IT-LVIII ĠIMGĦA TA’ TALB GĦALL-GĦAQDA TAL-INSARA

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Bażilika ta’ San Paolo fuori le Mura

Is-Sibt 25 ta’ Jannar 2025

 

Ġesù jasal fid-dar ta’ ħbiebu, Marta u Marija, meta ħuhom Lazzru kien diġà ilu erbat ijiem mejjet. Kull tama issa tidher mitlufa, sal-punt li l-ewwel kelmiet ta’ Marta jesprimu n-niket tagħha flimkien mad-dispjaċir li Ġesù wasal tard: “Mulej, kieku kont hawn, ħija ma kienx imut” (Ġw 11:21). U fl-istess waqt, imma, il-wasla ta’ Ġesù tixgħel fil-qalb ta’ Marta d-dawl tat-tama u twassalha għal stqarrija ta’ fidi: “Imma wkoll issa, jiena naf li kulma int titlob lil Alla, Alla jagħtihulek” (v. 22). Huwa dak l-atteġġjament ta’ min iħalli l-bieb dejjem miftuħ, qatt magħluq! U Ġesù, fil-fatt, iħabbrilha l-qawmien mill-mewt mhux biss bħala ġrajja li ħa sseħħ fl-aħħar taż-żminijiet, imma bħala xi ħaġa li sseħħ diġà fil-preżent, għax hu nnifsu hu qawmien u ħajja. U mbagħad jagħmlilha mistoqsija: “Temmnu inti dan?” (v. 26). Dik il-mistoqsija hi għalina wkoll, għalik, għalija: “Temmnu inti dan?”.

 

Ejjew nieqfu wkoll fuq din il-mistoqsija: “Temmnu inti dan?” (v. 26). Hija mistoqsija qasira imma impenjattiva.

 

Din il-laqgħa ħelwa bejn Ġesù u Marta, li għadna kemm smajna fil-Vanġelu, tgħallimna li, anki fil-mumenti ta’ qtigħ il-qalb, m’aħniex waħidna u nistgħu nkomplu nittamaw. Ġesù jagħti l-ħajja, anki meta jidher li kull tama sfaxxat fix-xejn. Wara telfa ta’ swied il-qalb, wara marda, wara delużjoni qarsa, wara tradiment li wieħed ikun daq jew esperjenzi oħra diffiċli, it-tama tista’ tmajna; imma jekk kull wieħed u waħda minna jista’ jgħix mumenti ta’ taqtigħ il-qalb jew jiltaqa’ ma’ persuni li tilfu t-tama, il-Vanġelu jgħidilna li ma’ Ġesù t-tama dejjem titwieled mill-ġdid, għax mill-irmied tal-mewt hu dejjem jerġa’ jerfagħna. Ġesù dejjem jerġa’ jerfagħna, jagħtina l-qawwa li nerġgħu nibdew mexjin, li nerġgħu nibdew mill-ġdid.

 

Għeżież ħuti, ejjew qatt ma ninsew: it-tama ma tqarraqx! It-tama ma tqarraq qatt! It-tama hi dak il-ħabel li miegħu aħna mqabbdin bl-ankra fuq ix-xatt. U dan qatt ma jqarraq bina! Dan hu importanti wkoll għall-ħajja tal-Komunitajiet Insara, tal-Knejjes tagħna u tar-relazzjonijiet ekumeniċi tagħna. Xi drabi nħossuna magħfusin mit-taħbit, qalbna maqtugħa bir-riżultati tal-impenn tagħna, nibdew naħsbu li anki d-djalogu u l-kollaborazzjoni bejnietna huma bla tama, kważi ddestinati għall-mewt, u dan kollu jdewwaqna l-istess diqa ta’ Marta; imma l-Mulej jiġi. Nemmnuh aħna dan? Nemmnu li hu l-qawmien u l-ħajja? Li jieħu fuqu t-taħbit tagħna u dejjem jagħtina l-grazzja li flimkien nerġgħu nibdew mexjin? Nemmnuh dan?

 

Dan il-messaġġ ta’ tama jinsab fil-qalba tal-Ġublew li bdejna. L-Appostlu Pawlu, li llum qed infakkru l-konverżjoni tiegħu għal Kristu, stqarr mal-Insara ta’ Ruma: “U din it-tama ma tqarraqx bina, għax l-imħabba ta’ Alla ssawbet fi qlubna permezz tal-Ispirtu s-Santu li kien mogħti lilna” (Rum 5:5). Ilkoll – ilkoll! – irċivejna l-istess Spirtu, u dan hu l-fundament tal-mixja ekumenika tagħna. Hemm l-Ispirtu li jmexxina f’din it-triq. Mhumiex ħwejjeġ prattiċi biex niftiehmu aħjar. Le, hemm l-Ispirtu, u aħna jeħtieġ nimxu taħt il-gwida ta’ dan l-Ispirtu.

 

U din is-Sena Ġubilari tat-tama, iċċelebrata mill-Knisja Kattolika, qed taħbat ma’ anniversarju ta’ sinifikat kbir għall-Insara kollha: l-1700 anniversarju mill-ewwel Konċilju kbir ekumeniku, il-Konċilju ta’ Nicea. Dan il-Konċilju ħabrek biex iżomm sħiħa l-għaqda tal-Knisja fi żmien iebes ħafna, u l-Missirijiet konċiljari approvaw b’mod unanimu l-Kredu li ħafna Nsara għadhom jistqarru sal-lum kull nhar ta’ Ħadd waqt l-Ewkaristija. Dan il-Kredu hu stqarrija ta’ fidi komuni, li tmur lil hemm mill-firdiet kollha li matul is-sekli darbu l-Ġisem ta’ Kristu. L-anniversarju tal-Konċilju ta’ Nicea allura jirrappreżenta sena ta’ grazzja; jirrappreżenta anki opportunità għall-Insara kollha li jgħidu l-istess Kredu u jemmnu fl-istess Alla: niskopru mill-ġdid l-għeruq komuni tal-fidi, inħarsu l-għaqda! Dejjem inħarsu ’l quddiem! Dik l-għaqda li lkoll kemm aħna rridu nsibu, sabiex isseħħ. Ma jiġikomx f’moħħkom dak li kien jgħid teologu kbir Ortodoss, Ioannis Zizioulas: “Jiena naf meta ħa tkun id-data tal-għaqda sħiħa: l-għada tal-Ġudizzju finali”? Imma sadattant jeħtieġ nimxu flimkien, naħdmu flimkien, nitolbu flimkien, inħobbu lil xulxin flimkien. U din hi ħaġa sabiħa ħafna!

 

Għeżież ħuti, din il-fidi li naqsmu flimkien hija don prezzjuż, imma hija wkoll sfida. Fil-fatt, l-anniversarju ma għandux jiġi ċċelebrat biss bħala “tifkira storika”, imma wkoll bħala impenn biex nagħtu xhieda tal-komunjoni dejjem tikber bejnietna. Jeħtieġ nagħmlu mezz li ma nħalluhiex taħarbilna, li nibnu rabtiet b’saħħithom, li nikkultivaw il-ħbiberija reċiproka, li nkunu nissieġa ta’ komunjoni u ta’ fraternità.

 

F’din il-Ġimgħa ta’ talb għall-Għaqda bejn l-Insara nistgħu ngħixu l-anniversarju tal-Konċilju ta’ Nicea anki bħala sejħa biex nipperseveraw fil-mixja tagħna lejn l-għaqda. Providenzjalment, din is-sena, l-Għid se jiġi ċċelebeat fl-istess jum fil-kalendarju Gregorjan u f’dak Ġuljan, proprju tul dan l-anniversarju ekumeniku. Inġedded l-appell tiegħi biex din il-koinċidenza sservi ta’ sejħa lill-Insara kollha biex imiddu pass deċiżiv lejn l-għaqda, madwar data komuni waħda, data għall-Għid (ara Bolla Spes non confundit, 17); u l-Knisja Kattolika lesta li taċċetta d-data li kulħadd irid: data tal-għaqda.

 

Jiena grat lejn il-Metropolita Polikarpu, li qed jirrappreżenta l-Patrijarkat Ekumeniku, lejn l-Arċisqof Ian Ernest, li qed jirrappreżenta l-Komunjoni Anglikana u li qed jagħlaq is-servizz prezzjuż tiegħu li għalih jiena grat ħafna – nawguralu l-aħjar għal meta jerġa’ lura f’art twelidu – u lir-rappreżentanti ta’ Knejjes oħra li qed jipparteċipaw f’dan is-sagrifiċċju ta’ tifħir ta’ filgħaxija. Importanti li nitolbu flimkien, u l-preżenza tagħkom hawn illejla hi għajn ta’ ferħ għal kulħadd. Insellem anki lill-istudenti megħjuna mill-Kumitat għall-Kollaborazzjoni Kulturali mal-Knejjes Ortodossi u Ortodossi Orjentali fi ħdan id-Dikasteru għall-Promozzjoni tal-Għaqda tal-Insara, il-parteċipanti fiż-żjara ta’ studju tal-Istitut Ekumeniku Bossey tal-Kunsill Ekumeniku tal-Knejjes, u l-ħafna gruppi oħra ekumeniċi u pellegrini li ġew Ruma għal din iċ-ċelebrazzjoni. Nirringrazzja lill-kor, li jagħtina ambjent ta’ talb hekk sabiħ. Jalla kull wieħed u waħda minnkom, bħal San Pawl, jista’ jsib it-tama tiegħu fl-Iben ta’ Alla inkarnat u joffriha lill-oħrajn, kull fejn it-tama għebet, il-ħajjiet ġew imfarrka jew il-qlub ġew magħfusa mill-inkwiet (ara Omelija fil-Quddiesa tal-lejl tal-Milied, 24 ta’ Diċembru 2024).

 

F’Ġesù t-tama hi dejjem possibbli. Hu jwieżen anki t-tama tal-mixja komjuni tagħna lejh. U nerġgħu lura mill-ġdid għall-mistoqsija li saret lil Marta u li llejla qed issir lilna: “Temmnu inti dan?”. Nemmnu fil-komunjoni ta’ bejnietna? Nemmnu li t-tama ma tqarraqx?

 

Għeżież ħuti, dan huwa l-waqt li fih nikkonfermaw l-istqarrija tal-fidi tagħna f’Alla l-waħdieni u nsibu fi Kristu Ġesù t-triq tal-għaqda. Fl-istennija li l-Mulej “jerġa’ jiġi fil-glorja biex jagħmel ħaqq mill-ħajjin u mill-mejtin” (ara Kredu Niċen), ma negħjew qatt nagħtu xhieda, quddiem il-popli kollha, tal-Iben il-waħdieni tal-Missier, għajn ta’ kull tama tagħna.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard