QUDIESA TAL-LEJL

SOLENNITÀ TAT-TWELID TA’ SIDNA

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Bażilika tal-Vatikan

Il-Ħadd 24 ta’ Diċembru 2023

 

“Ċensiment fid-dinja kollha” (Lq 2:1). Dan huwa l-kuntest li fih Ġesù jitwieled u li fuqu jieqaf il-Vanġelu. Seta’ jaċċenna għalih ta’ malajr, imma minflok jitkellem fuqu bir-reqqa. U b’dan joħroġ kuntrast kbir: waqt li l-imperatur qed jgħodd kemm hemm nies fid-dinja, Alla jidħol fiha kważi bil-moħbi; waqt li min jikkmanda qed ifittex kif jogħla fuq il-kbar tal-istorja, is-Sultan tal-istorja jagħżel it-triq taċ-ċkunija. Ħadd mis-setgħanin ma jintebaħ bih, ħlief xi ragħajja, mixħuta fit-trufijiet tal-ħajja soċjali.

 

Imma ċ-ċensiment jgħidilna iktar. Fil-Bibbja ma ħalliex tifkira sabiħa. Is-sultan David kien ċeda għat-tentazzjoni tan-numri kbar u għal pretensjoni ħażina ta’ awtosuffiċjenza, u għamel dnub gravi ħafna meta ordna ċensiment tal-poplu. Ried jaf x’qawwa kellu u wara xi disa’ xhur wasallu n-numru ta’ kemm kien hemm li jafu jużaw xabla (ara 2 Sam 24:1-9). Il-Mulej stmerr dan kollu u diżgrazzja laqtet lill-poplu. Imma f’dan il-lejl, “Bin David”, Ġesù, wara disa’ xhur f’ġuf Marija, jitwieled f’Betlehem, il-belt ta’ David, u ma jikkastigax iċ-ċensiment, imma bl-umiltà kollha jħalli li anki hu jiġi magħdud. Wieħed fost ħafna. Hawn ma narawx alla inkurlat li jikkastiga, imma Alla ħanin li jinkarna, li jidħol dgħajjef fid-dinja, u qablu l-aħbar: “sliem fl-art lill-bnedmin” (Lq 2:14). U l-qalb tagħna llejla tinsab Betlehem, fejn sal-lum il-Prinċep tal-paċi għadu qed jiġi rrifjutat mil-loġika telliefa tal-gwerra, bl-istorbju tal-armi li llum ukoll għadu jżommu milli jsib post fejn joqgħod fid-dinja (ara Lq 2:7).

 

F’kelma waħda, iċ-ċensiment fid-dinja kollha minn banda juri n-nisġa wisq umana li tgħaddi mill-istorja: dik ta’ dinja li tfittex il-poter u l-qawwa, il-fama u l-glorja, fejn kollox jitkejjel bis-suċċessi u r-riżultati, biċ-ċifri u bin-numri. Hija l-ossessjoni tal-prestazzjoni. Imma fl-istess waqt fiċ-ċensiment tispikka t-triq ta’ Ġesù, li jiġi jfittixna permezz tal-inkarnazzjoni. Mhuwiex alla tal-prestazzjoni, imma Alla tal-inkarnazzjoni. Ma jaqlibx ta’ taħt fuq l-inġustizzji mill-għoli bil-qawwa, imma minn isfel bl-imħabba; ma jinvadix b’setgħa bla limiti, imma jitbaxxa għal-limiti tagħna; ma jevitax id-dgħufijiet tagħna, imma jeħodhom fuqu.

 

Ħuti, illejla nistgħu nistaqsu lilna nfusna: aħna f’liema Alla nemmnu? F’Alla tal-inkarnazzjoni jew f’dak tal-prestazzjoni? Iva, għax hemm ir-riskju li ngħixu l-Milied b’idea pagana ta’ Alla f’moħħna, bħallikieku kien xi sid qawwi li jinsab fis-sema; alla li jiżżewweġ lill-poter, lis-suċċess mondan u lill-idolatrija tal-konsumiżmu. Dejjem terġa’ lura l-immaġni falza ta’ alla maqtugħ u li jieħu għalih, li jimxi tajjeb mat-tajbin u jinkorla għall-ħżiena; ta’ alla magħmul xbieha tagħna, li jservina biss meta rridu nsolvu l-problemi u għandna bżonn min ineħħilna l-ħażen. Imma hu ma jużax il-bakketta maġika, mhuwiex l-alla kummerċjali tal-“kollox u minnufih”; ma jsalvaniex billi jagħfas buttuna, imma hu jiġi qrib tagħna biex jibdel ir-realtà minn ġewwa. U safrattant, kemm għandha għeruq kbar fina l-idea mondana ta’ alla mbiegħed u li jikkontrolla, riġidu u potenti, li jgħin lil dawk li huma tiegħu jegħlbu lill-oħrajn! Kemm drabi għandha għeruqha fina din ix-xbieha. Imma mhuwiex hekk: huwa twieled għal kulħadd, waqt iċ-ċensiment tad-dinja kollha.

 

Ejjew mela nħarsu lejn “Alla ħaj u veru” (1 Tess 1:9): lejh, li jinsab lil hemm minn kull kalkolu uman imma jħallina ngħadduh minn taħt l-għadd tagħna; lejh, li jaqleb ta’ taħt fuq l-istorja billi jidħol jgħix fiha; lejh, li jirrispettana tant li jħallina niċħduh; lejh, li jħassar id-dnub billi jitgħabba bih hu, li ma jneħħix it-tbatija imma jibdilha, li ma jeħlisniex mill-problemi tal-ħajja, imma jagħti lil ħajjitna tama ikbar mill-problemi. Tant jixtieq jgħannaq miegħu l-ħajjiet tagħna li, infinit, għalina jsir finit; kbir, għalina jiċċekken; ġust, jgħammar qalb l-inġustizzji tagħna. Ħuti, hawn qiegħed l-għaġeb kollu tal-Milied: mhux xi taħlita ta’ sentimentaliżmi u ta’ faraġ mondan, imma l-ħlewwa ta’ Alla li qatt ma dehret bħalha qabel u li ssalva lid-dinja billi tinkarna fiha. Ejjew inħarsu lejn it-Tarbija, inħarsu lejn il-maxtura tagħha, inħarsu lejn il-presepju, li l-anġli jsejħu “s-sinjal” (Lq 2:12): huwa fil-fatt is-sinjal li jikxfilna l-wiċċ ta’ Alla, li hu kompassjoni u ħniena, jista’ kollox dejjem u biss fl-imħabba. Jiġi qrib tagħna, isir qarib tagħna, ħelu u ħanin, dan hu l-mod kif iġib ruħu Alla: bil-qrubija, il-kompassjoni, il-ħlewwa.

 

Ħuti, ejjew nistagħġbu għax “sar laħam” (ara Ġw 1:14). Laħam: kelma li tfakkarna fid-dgħufija tagħna u li l-Vanġelu jinqeda biha biex jgħidilna li Alla daħal sa ġewwa nett tal-kundizzjoni umana tagħna. Għaliex wasal sa hemm? – nistaqsu –. Għax kollox jinteressah fina, għax iħobbna tant li jqisna bħala egħżeż minn kull ħaġa oħra. Ħija, oħti, għal Alla li bidel l-istorja waqt iċ-ċensiment, int m’intix numru, imma int wiċċ; ismek hu miktub fil-qalb tiegħu. Imma int, meta tħares lejn il-qalb tiegħek, lejn il-prestazzjonijiet li ma jissodisfawx biżżejjed, lejn id-dinja li tiġġudika u ma taħfirhiex, forsi qed tgħix ħażin dan il-Milied, għax taħseb li m’intix sejjer sew, u ġewwa fik tħossok li m’initx biżżejjed u tħoss nuqqas ta’ sodisfazzjon minħabba d-dgħufijiet tiegħek, il-waqgħat tiegħek u l-problemi u d-dnubiet tiegħek. Imma llum, nitolbok, ħalli lil Ġesù jieħu l-inizjattiva hu, li qed jgħidlek: “Għalik sirt laħam, għalik sirt bħalek”. Għaliex trid tibqa’ fil-ħabs tad-dwejjaq tiegħek? Bħar-ragħajja, li ħallew il-merħliet tagħhom, itlaq il-ħitan tal-malinkoniji tiegħek u ħaddan il-ħlewwa ta’ Alla tarbija. U dan agħmlu bla maskri, bla korazzi, ferra’ fi ħdanu t-taqtigħ il-qalb tiegħek u hu jieħu ħsiebek (ara Salm 55:23): hu, li sar laħam, mhux qed jistenna l-prestazzjonijiet tiegħek ta’ suċċess, imma l-qalb miftuħa tiegħek li tafda fih. U int fih terġa’ tiskopri min int: iben maħbub ta’ Alla, bint maħbuba ta’ Alla. Issa tista’ temmnu, għax dan il-lejl il-Mulej ħareġ għad-dawl biex idawwal il-ħajja tiegħek u għajnejh jixegħlu bl-imħabba għalik. Aħna nsibuha bi tqila nemmnuh dan, li għajnejn Alla jixegħlu bl-imħabba għalina.

 

Iva, Kristu ma jħarisx lejn in-numri, imma lejn l-uċuħ. Imma min qed iħares lejh, qalb il-ħafna affarijiet u l-ġirjiet miġnuna ta’ dinja dejjem iżjed imħabbta u indifferenti? Min qed iħares lejh? F’Betlehem, waqt li ħafna nies, medhija bil-ġenn taċ-ċensiment, kienet ġejja u sejra, timla l-lukandi u titkellem fuq din il-ħaġa u l-oħra, kien hemm xi wħud li kienu qrib ta’ Ġesù: dawn huma Marija u Ġużeppi, ir-ragħajja, u mbagħad il-Maġi. Ejjew nitgħallmu minnhom. Jinsabu b’ħarsithom imsammra fuq Ġesù, b’qalbhom imdawra lejh. Ma jitkellmux, imma jaduraw. Illejla, ħuti, huwa l-waqt tal-adorazzjoni: naduraw.

 

L-adorazzjoni hija t-triq biex nilqgħu l-Inkarnazzjoni. Għax huwa fis-skiet li Ġesù, Kelma tal-Missier, jitlaħħam fil-ħajja tagħna. Ejjew nagħmlu aħna wkoll bħal f’Betlehem, li tfisser “dar il-ħobż”: nintasbu quddiemu, Ħobż tal-ħajja. Nerġgħu niskopru l-adorazzjoni, għax li tadura ma jfissirx titlef iż-żmien, imma li nħallu lil Alla jgħammar fi żmienna. Li nħallu twarrad fina ż-żerriegħa tal-inkarnazzjoni, li nikkollaboraw mal-opra tal-Mulej, li bħal ħmira tibdel id-dinja. Naduraw ifisser ninterċedu, inpattu, inħallu lil Alla jerġa’ jiddritta l-istorja. Narratur kbir ta’ ġrajjiet epiċi lil ibnu kitiblu hekk: “Qed noffrilek l-unika ħaġa kbira li għandek tħobb fuq l-art: is-Sagrament Imqaddes. Hemmhekk issib is-seħer, il-glorja, il-ġieħ, il-fedeltà u t-triq vera għall-imħabbiet kollha tiegħek fuq din l-art” (J.R.R. Tolkien, Ittra 43, Marzu 1941).

 

Ħuti, dan il-lejl l-imħabba tibdel l-istorja. Agħmel li nemmnu, o Mulej, fis-setgħa tal-imħabba tiegħek, hekk differenti mis-setgħa tad-dinja. Mulej, agħmel li bħal Marija, Ġużeppi, ir-ragħajja u l-Maġi, ninġabru madwarek biex nadurawk. Minnek magħmula iktar xbieha tiegħek, inkunu nistgħu nagħtu xhieda tal-ġmiel ta’ wiċċek quddiem id-dinja.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard