SOLENNITÀ TAL-KONVERŻJONI TAL-APPOSTLU SAN PAWL

ĊELEBRAZZJONI TAT-TIENI GĦASAR

IL-LV ĠIMGĦA TA’ TALB GĦALL-GĦAQDA TAL-INSARA

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Bażilika ta’ San Paolo fuori le Mura

It-Tlieta 25 ta’ Jannar 2022

 

Qabel ma naqsam magħkom xi ħsibijiet, nixtieq nesprimi l-gratitudni tiegħi lejn l-Eminenza Tiegħu l-Metropolita Polykarpos, rappreżentant tal-Patrijarkat Ekumeniku, lejn l-Eċċellenza Tiegħu Ian Ernest, rappreżentant personali tal-Arċisqof ta’ Canterbury f’Ruma, u lejn ir-rappreżentanti tal-Komunitajiet Insara l-oħra hawn preżenti. U grazzi lilkom kollha, ħuti, li ġejtu titolbu. Insellem b’mod partikulari lill-istudenti: dawk tal-Ecumenical Institute of Bossey, li qed ifittxu kif jinżlu iktar fil-fond tal-għarfien tagħhom tal-Knisja Kattolika; dawk Anglikani tan-Nashotah College fl-Istati Uniti tal-Amerika; dawk Ortodossi u Ortodossi Orjentali li qed jistudjaw grazzi għall-borża ta’ studju offruta mill-Kumitat ta’ Kollaborazzjoni Kulturali mal-Knejjes Ortodossi. Nilqgħu x-xewqa ħerqana ta’ Ġesù, li jridna “ħaġa waħda” (Ġw 17:21) u, bil-grazzja tiegħu, nimxu lejn l-għaqda sħiħa!

 

F’din il-mixja jgħinuna l-Maġi. Illejla ejjew inħarsu lejn il-mixja tagħhom, li għandha tliet tappi: tibda mil-Lvant, tgħaddi minn Ġerusalemm, u fl-aħħar tasal Betlehem.

 

1. Qabelxejn il-Maġi telqu “mil-Lvant” (Mt 2:1), għax minn hemm lemħu tielgħa l-kewkba. Bdew il-vjaġġ tagħhom mil-Lvant, mnejn jitla’ d-dawl tax-xemx, imma marru jfittxu dawl ikbar. Dawn l-għorrief ma kkuntentawx ruħhom b’dak li kienu jafu u bit-tradizzjonijiet tagħhom, imma xtaqu iżjed. Għalhekk ħabbtu wiċċhom ma’ vjaġġ riskjuż, misjuqa minn dak it-tħassib biex ifittxu lil Alla. Għeżież ħuti, ejjew nimxu aħna wkoll wara l-kewkba ta’ Ġesù! Ma nħallux jagħmina t-tpexpix tad-dinja, kwiekeb jiddu imma li jaqgħu. Ma nsegwux ix-xejriet tal-mument, meteori li jintfew; ma niġrux wara t-tentazzjoni li nibbrillaw bid-dawl tagħna, li allura ningħalqu fil-grupp tagħna u nikkonservaw lilna nfusna. Il-ħarsa tagħna ħa tkun imsammra fuq Kristu, fis-Sema, fuq il-kewkba ta’ Ġesù. Nimxu warajh, wara l-Vanġelu tiegħu, l-istedina tiegħu għall-għaqda, mingħajr ma noqogħdu ninkwetaw kemm hu twil jew kemm fih taħbit il-vjaġġ biex naslu għall-milja tagħha. Ma ninsewx li, hija u tħares lejn id-dawl, il-Knisja, il-Knisja tagħna, fil-mixja lejn l-għaqda, tissokta tkun il-“mysterium lunæ”. Nixtiequ u nimxu flimkien, inwieżnu lil xulxin, kif għamlu l-Maġi. It-tradizzjoni spiss ippreżentathom bi lbies varju, biex jirrappreżentaw popli differenti. Fihom nistgħu naraw riflessi d-differenzi tagħna, id-diversi tradizzjonijiet u esperjenzi Nsara, imma anki l-għaqda tagħna, li titwieled mill-istess xewqa: li nħarsu lejn is-Sema u nimxu flimkien fuq l-art. Nimxu.

 

Il-Lvant iġagħalna naħsbu wkoll fl-Insara li jgħixu fid-diversi reġjuni mifnija bil-gwerra u bil-vjolenza. Proprju l-Kunsill tal-Knejjes tal-Lvant Nofsani ħejja s-sussidji għal din il-Ġimgħa ta’ talb. Dawn ħutna għandhom tant sfidi ibsin x’jaffrontaw, imma bix-xhieda tagħhom jimlewna bit-tama: ifakkruna li l-kewkba ta’ Kristu tilma fid-dlamijiet u qatt ma tinżel; li l-Mulej mill-għoli jsieħeb u jqawwi l-passi tagħna. Madwaru, fis-Sema, jilmaw flimkien, mingħajr distinzjoni ta’ konfessjoni, ħafna martri: huma juruna hawn fuq l-art triq preċiża, dik tal-għaqda!

 

2. Mil-Lvant il-Maġi waslu Ġerusalemm bix-xewqa ta’ Alla fil-qalb tagħhom, u qalu: “Rajna l-kewkba tiegħu tielgħa, u ġejna nqimuh” (v. 2). Imma mix-xewqa għas-Sema jispiċċaw fir-realtà ħarxa tal-art: “Is-sultan Erodi sama’ bihom, u tħawwad hu u Ġerusalemm kollha miegħu” (v. 3), jistqarr il-Vanġelu. Fil-Belt il-Qaddisa l-Maġi, flok jaraw rifless id-dawl tal-kewkba, iġarrbu r-reżistenza tal-qawwiet mudlama tad-dinja. Ma hemmx biss Erodi li jħossu mhedded mill-ġdid ta’ regalità differenti minn dik korrotta tal-poter mondan, imma hemm Ġerusalemm kollha li titħawwad għall-aħbar tal-Maġi.

 

Anki tul il-mixja tagħna lejn l-għaqda jista’ jiġrilna li neħlu u nieqfu minħabba l-istess raġuni li waħħlet lil dawk in-nies: tħawdu, beżgħu. Huwa l-biża’ mill-ġdid, li jċaqlaq id-drawwiet u ċ-ċertezzi li nkunu ksibna; huwa l-biża’ li l-ieħor jiddestabbilizza t-tradizzjonijiet tiegħi u l-iskemi konsolidati tiegħi. Imma, fl-għeruq, hemm il-biża’ li jgħammar fil-qalb tal-bniedem, li minnu l-Mulej Irxoxt irid jeħlisna. Inħallu tidwi fil-mixja tagħna ta’ komunjoni l-eżortazzjoni tal-Għid tiegħu: “Tibżgħu xejn” (Mt 28:5,10). Ma nibżgħux inpoġġu lil ħuna qabel il-biżgħat tagħna! Il-Mulej jixtieq li nafdaw f’xulxin u li nimxu flimkien, minkejja d-dgħufijiet tagħna u d-dnubiet tagħna, minkejja l-iżbalji tal-imgħoddi u l-ġrieħi li għamilna lil xulxin.

 

Il-ġrajja tal-Maġi tagħmlilna l-qalb anki f’dan. F’Ġerusalemm, post ta’ delużjoni u ta’ oppożizzjoni, proprju hemm fejn it-triq li s-Sema wera donnha qed taħbat mal-ħitan li tella’ l-bniedem, huma jiskopru t-triq lejn Betlehem. Huma l-qassisin u l-kittieba li jagħtu l-indikazzjoni, wara li jqallbu l-paġni tal-Iskrittura (ara Mt 2:4). Il-Maġi sabu lil Ġesù grazzi mhux biss għall-kewkba, li sadattant kienet għebet; huma kellhom bżonn tal-Kelma ta’ Alla. Lanqas aħna l-Insara ma nistgħu naslu għand il-Mulej mingħajr il-Kelma ħajja u qawwija (ara Lhud 4:12). Hi ngħatat lill-Poplu kollu ta’ Alla, biex tiġi milqugħa, mitluba, biex tiġi mmeditata flimkien mal-Poplu kollu ta’ Alla. Ejjew mela nersqu lejn Ġesù permezz tal-Kelma tiegħu, imma nersqu wkoll lejn ħutna permezz tal-Kelma ta’ Ġesù. Il-kewkba tiegħu ħa titla’ mill-ġdid fuq il-mixja tagħna, u timliena bil-ferħ.

 

3. Dan hu li jiġrilhom il-Maġi, meta jaslu għall-aħħar tappa: Betlehem. Hemm daħlu fid-dar, inxteħtu għarkupptejhom u qiemu lit-Tarbija (ara Mt 2:11). U hekk għalaq il-vjaġġ tagħhom: flimkien, fl-istess dar, fl-adorazzjoni. Il-Maġi hekk antiċipaw lid-dixxipli ta’ Ġesù, li, differenti minn xulxin imma magħqudin flimkien, fi tmiem il-Vanġelu nxteħtu jqimu lill-Irxoxt fuq il-muntanja tal-Galilija (ara Mt 28:17). U hekk saru sinjal ta’ profezija għalina, mixtieqa għall-Mulej, sieħba tal-vjaġġ tul it-toroq tad-dinja, fittiexa permezz tal-Iskrittura Mqaddsa tas-sinjali ta’ Alla fl-istorja. Ħuti, anki għalina l-għaqda sħiħa, fl-istess dar, ma tistax tasal jekk mhux bl-adorazzjoni tal-Mulej. Għeżież ħuti, it-tappa deċiżiva tal-mixja lejn il-komunjoni sħiħa titlob talb iżjed intens, titlob minna li naduraw, titlob l-adorazzjoni ta’ Alla.

 

Imma l-Maġi jfakkruna li biex naduraw hemm passaġġ ieħor li rridu nagħmlu: l-ewwel hemm bżonn ninxteħtu għarkupptejna. Din hi t-triq, li nitbaxxew, li nwarrbu għall-ġenb il-pretensjonijiet tagħna biex fiċ-ċentru nħallu biss lill-Mulej. Kemm drabi l-kburija kienet il-veru xkiel għall-komunjoni! Il-Maġi kellhom il-kuraġġ li jħallu warajhom id-dar il-prestiġju u r-reputazzjoni, biex jitbaxxew fid-dar fqajra ta’ Betlehem; hekk huma skoprew “ferħ kbir tassew” (Mt 2:10). Nitbaxxew, nitilqu warajna, nissimplifikaw: nitolbu lil Alla llejla dan il-kuraġġ, il-kuraġġ tal-umiltà, triq waħdanija biex naslu li nqimu li Alla fl-istess dar, madwar l-istess altar.

 

F’Betlehem, wara li nxteħtu jqimuh, il-Maġi fetħu t-teżori tagħhom u minnhom tfaċċaw deheb, inċens u mirra (ara v. 11). Dan ifakkarna li, huwa biss wara li nkunu tlabna flimkien, huwa biss quddiem Alla, fid-dawl tiegħu, li nintebħu tassew bit-teżori li kull wieħed u waħda minna għandu. Imma huma teżori li huma ta’ kulħadd, li għandna noffruhom u naqsmuhom. Fil-fatt huma doni li l-Ispirtu jiddisponi għall-ġid komuni, għall-edifikazzjoni u għall-għaqda tal-poplu tiegħu. U nintebħu b’dan meta nitolbu, imma anki meta naqdu: meta nagħtu lil min hu fil-bżonn inkunu qed noffruh lil Ġesù, li jidentifika ruħu ma’ min hu fqir u fit-trufijiet (ara Mt 25:34-40); u hu jgħaqqadna bejnietna.

 

Ir-rigali tal-Maġi jissimbolizzaw dak li l-Mulej jixtieq jirċievi mingħandna. Lil Alla għandna nagħtuh id-deheb, l-element l-iżjed prezzjuż, għax Alla jieħu l-ewwel post. Lejh għandna nħarsu, mhux lejna nfusna; lejn ir-rieda tiegħu, mhux tagħna; lejn it-toroq tiegħu, mhux lejn tagħna. Jekk il-Mulej hu tassew fl-ewwel post, l-għażliet tagħna, anki dawk ekkleżjastiċi, ma jistgħux jinbnew iżjed fuq il-politika tad-dinja, imma fuq ix-xewqat ta’ Alla. U mbagħad hemm l-inċens, biex ifakkar l-importanza tat-talb, li jitla’ lejn Alla bħal fwieħa mogħġuba (ara Salm 141:2). Ma negħjewx nitolbu għal xulxin u ma’ xulxin. Fl-aħħar il-mirra, li se tintuża biex tweġġaħ il-ġisem ta’ Ġesù mniżżel mis-salib (ara Ġw 19:39), tfakkarna fl-għożża għall-ġisem tal-Mulej fit-tbatija, imċarrat f’laħam il-foqra. Ejjew naqdu lil min hu fil-bżonn, ejjew naqdu flimkien lil Ġesù li qed ibati!

 

Għeżież ħuti, ejjew nilqgħu mingħand il-Maġi l-indikazzjonijiet għall-mixja tagħna; u nagħmlu bħalhom, li jerġgħu lura d-dar “minn triq oħra” (Mt 2:12). Iva, bħal Sawl qabel il-laqgħa tiegħu ma’ Kristu, għandna bżonn nibdlu t-triq, indawru r-rotta tad-drawwiet tagħna u tal-konvenjenzi tagħna biex insibu t-triq li l-Mulej jurina, it-triq tal-umiltà, it-triq tal-fraternità, tal-adorazzjoni. Agħtina, Mulej, il-kuraġġ li nibdlu t-triq, li nikkonvertu, li nimxu skont ir-rieda tiegħek u mhux skont l-opportunitajiet tagħna; li nimxu ’l quddiem flimkien, lejk, li bl-Ispirtu tiegħek trid tagħmel minna ħaġa waħda. Amen.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard