SOLENNITÀ TAL-KONVERŻJONI TAL-APPOSTLU SAN PAWL

ĊELEBRAZZJONI TAT-TIENI GĦASAR

IL-LVI ĠIMGĦA TA’ TALB GĦALL-GĦAQDA TAL-INSARA

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Bażilika ta’ San Paolo fuori le Mura

L-Erbgħa, 25 ta’ Jannar 2023

 

Għadna kemm smajna l-Kelma ta’ Alla li kkaratterizzat din il-Ġimgħa ta’ Talb għall-Għaqda tal-Insara. Huwa kliem qawwi, tant hu qawwi li jista’ jidher mhux f’loku meta bil-ferħ kollu qed niltaqgħu bħala aħwa fi Kristu biex niċċelebraw liturġija solenni nagħtuh ġieħ. Biżżejjed li llum ma jonqsux aħbarijiet ta’ niket u li jħassbuna, hekk li ma niddejqux ngħaddu mingħajr iċ-“ċanfir soċjali” tal-Iskrittura! Imma, jekk nagħtu widen għat-tħassib taż-żmien li qed ngħixu fih, hemm raġuni ikbar għaliex għandna ninteressaw ruħna f’dak li qed iġagħal ibati lill-Mulej li għalih ngħixu; u jekk inġbarna f’ismu, ma nistgħux ma nqegħdux fiċ-ċentru l-Kelma tiegħu. Hija profetika: fil-fatt Alla, bil-leħen ta’ Iżaija, qed iwissina u qed jistedinna għall-bidla. Twissija u bidla huma ż-żewġ kelmiet li fuqhom illejla nixtieq nipproponilkom xi punti.

 

1. Twissija. Nerġgħu nisimgħu xi kelmiet divini: “Meta tiġu taraw wiċċi, […] iġġibux iżjed offerti fiergħa; […] meta intom tiftħu jdejkom, jien inwarrab għajnejja minnkom; ukoll jekk tkattru t-talb, jien ma nismagħkomx” (Iż 1:12,23,15). Xi jqanqal daqshekk l-istkerrih tal-Mulej, sal-punt li b’ton hekk ta’ ċanfir hu jsejjaħ lill-poplu li tant iħobb? It-test jurina żewġ raġunijiet. Qabelxejn, hu jikkundanna l-fatt li fit-Tempju tiegħu, f’ismu, mhux jitwettaq dak li jrid hu: mhux inċens u offerti, imma ħa jiġi megħjun il-magħkus, ħa ssir ġustizzja mal-iltim, ħa tiġi difiża l-kawża tal-armla (ara v. 17). Fis-soċjetà ta’ żmien il-profeta, kienet mifruxa t-tendenza – b’xorti ħażina dejjem attwali – li jitqiesu mbierka minn Alla l-għonja u dawk li kienu jagħmlu ħafna offerti, u mistmerra l-foqra. Imma b’dan wieħed ikun jifhem għalkollox ħażin lill-Mulej. Ġesù jxandar bħala hienja l-foqra (ara Lq 6:20), u fil-parabbola tal-ġudizzju finali jidentifika ruħu ma’ dawk li huma bil-ġuħ, bil-għatx, barranin, fil-bżonn, morda, fil-ħabs (ara Mt 25:35-36). Din hi allura l-ewwel raġuni taċ-ċanfira: Alla jbati meta aħna, li ngħidu li aħna l-fidili tiegħu, inqiegħdu l-viżjoni tagħna qabel tiegħu, insegwu l-ġudizzji tal-art flok dawk tas-Sema, nikkuntentaw ruħna bir-ritwalità ta’ barra u nibqgħu indifferenti quddiem dawk li hu tant jgħożż. Allura Alla jitnikket, biex ngħidu hekk, għall-ekwivoku indifferenti tagħna.

 

Barra minn hekk, hemm it-tieni raġuni, iżjed gravi, li toffendi lill-Aktar Għoli: il-vjolenza sagrilega. Hu jgħid: “Ma niflaħx għall-ħażen flimkien mal-festi. […] Idejkom mimlija demm. […] Neħħu l-ħażen ta’ għemilkom minn quddiem għajnejja” (Iż 1:13,15,16). Il-Mulej hu “irritat” għall-vjolenza mwettqa kontra t-tempju ta’ Alla li hu l-bniedem, waqt li mbagħad jiġi mweġġaħ fit-tempji mibnija mill-bniedem! Nistgħu nimmaġinaw kemm tbatija li jkollu jassisti għal gwerer u azzjonijiet vjolenti mwettqa minn min jistqarr li hu Nisrani. Jiġini f’moħħi l-episodju li fih wieħed qaddis ipprotesta kontra l-ħażen tas-sultan u mar għandu fir-Randan joffrilu l-laħam; meta s-sovran, f’isem ir-reliġjożità tiegħu, tkaża u rrifjuta, ir-raġel ta’ Alla staqsieh għaliex kien qed jiskrupla jiekol il-laħam tal-annimali meta ma kienx qed jibqa’ lura milli jagħti l-mewt lill-ulied ta’ Alla.

 

Ħuti, din it-twissija tal-Mulej iġġagħalna naħsbu ħafna, bħala Nsara u bħala Konfessjonijiet Insara. Nixtieq intenni li “llum, bl-iżvilupp tal-ispiritwalità u tat-teoloġija, m’għandniex skużi. Madankollu, għad hemm dawk li jgħidu li jħossuhom imħeġġa jew tal-inqas awtorizzati mill-fidi tagħhom li jħaddnu diversi xejriet ta’ nazzjonaliżmu magħluq u vjolenti, atteġġjamenti ksenofobiċi, stmerrija u saħansitra maltrattamenti lejn dawk li huma differenti. Il-fidi, bl-umaniżmu li tnebbaħna bih, għandha żżomm ħaj sens kritiku quddiem dawn it-tendenzi u tgħinna nirreaġixxu malajr meta jibdew jgħollu rashom” (Enċiklika Fratelli tutti, 86). Jekk irridu, fuq l-eżempju tal-Appostlu Pawlu, li l-grazzja ta’ Alla fina ma tiġix fix-xejn (ara 1 Kor 15:10), jeħtieġ neħduha kontra l-gwerra, il-vjolenza, l-inġustizzja, kull fejn dawn jerfgħu rashom. It-tema ta’ din il-Ġimgħa ta’ talb ġiet magħżula minn grupp ta’ fidili mill-Minnesota, konxji tal-inġustizzji li seħħu fl-imgħoddi fuq il-popli indiġeni u kontra l-Afro-Amerikani fi żmienna. Quddiem il-bosta xejriet ta’ stmerrija u razziżmu, quddiem l-ekwivoku indifferenti u l-vjolenza sagrilega, il-Kelma ta’ Alla twissina: “Tgħallmu għamlu t-tajjeb, fittxu d-dritt” (Iż 1:17). Fil-fatt, mhux biżżejjed tikkundanna, trid ukoll tiċħad il-ħażen, tgħaddi mill-ħażen għat-tajjeb. Araw kif it-twissija trid twassal għall-bidla tagħna.

 

2. Bidla. Wara li wriena x’inhuma l-iżbalji tagħna, il-Mulej jitlob minna li nagħmlu tajjeb għalihom u, permezz tal-profeta, jgħid: “Inħaslu u tnaddfu […]. Ieqfu mill-ħażen” (v. 16). U billi jaf li għadna mifnija u bħal staġnati minħabba l-ħafna ħtijiet, iwiegħed li se jkun hu li jaħslilna dnubietna: “Ejjew, mela, nirraġunaw flimkien, jgħid il-Mulej, imqar jekk dnubietkom ikunu ħomor bħall-iskarlatt, isiru bojod bħas-silġ; imqar jekk ikunu ħomor bħall-kremżi, isiru bojod bħas-suf” (v. 18). L-aktar għeżież, mill-mod ħażin kif nifhmu lil Alla u mill-vjolenza li hemm ġo fina, aħna m’għandniex ħila ninħelsu waħidna. Mingħajr Alla, mingħajr il-grazzja tiegħu, ma nfiqux mid-dnub tagħna. Il-grazzja tiegħu hija l-għan tal-bidla tagħna. Dan tfakkarhulna l-ħajja tal-Appostlu Pawlu, li llum qed infakkru. Waħidna ma naslux, imma ma’ Alla kollox hu possibbli; waħidna ma jirnexxilniex, imma flimkien iva. Flimkien, fil-fatt, il-Mulej jitlob lil dawk li huma tiegħu biex jikkonvertu. Il-konverżjoni – din il-kelma tant imtennija u mhux dejjem faċli tifhimha – hi mitluba mill-poplu, għandha dinamika komunitarja, ekkleżjali. Nemmnu, mela, li anki l-konverżjoni ekumenika tagħna timxi ’l quddiem skont kemm nagħrfu li aħna fil-bżonn tal-grazzja, fil-bżonn tal-istess ħniena: nagħrfu li aħna lkoll niddependu f’kollox minn Alla, inħossuna u nkunu tabilħaqq, bl-għajnuna tiegħu, “ħaġa waħda” (Ġw 17:21), aħwa tassew.

 

Kemm hu sabiħ li ninfetħu flimkien, bil-grazzja tal-Ispirtu, għal din il-bidla ta’ perspettiva, u niskopru mill-ġdid li “l-fidili kollha mxerrdin mad-dinja jikkomunikaw mal-oħrajn fl-Ispirtu s-Santu, u hekk” – kif kiteb San Ġwann Kriżostmu – “min jinsab f’Ruma jaf li l-Indjani huma membri tiegħu” (Lumen gentium, 13; In Io. hom. 65,1). F’din il-mixja ta’ komunjoni, jiena grat ħafna li tant Insara ta’ diversi komunitajiet u tradizzjonijiet qed isieħbu b’parteċipazzjoni u interess il-mixja sinodali tal-Knisja Kattolika, li nawgura li tkun dejjem iżjed ekumenika. Imma ma ninsewx illi li nimxu flimkien u nagħrfu li aħna f’komunjoni ma’ xulxin fl-Ispirtu s-Santu jitlob bidla, jitlob li aħna nikbru, u dan jista’ jsir biss, kif kiteb Benedittu XVI, “billi nduru fuq l-għaqda intima tagħna ma’ Alla, fejn din il-laqgħa saret qbil fir-rieda u waslet ukoll sal-għożża mill-qalb. F’dan il-każ jiena nitgħallem inħares lejn persuna oħra mhux aktar b’għajnejja u bis-sentimenti tiegħi, iżda skont il-kejl ta’ Ġesù Kristu. Il-ħabib tiegħu hu ħabib tiegħi” (Enċiklika Deus caritas est, 18).

 

Ħa jgħinna l-Appostlu Pawlu biex ninbidlu, biex nikkonvertu; ħa jagħtina xi ftit mill-kuraġġ tiegħu bla biża’. Għax, fil-mixja tagħna, faċli li naħdmu għall-grupp tagħna flok għas-Saltna ta’ Alla, li nixbgħu, li nitilfu t-tama ta’ dak il-jum li fih “l-Insara kollha għad jingħaqdu f’ċelebrazzjoni waħda tal-Ewkaristija u fl-unità tal-Knisja waħda u waħdanija, f’dik l-unità li Kristu sa mill-bidu ta lill-Knisja tiegħu” (Digriet Unitatis redintegratio, 4). Imma proprju fid-dawl ta’ dak il-jum ejjew inqiegħdu l-fiduċja tagħna f’Ġesù, l-Għid tagħna u s-sliem tagħna: waqt li aħna nitolbuh u nadurawh, hu qed jaħdem. U jfarraġna dak li qal lil Pawlu u li nistgħu nisimgħu jingħad lil kull wieħed u waħda minna: “Biżżejjed għalik il-grazzja tiegħi” (2 Kor 12:9).

 

L-aktar għeżież, xtaqt naqsam magħkom fi spirtu fratern dawn il-ħsibijiet li l-Kelma qanqlet fija biex, imwissija minn Alla, bil-grazzja tiegħu ninbidlu u nikbru fit-talb, fil-qadi, fid-djalogu u fil-ħidma flimkien lejn dik l-għaqda sħiħa li Kristu jixtieq. Issa rrid nirringrazzjakom mill-qalb: nesprimi r-rikonoxxenza tiegħi lejn l-Eminenza Tiegħu l-Metropolita Polykarpos, Rappreżentant tal-Patrijarkat Ekumeniku, lejn l-Eċċellenza Tiegħu Ian Ernest, Rappreżentant personali tal-Arċisqof ta’ Canterbury f’Ruma, u lejn ir-Rappreżentanti tal-Komunitajiet Insara l-oħra preżenti. Nesprimi solidarjetà sħiħa mal-membri tal-Kunsill Panukren tal-Knejjes u tal-Organizzazzjonijiet Reliġjużi femminili. Insellem lill-istudenti Ortodossi u Ortodossi Orjentali, li kisbu boroż ta’ studju mill-Kumitat tal-Kollaborazzjoni Kulturali mal-Knejjes Ortodossi fi ħdan id-Dikasteru għall-Promozzjoni tal-Għaqda tal-Insara, u lil dawk tal-Istitut Ekumeniku ta’ Bossey tal-Kunsill Ekumeniku tal-Knejjes. Tislima mill-qalb, tassew fraterna, anki lil Frère Alois u lill-aħwa ta’ Taizé, impenjati fil-preparazzjoni tal-Velja ekumenika ta’ talb li se ssir qabel il-ftuħ tas-sessjoni li jmiss tas-Sinodu tal-Isqfijiet. Ilkoll flimkien ejjew nimxu fit-triq li l-Mulej qegħdilna quddiemna, dik tal-għaqda.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard