QUDDIESA TA’ BILLEJL

SOLENNITÀ TAT-TWELID TAL-MULEJ 

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

 

Bażilika tal-Vatikan

Is-Sibt 24 ta’ Diċembru 2022

 

Dan il-lejl x’għadu jgħid lil ħajjitna? Wara żewġ millennji mit-twelid ta’ Ġesù, wara tant Milidijiet iffesteġġjati fost tiżjin u rigali, wara tant konsumiżmu li ħakem il-misteru li qed niċċelebraw, hemm riskju: nafu tant affarijiet fuq il-Milied, imma ninsew it-tifsira tiegħu. U allura, kif se nerġgħu nsibu s-sens tal-Milied? U fuq kollox, fejn ħa mmorru nfittxuh? Il-Vanġelu tat-twelid ta’ Ġesù jidher miktub proprju għal hekk: biex jaqbdilna jdejna u jerġa’ jeħodna hemm fejn Alla jridna. Ejjew nimxu mal-Vanġelu.

 

Fil-fatt dan jibda b’sitwazzjoni tixbah lil dik tagħna: kulħadd aljenat u mħabbat minħabba avveniment kbir li se jiġi ċċelebrat, iċ-ċensiment il-kbir, li kien jitlob ħafna tħejjijiet. F’dan is-sens, il-klima ta’ dakinhar kienet tixbah lil dik li biha aħna mdawrin illum fil-Milied. Imma minn dak ix-xenarju mondan ir-rakkont tal-Vanġelu jrid jitbiegħed: minnufih “jaqla’” l-istampa biex imur jinkwadra realtà oħra, li fuqha jinsisti. Jieqaf fuq oġġett ċkejken, li minn barra jidher insinifikanti, li hu jsemmi tliet darbiet u li fih jiltaqgħu l-protagonisti tar-rakkont: l-ewwel Marija, li tqiegħed lil Ġesù “f’maxtura” (Lq 2:7); imbagħad l-anġli, li lir-ragħajja jħabbrulhom “tarbija mfisqija u mimduda f’maxtura” (v. 12); u allura r-ragħajja, li jsibu “t-tarbija mimduda f’maxtura” (v. 16). Il-maxtura: biex nerġgħu nsibu s-sens tal-Milied hemmhekk irridu nħarsu. Imma għaliex il-maxtura hi hekk importanti? Għax hija s-sinjal, mhux għalxejn b’xejn, li bih Kristu jidħol fix-xena tad-dinja. Hija l-wirja li biha jidher, il-mod li bih Alla jitwieled fl-istorja biex jerġa’ jwelled l-istorja. Xi jrid jgħidilna allura permezz tal-maxtura? Irid jgħidilna tal-inqas tliet affarijiet: qrubija, faqar u konkretezza.

 

1. Qrubija. Il-maxtura sservi biex tressaq l-ikel qrib il-ħalq u biex wieħed jieklu iktar malajr. Għalhekk hi tista’ tissimbolizza aspett tal-umanità: il-kilba biex wieħed jikkonsma. Għax, waqt li l-annimali fl-istalla jieklu l-ikel, il-bnedmin fid-dinja, imġewħin għall-poter u għall-flus, jikkonsmaw saħansitra lill-qraba tagħhom, lil ħuthom. Kemm gwerer! U f’kemm postijiet, sal-lum, id-dinjità u l-libertà qed jiġu mkasbra! U l-vittmi prinċipali tal-kilba umana huma dejjem id-dgħajfin. Anki f’dan il-Milied umanità li ma għandhiex xaba’ ta’ flus, ma għandhiex xaba’ ta’ poter u ma għandhiex xaba’ ta’ pjaċir, ma tħallix wisa’, kif ġralu Ġesù (ara v. 7), għall-iżjed ċkejkna, għal tant trabi tat-twelid, foqra, minsija. Qed naħseb fuq kollox fit-tfal miblugħa mill-gwerer, il-faqar u l-inġustizzja. Imma Ġesù jiġi proprju hemm, tarbija fil-maxtura tal-iskart u taż-żibel. Fih, tarbija ta’ Betlehem, hemm kull tarbija. U hemm l-istedina biex inħarsu lejn il-ħajja, il-politika u l-istorja bl-għajnejn tat-tfal.

 

Fil-maxtura taż-żibel u tal-iskumdità, Alla jħossu komdu: hemm jiġi, għax hemmhekk hemm il-problema tal-umanità, l-indifferenza ġġenerata mill-kilba mgħaġġla biex nippossedu u nikkunsmaw. Kristu hemm jitwieled u f’dik il-maxtura niskopruh qrib tagħna. Jiġi fejn jittiekel l-ikel biex isir hu ikel tagħna. Alla mhuwiex missier li jibla’ lil uliedu, imma l-Missier li f’Ġesù jagħmilna wliedu u jitmagħna bil-ħlewwa tiegħu. Jiġi jmissilna qalbna u jgħidilna li l-unika qawwa li tibdel il-mixja tal-istorja hi l-imħabba. Ma jibqax imbiegħed, ma jibqax setgħan, imma jiġi qrib tagħna, umli; hu, li kien bilqiegħda fuq it-tron tas-sema, iħalli lil min imiddu f’maxtura.

 

Ħija, oħti, Alla llejla ġej qrib tiegħek għax jimpurtah minnek. Mill-maxtura, bħala ikel għal ħajtek, jgħidlek: “Jekk tħossok ikkonsmat mill-ġrajjiet ta’ madwarek, jekk is-sens ta’ ħtija tiegħek u l-fatt li ma tħossokx denn qed jibilgħuk, jekk għandek il-ġuħ għall-ġustizzja, jiena, Alla, ninsab miegħek. Naf minn xiex għaddej, jiena wkoll doqtu f’dik il-maxtura. Naf x’inhuma l-miżerji tiegħek u l-istorja tiegħek. Twelidt biex ngħidlek li jiena qrib tiegħek u hekk dejjem ħa nkun”. Il-maxtura tal-Milied, l-ewwel messaġġ ta’ Alla tarbija, tgħidina li hu magħna, iħobbna, ifittixna. Kuraġġ, tħallix il-biża’, ir-rassenjazzjoni, il-qtigħ il-qalb jirbħuk. Alla jitwieled f’maxtura biex jerġa’ jagħtik twelid ġdid proprju hemm, fejn ħsibt li kont missejt il-qiegħ. Ma hemmx ħażen, ma hemmx dnub li minnu Ġesù ma jridx u ma jistax isalvak. Il-Milied ifisser li Alla hu qrib: ħa titwieled mill-ġdid il-fiduċja!

 

2. Il-maxtura ta’ Betlehem, barra l-qrubija, tkellimna wkoll fuq il-faqar. Madwar maxtura, fil-fatt, ma hemmx wisq x’tara: ħuxlief u xi annimal, u ftit li xejn issib iżjed. Il-persuni kienu għas-sħana tal-lukandi, mhux fl-istalla kiesħa ta’ għorfa. Imma Ġesù hemm jitwieled u l-maxtura tfakkarna li ma kellu xejn iżjed madwaru, jekk mhux min ħabbu: Marija, Ġużeppi u xi ragħajja; kollha nies fqajra, imma komuni bejniethom kellhom l-imħabba u l-fatt li kienu kapaċi jistagħġbu, u mhux l-għana u l-possibbiltajiet kbar. Il-maxtura fqira allura turina l-għana veru tal-ħajja x’inhu: mhux il-flus u l-poter, imma r-relazzjonijiet u l-persuni.

 

U l-ewwel persuna, l-ewwel ġid, hu proprju Ġesù. Imma aħna rridu noqogħdu maġenbu? Nersqu qrib tiegħu, inħobbuh il-faqar tiegħu? Jew nippreferu nibqgħu komdi fl-interessi tagħna? Hemm huwa preżenti. U aħna msejħin biex inkunu Knisja li tqim lil Ġesù fqir u taqdi lil Ġesù fil-foqra. Kif qal isqof qaddis: “Il-Knisja tappoġġja u tbierek l-isforzi biex jinbidlu l-istrutturi ta’ inġustizzja u tpoġġi biss kundizzjoni waħda: li l-bidliet soċjali, ekonomiċi u politiċi ikunu kotrana biss f’kemm jissarrfu f’ġid veru għall-foqra” (O.A. Romero, Messaġġ pastorali għas-sena l-ġdida, 1 ta’ Jananr 1980). Daż-żgur, mhux faċli nħallu s-sħana komda tal-mondanità biex inħaddnu l-ġmiel imneżża’ tal-grotta ta’ Betlehem, imma ejjew niftakru li mingħajr il-foqra ma jkunx veru Milied. Mingħajrhom niffesteġġjaw il-Milied, imma mhux dak ta’ Ġesù. Ħuti, fil-Milied Alla hu fqir: ħa titwieled mill-ġdid il-karità!

 

3. U hekk naslu għall-aħħar punt: il-maxtura tkellimna fuq konkretezza. Fil-fatt, tarbija f’maxtura tirrappreżenta xena li tolqotna, imqar xotta kif inhi. Tfakkarna li Alla tassew sar laħam. U allura dwaru mhumiex biżżejjed it-teoriji, il-ħsibijiet sbieħ u s-sentimenti twajba. Ġesù, li jitwieled fqir, se jgħix fqir u jmut fqir, ma għamilx tant diskorsi fuq il-faqar, imma għexu sal-aħħar għalina. Mill-maxtura għas-salib, imħabbtu għalina stajt tmissha b’idejk, kienet konkreta: minn twelidu sa mewtu bin il-mastrudaxxa ħaddan miegħu l-ħruxija tas-salib, il-ħajja iebsa tagħna. Mhux bit-tpaċpiċ ħabbna, mhux biċ-ċajt ħabbna!

 

U allura ma jikkuntentax b’dak li jidher biss. Ma jridx biss proponimenti sbieħ, hu li sar laħam. Hu li twieled fil-maxtura, ifittex fidi konkreta, magħmula minn adorazzjoni u karità, mhux minn tpaċpiċ u apparenzi. Hu, li jiġi għarwien f’maxtura u għad joqgħod għarwien fuq is-salib, jitlob minna verità, li mmorru għall-verità għerja tal-affarijiet, li nċedu f’riġlejn il-maxtura kull skuża, ġustifikazzjoni u ipokrezija. Hu, li bi ħlewwa kbira ġie mfisqi fil-faxex minn Marija, irid li nerġgħu nilbsu l-imħabba. Alla ma jridx apparenzi, imma konkretezza. Ħuti, ejjew ma nħallux dan il-Milied jgħaddi mingħajr ma nagħmlu xi ħaġa ta’ ġid. Ladarba din hi l-festa tiegħu, għeluq sninu, ejjew nagħtuh rigali li jogħġbu lilu! Fil-Milied Alla hu konkret: f’ismu ejjew inwelldu mill-ġdid ftit tat-tama f’min tilifha!

 

Ġesù, aħna nħarsu lejk, imqiegħed fil-maxtura. Nilmħuk hekk qrib, qrib tagħna għal dejjem: grazzi, Mulej. Nilmħuk fqajjar, biex tgħallimna li l-veru għana mhux qiegħed fl-oġġetti, imma fil-persuni, fuq kollox fil-foqra: aħfrilna, jekk ma għarafniekx u ma qdejniekx fihom. Nilmħuk konkret, għax konkreta hi mħabbtek għalina: Ġesù, għinna nlaħħmu u nagħtu l-ħajja lill-fidi tagħna. Amen.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard