SOLENNITÀ TAL-KONVERŻJONI TA’ SAN PAWL APPOSTLU

 ĊELEBRAZZJONI TAT-TIENI GĦASAR

L-LIV ĠIMGĦA TA’ TALB GĦALL-GĦAQDA TAL-INSARA

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Bażilika ta’ San Pawl fuori le Mura

It-Tnejn 25 ta’ Jannar 2021

 

[Omelija tal-Qdusija Tiegħu l-Papa, moqrija mill-Eminenza Tiegħu l-Kardinal Kurt Koch]

 

Hu pjaċir tiegħi li qed naqra l-Omelija li l-Papa ħejja għalina. Aħna nibqgħu magħqudin fit-talb mal-Papa.

 

“Ibqgħu fi mħabbti” (Ġw 15:9). Ġesù jorbot din it-talba max-xbieha tad-dielja u l-friegħi, l-aħħar waħda li joffrilna fil-Vanġeli. Il-Mulej innifsu huwa d-dielja, id-dielja “vera” (v. 1), li ma tiddeludix lil min jistenna l-frott minnha, imma tibqa’ fidila fl-imħabba u qatt ma tonqos, minkejja d-dnubiet u l-firdiet tagħna. F’din id-dielja li huwa hu, aħna l-imgħammdin kollha mlaqqmin bħala friegħi: dan ifisser li nistgħu nikbru u nagħmlu l-frott biss jekk aħna magħqudin ma’ Ġesù. Illejla ejjew inħarsu lejn din l-għaqda indispensabbli, li għandha iżjed minn livell wieħed. Jekk naħsbu fiz-zokk tad-dielja, nistgħu nimmaġinaw din l-għaqda magħmula minn tliet ċrieki ġo xulxin, bħal dawk ta’ zokk.

 

L-ewwel ċirku, dak ta’ ġewwa nett, hu li nibqgħu f’Ġesù. Minn hawn tibda l-mixja ta’ kull wieħed u waħda minna lejn l-għaqda. Fir-realtà ta’ żmienna, mgħaġġla u kumplessa, faċli nitilfu l-fil, miġbudin kif aħna lejn elf naħa. Ħafna jħossuhom imfarrkin minn ġewwa, mhumiex kapaċi jsibu punt sod, ordni stabbli fiċ-ċirkustanzi varjabbli tal-ħajja. Ġesù jurina x’inhu s-sigriet tal-istabbiltà meta jgħidilna nibqgħu fi mħabbtu. Fis-silta li smajna jtenni għal seba’ darbiet dan il-kunċett (ara vv. 4-7,9-10). Fil-fatt, hu jaf li “mingħajru ma nistgħu nagħmlu xejn” (ara v. 5). Uriena wkoll kif nagħmlu, billi tana l-eżempju: ta’ kuljum kien jinqata’ għalih waħdu f’postijiet ħiemda biex jitlob. Għandna bżonn tat-talb bħall-ilma biex ngħixu. It-talb personali, li noqogħdu ma’ Ġesù, l-adorazzjoni, huma l-essenzjal biex nibqgħu fih. Huma t-triq biex inqiegħdu fil-qalb tal-Mulej dak kollu li hemm jimla l-qalb tagħna, tamiet u beżgħat, ferħ u uġigħ. Imma fuq kollox, iċċentrati f’Ġesù fit-talb, induqu mħabbtu. U l-eżistenza tagħna minn hawn tikseb il-ħajja, bħall-fergħa li tieħu l-ħajja miz-zokk. Din hi l-ewwel għaqda, l-integrità personali tagħna, b’ħidmet il-grazzja li nirċievu meta nibqgħu f’Ġesù.

 

It-tieni ċirku hu dak tal-għaqda mal-Insara. Aħna friegħi tal-istess dielja, aħna arterji magħqudin ma’ xulxin: it-tajjeb u l-ħażin li tagħmel kull persuna jaffettwaw lill-oħrajn. Fil-ħajja spiritwali mbagħad hemm għamla ta’ “liġi tad-dinamika”: skont kemm nibqgħu f’Alla, noqorbu lejn l-oħrajn, u skont kemm noqorbu lejn l-oħrajn, nibqgħu f’Alla. Ifisser li jekk nitolbu lil Alla fl-ispirtu u l-verità, inħossu l-ħtieġa li nħobbu lill-oħrajn u, min-naħa l-oħra, jekk “inħobbu ’l xulxin hu jgħammar fina” (1 Ġw 4:12). It-talb ma jistax ma jwassalx għall-imħabba, inkella jkun ritwaliżmu vojt. Fil-fatt, mhux possibbli niltaqgħu ma’ Ġesù mingħajr il-Ġisem tiegħu, magħmul minn ħafna membri, daqskemm huma l-imgħammdin. Jekk il-qima tagħna hi ġenwina, nikbru fl-imħabba għal dawk kollha li jimxu wara Ġesù, hi liema hi l-komunjoni Nisranija li jagħmlu parti minnha, għax, anki jekk mhumiex “minn tagħna”, huma tiegħu.

 

Madankollu nistgħu naraw li l-imħabba tal-aħwa mhix ħafifa, għax dritt jibdew jidhru d-difetti u n-nuqqasijiet tagħhom, u nerġgħu niftakru fil-ġrieħi tal-imgħoddi. Hawn insibu l-għajnuna tal-Missier li, bħala bidwi espert (ara Ġw 15:1), jaf tajjeb x’għandu jagħmel: “Kull fergħa fija li ma tagħmilx frott jaqtagħha; u kull waħda li tagħmel il-frott jiżborha u jnaddafha, biex tagħmel frott aktar” (Ġw 15:2). Il-Missier jaqta’ u jiżbor. Għaliex? Għax biex inħobbu għandna bżonn nitneżżgħu minn dak li joħroġna barra mit-triq u jġagħalna ningħalqu fina nfusna, u ma jħalliniex nagħmlu l-frott. Mela ejjew nitolbu lill-Missier jaqta’ minna l-preġudizzji fuq l-oħrajn u r-rabtiet mondani li jżommu milli sseħħ l-għaqda sħiħa ma’ wliedu kollha. Hekk, imnaddfin fl-imħabba, nagħrfu nqiegħdu fit-tieni post it-tfixkil ta’ din id-dinja u ta’ darba ilu, li llum qed jaljenawna mill-Vanġelu.

 

It-tielet ċirku tal-għaqda, l-iktar wiesa’, hu ­­l-umanità kollha. Nistgħu nirriflettu, f’dan il-qasam, fuq il-ħidma tal-Ispirtu s-Santu. Fid-dielja li hu Kristu, huwa l-ħajja li tilħaq il-partijiet kollha. Imma l-Ispirtu jonfoħ fejn irid u kull fejn irid iwassal għall-għaqda. Hu jwassalna biex inħobbu mhux biss lil min iridilna l-ġid u jaħsibha bħalna, imma lil kulħadd, bħalma għallimna Ġesù. Jagħtina l-ħila li naħfru lill-għedewwa u t-tort li jkun sarilna. Jimbuttana biex inkunu attivi u kreattivi fl-imħabba. Ifakkarna li l-proxxmu mhuwiex biss min jaqsam fl-istess valuri u ideat tagħna, imma li aħna msejħin insiru proxxmu ta’ kulħadd, Samaritani tajba ta’ umanità vulnerabbli, fqira u batuta – illum qed tbati ħafna –, li tinsab fit-toroq tad-dinja u li Alla jixtieq jerġa’ jerfa’ bil-ħniena tiegħu. L-Ispirtu s-Santu, awtur tal-grazzja, jgħinna ngħixu fil-gratwità, inħobbu wkoll lil min ma jpattilniex l-istess lura, għax hu fl-imħabba safja u diżinteressata li l-Vanġelu jagħti l-frott. Mill-frott tingħaraf is-siġra: mill-imħabba b’xejn nintgħarfu jekk aħniex parti mid-dielja ta’ Ġesù.

 

Hekk l-Ispirtu s-Santu jgħallimna l-konkretezza tal-imħabba lejn ħutna kollha li magħhom naqsmu l-istess umanità, dik l-umanità li Kristu għaqqad miegħu b’mod inseparabbli, u qalilna li dejjem se nsibuh fl-iktar foqra u nies fil-bżonn (ara Mt 25:31-45). Meta naqduh flimkien, niskopru mill-ġdid li aħna aħwa u nikbru fl-għaqda. L-Ispirtu, li jġedded il-wiċċ tal-art, isejħilna wkoll biex nieħdu ħsieb tad-dar komuni tagħna, biex nagħmlu għażliet qalbiena fuq il-mod kif ngħixu u nużaw il-ġid, għax il-maqlub ta’ li nagħmlu l-frott hu l-isfruttament u mhix ħaġa tajba li naħlu r-riżorsi prezzjużi li minnhom tant persuni huma mċaħħdin.

 

L-istess Spirtu, awtur tal-mixja ekumenika, illejla ġabna hawn nitolbu flimkien. U waqt li qed nagħmlu esperjenza tal-għaqda li tiġi milli nduru lejn Alla b’leħen wieħed, nixtieq irrodd ħajr lil dawk kollha li f’din il-Ġimgħa talbu u se jkomplu jitolbu għall-għaqda tal-Insara. Insellem minn qalbi lir-rappreżentanti tal-Knejjes u Komunitajiet ekkleżjali miġbura hawn: liż-żgħażagħ Ortodossi u Ortodossi Orjentali li qed jistudjaw Ruma bl-għajnuna tal-Kunsill Pontifiċju għall-Promozzjoni tal-Għaqda tal-Insara; lill-professuri u l-istudenti tal-Ecumenical Institute of Bossey, li kellhom jiġu Ruma, bħas-snin l-oħra, imma ma setgħux minħabba l-pandemija u qed isegwuna bil-midja. Għeżież ħuti, nibqgħu magħqudin fi Kristu: l-Ispirtu s-Santu, li ssawwab fi qlubna, jagħtina li nħossuna wlied il-Missier, aħwa bejnietna, aħwa fil-familja waħda tal-bnedmin. It-Trinità Qaddisa, xirka ta’ mħabba, isseddaqna fl-għaqda.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard