SOLENNITÀ TAL-KONVERŻJONI TA’ SAN PAWL APPOSTLU 

ĊELEBRAZZJONI TAT-TIENI GĦASAR

IS-LVII JUM DINJI TA’ TALB GĦALL-GĦAQDA TAL-INSARA

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Bażilika ta’ San Paolo fuori le Mura

Il-Ħamis 25 ta’ Jannar 2024

 

Fil-Vanġelu li smajna, l-għaref tal-Liġi, imqar jekk idur fuq Ġesù u jsejjaħlu “Mgħallem”, ma jridx iħallih jgħallmu, imma jistaqsih “biex iġarrbu”. Imma qerq akbar joħroġ mill-mistoqsija tiegħu: “Mgħallem, x’nagħmel biex niret il-ħajja ta’ dejjem?” (Lq 10:25). Nagħmel biex niret, nagħmel biex ikolli: din hi reliġjożità mgħawġa, ibbażata fuq il-pussess iktar milli fuq id-don, fejn Alla huwa l-mezz biex nikseb dak li rrid, u mhux il-fini li lilu għandi nħobb b’qalbi kollha. Imma Ġesù hu paċenzjuż u jistieden lil dak l-għaref biex isib it-tweġiba fil-Liġi li tagħha kien espert, li tgħid: “Int għandek tħobb il-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, u b’ruħek kollha, bil-qawwa tiegħek kollha, u b’moħħok kollu, u lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek” (Lq 10:27).

 

Allura dak ir-raġel, “biex juri li kellu raġun”, jagħmillu t-tieni mistoqsija: “U l-proxxmu tiegħi min hu?” (Lq 10:29). Jekk l-ewwel mistoqsija kellha r-riskju li lil Alla tirriduċih għall-“jien” tiegħi, din tfittex li tifred: tifred il-persuni bejn min għandna nħobbu u min nistgħu ninjoraw. U li tifred qatt ma hi ħaġa ġejja minn Alla: hi tax-xitan, li hu dak li jifred. Imma Ġesù ma jweġibx b’xi teorija, imma bil-parabbola tas-Samaritan it-tajjeb, bi storja konkreta, li ddaħħal fin-nofs lilna wkoll. Għax, għeżież ħuti, dawk li jġibu ruħhom ħażin, b’indifferenza, huma s-saċerdot u l-levita, li qabel il-bżonnijiet ta’ min qed ibati jpoġġu l-ħarsien tat-tradizzjonijiet reliġjużi tagħhom. Imma dak li jagħti sens lill-kelma “proxxmu” hu wieħed eretiku, Samaritan, għax hu jsir proxxmu: tiġih ħniena, jersaq qrib u bil-ħlewwa kollha jitbaxxa fuq il-ġrieħi ta’ dak ħuh; jieħu ħsiebu, huma x’inhuma l-passat tiegħu u l-ħtijiet tiegħu, u jaqdih b’dak kollu li hu (ara Lq 10:33-35). Dan jippermetti lil Ġesù li jikkonkludi li l-mistoqsija korretta mhijiex “Il-proxxmu tiegħi min hu?”, imma: “Jiena qed inkun proxxmu?”. Hija biss din l-imħabba li ssir qadi b’xejn, hija biss din l-imħabba li Ġesù xandar u għex, li tista’ tqarreb l-Insara mifruda lejn xulxin. Iva, hija biss din l-imħabba, li ma terġax lura fuq il-passat biex iżżomm id-distanzi jew tipponta subgħajha, hija biss din l-imħabba li f’isem Alla tpoġġi lill-aħwa qabel id-difiża tal-azzar tas-sistema reliġjuża tagħna, hija biss din l-imħabba li tista’ tgħaqqadna. L-ewwel ħuk, imbagħad is-sistema.

 

Ħuti, bejnietna qatt ma għandna nagħmlu l-mistoqsija “min hu l-proxxmu tiegħi?”. Għax kull imgħammed jagħmel parti mill-istess Ġisem ta’ Kristu; u iktar minn hekk, għax kull persuna fid-dinja hija ħija, oħti, u lkoll insawru s-“sinfonija tal-umanità”, li tagħha Kristu hu l-ewwel iben u feddej. Kif ifakkarna San Irinew, li bi pjaċir ipproklamajtu “Duttur tal-għaqda”, “min iħobb il-verità ma għandux jitkaxkar mid-differenza ta’ kull ħoss u lanqas jistħajjel li wieħed hu l-bidu u l-ħallieq ta’ dan il-ħoss u ieħor il-bidu u l-ħallieq tal-ieħor […], imma għandu jaħseb li ħoloqhom l-istess wieħed” (Adv. hær. II, 25, 2). Mela mhux “min hu l-proxxmu?”, imma “jiena qed inkun proxxmu?”. Jiena u mbagħad il-komunità tiegħi, il-Knisja tiegħi, l-ispiritwalità tiegħi, qed insiru proxxmu? Jew jibqgħu bħal barrikati ta’ difiża tal-interessi tagħhom, għajjura għall-awtonomija tagħhom, magħluqin fil-kalkolu tal-vantaġġi tagħhom, li jidħlu f’relazzjonijiet mal-oħrajn biss biex jakkwistaw xi ħaġa minnhom? Jekk hu hekk, dawn ma humiex biss żbalji strateġiċi, imma infedeltà għall-Vanġelu.

 

“X’nagħmel biex niret il-ħajja ta’ dejjem?”: hekk fetaħ id-djalogu bejn l-għaref tal-Liġi u Ġesù. Imma llum anki din l-ewwel mistoqsija tinqaleb ta’ taħt fuq grazzi għall-Appostlu Pawlu, li, fil-Bażilika ddedikata lilu, qed niċċelebraw il-konverżjoni tiegħu. U fil-fatt, proprju meta Sawlu ta’ Tarsu, persekutur tal-Insara, jiltaqa’ ma’ Ġesù fid-dehra ta’ dawl li għammxitlu għajnejh u bidlitlu ħajtu, dan staqsieh: “X’għandi nagħmel, Mulej?” (Atti 22:10). Mhux “x’nagħmel biex niret is-saltna?”, imma “x’għandi nagħmel, Mulej?”: il-Mulej hu l-fini tat-talba, il-veru wirt, l-ogħla ġid. Pawlu ma jibdilx ħajtu skont l-għanijiet tiegħu, ma jsirx aħjar għax iwettaq il-proġetti tiegħu. Il-konverżjoni tiegħu tinbet minn bidla ta’ taħt fuq eżistenzjali, fejn il-primat ma għadux tal-bravura tiegħu quddiem il-Liġi, imma tad-doċilità fir-rigward ta’ Alla, fi ftuħ sħiħ għal dak li jrid Hu. Mhux tal-bravura tiegħu, imma tad-doċilità tiegħu: mill-bravura għad-doċilità. Jekk Huwa t-teżor, il-programm ekkleżjali tagħna ma jistax jikkonsisti ħlief f’li nagħmlu r-rieda tiegħu, f’li nfittxu x-xewqat tiegħu. U Hu, awl il-lejl qabel ma ta ħajtu għalina, bil-ħerqa kollha talab għalina kollha, “biex inkunu lkoll ħaġa waħda” (Ġw 17:21). Din hija r-rieda tiegħu.

 

L-isforzi kollha tagħna b’risq l-għaqda sħiħa huma msejħin jimxu fl-istess triq ta’ Pawlu, biex inwarrbu għall-ġenb iċ-ċentralità tal-ideat tagħna u nfittxu l-leħen tal-Mulej u nħallu lilu l-inizjattiva u l-ispazju. Dan kien fehmu tajjeb Pawlu ieħor, pjunier kbir tal-moviment ekumeniku, l-Abbé Paul Couturier, li fit-talb tiegħu kien iħobb jitlob għall-għaqda tal-Insara “kif iridha Kristu”, “bil-mezzi li jrid Hu”. Għandna bżonn ta’ din il-konverżjoni ta’ perspettiva u qabelxejn ta’ qalb, għax, kif stqarr sittin sena ilu l-Konċilju Vatikan II: “Ma hemmx ekumeniżmu veru mingħajr konverżjoni interjuri” (Unitatis redintegratio, 7). Waqt li nitolbu flimkien, nagħrfu, u kull wieħed jibda minnu nnifsu, li għandna bżonn nikkonvertu, li nħallu lill-Mulej jibdlilna qalbna. Din hija t-triq: nimxu flimkien u naqdu flimkien, inqiegħdu t-talb fl-ewwel post. Fil-fatt, meta l-Insara jimmaturaw fis-servizz lil Alla u lill-proxxmu, jikbru wkoll fl-għarfien reċiproku, kif jiddikjara mill-ġdid il-Konċilju: “Għaliex aktar ma jingħaqdu f’għaqda intima mal-Missier, mal-Verb u mal-Ispirtu, aktar ikunu jistgħu jkabbru l-għaqda tal-aħwa b’intimità u b’ħeffa” (ibid.).

 

Għalhekk ninsabu llejla hawn minn diversi pajjiżi, minn diversi kulturi u tradizzjonijiet. Ninsab rikonoxxenti lejn l-Eċċellenza Tiegħu Justin Welby, Arċisqof ta’ Canterbury, lejn il-Metropolita Polikarpu, f’rappreżentanza tal-Patrijarkat Ekumeniku, u lejkom kollha, li qed tagħmlu preżenti diversi komunitajiet. Tislima speċjali lill-membri tal-Kummissjoni mħallta internazzjonali għad-djalogu teoloġiku bejn il-Knisja Kattolika u l-Knejjes Ortodossi Orjentali, li qed jiċċelebraw l-XX anniversarju tal-mixja tagħhom, u lill-Isqfijiet Kattoliċi u Anglikani li qed jipparteċipaw fil-laqgħa tal-Kummissjoni Internazzjonali għall-Għaqda u l-Missjoni. Kemm hu sabiħ li llum ma’ ħija, l-Arċisqof Justin, nistgħu nagħtu lil dawn il-koppji ta’ Isqfijiet il-mandat li jkomplu jagħtu xhieda tal-għaqda li jrid Alla għall-Knisja tiegħu fid-diversi reġjuni, u nibqgħu mexjin flimkien “biex inxerrdu l-ħniena u l-paċi ta’ Alla b’dinja li għandha bżonn” (Appell tal-isqfijiet IARCCUM, Ruma 2016). Insellem ukoll lill-istudenti li qed igawdu mill-borża tal-Kumitat għall-Kollaborazzjoni Kulturali mal-Knejjes Ortodossi tad-Dikasteru għall-Promozzjoni tal-Għaqda tal-Insara u l-parteċipanti fiż-żjajjar ta’ studju organizzati għas-saċerdoti u monaċi żgħażagħ tal-Knejjes Ortodossi Orjentali, u lill-istudenti tal-Istitut Ekumeniku ta’ Bossey tal-Kunsill Ekumeniku tal-Knejjes.

 

Flimkien, għeżież ħuti fi Kristu, nitolbu ma’ Pawlu u ngħidu: “X’għandna nagħmlu, Mulej?”. U aħna u nagħmlu din il-mistoqsija diġà hemm tweġiba, għax l-ewwel tweġiba hija t-talb. Li nitolbu għall-għaqda hi l-ewwel ħidma tal-mixja tagħna. U hi ħidma qaddisa, għax tfisser li nkunu f’komunjoni mal-Mulej, li għall-għaqda qabelxejn talab lill-Missier. U nkomplu nitolbu wkoll għat-tmiem tal-gwerra, speċjalment fl-Ukrajna u fl-Art Imqaddsa. Ħsieb mill-qalb imur ukoll għall-poplu maħbub tal-Burkina Faso, b’mod partikulari għall-komunitajiet li minn hemm ħejjew il-materjal għall-Ġimgħa ta’ Talb għall-Għaqda: jalla l-imħabba għall-proxxmu tieħu post il-vjolenza li qed tifni lil pajjiżhom.

 

“‘X’għandi nagħmel, Mulej?’. U l-Mulej qalli”, jirrakkonta Pawlu, “‘Qum u mur’” (Atti 22:10). Qum, jgħid Ġesù lil kull wieħed u waħda minna u lit-tiftixa tagħna għall-għaqda. Ejjew mela nqumu, f’isem Kristu, mill-għeja u mid-drawwiet tagħna, u mmorru, nimxu ’l quddiem, għax hu jridu dan, u jridu “biex id-dinja temmen” (Ġw 17:21). Nitolbu, mela, u nibqgħu mexjin, għax dan hu li jrid Alla minna. Dan hu li jrid minna.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard