QUDDIESA TAL-LEJL

SOLENNITÀ TAT-TWELID TAL-MULEJ

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA

 

Bażilika tal-Vatikan

Il-Ġimgħa 24 ta’ Diċembru 2021

 

Fil-lejl jixgħel id-dawl. Jidher anġlu, il-glorja tal-Mulej tiddi fuq ir-ragħajja u saflaħħar tasal l-aħbar tant mistennija: “Illum tweldilkom Salvatur, li hu Kristu l-Mulej” (Lq 2:11). Imma jissorprendihom dak li l-anġlu jżid jgħid. Juri lir-ragħajja kif kellhom isibu lil Alla li ġie fid-dinja: “U bħala sinjal ikollkom dan: issibu tarbija mfisqija u mimduda f’maxtura” (v. 12). Dan hu s-sinjal: tarbija. Daqshekk biss: tarbija fil-faqar ta’ maxtura. Daqshekk dwal, tlellix, korijiet tal-anġli. Sempliċi tarbija. Xejn iżjed, kif kien ħabbar Iżaija: “Tweldilna tifel” (Iż 9:5).

 

Il-Vanġelu jisħaq fuq dan il-kuntrast. Jirrakkonta t-twelid ta’ Ġesù billi jibda minn Ċesri Awgustu, li jagħmel iċ-ċensiment tal-art kollha: jurna l-ewwel imperatur fil-kobor tiegħu. Imma dritt wara jeħodna Betlehem, fejn kbir ma hemm xejn: hemm biss tarbija fqajra mfisqija fil-faxex, bir-ragħajja madwarha. U hemmhekk hemm Alla, fiċ-ċokon. Dan huwa l-messaġġ: Alla ma jogħliex fil-kobor, imma jitbaxxa fiċ-ċokon. Iċ-ċokon huwa t-triq li huwa għażel biex jasal għandna, biex imisslna qalbna, biex isalvana u jeħodna lura għal dak li jiswa tassew.

 

Ħuti, nintasbu quddiem il-presepju u nħarsu lejn il-qalba tiegħu: immorru lil hemm mid-dwal u t-tiżjin, li huma sbieħ, u nikkontemplaw lit-Tarbija. Fiċ-ċokon tagħha hemm Alla kollu kemm hu. Ejjew nagħrfuh: “Bambin, inti Alla, Alla-tarbija”. Inħallu jmissna dan l-istagħġib skandaluż. Dak li jħaddan l-univers għandu bżonn li jinżamm fid-dirgħajn. Hu, li għamel ix-xemx, irid min isaħħnu. Il-ħlewwa mlaħħma f’persuna għandha bżonn min iżiegħel biha. L-imħabba infinita għandha qalb ċkejkna, li t-taħbitiet tagħha huma delikati. Il-Kelma eterna hi tarbija tat-twelid, jiġifieri mhix kapaċi titkellem. Il-Ħobż tal-ħajja jrid min jitimgħu. Il-Ħallieq tad-dinja m’għandux għamara fejn joqgħod. Illum kollox inqaleb ta’ taħt fuq: Alla ġej ċkejken fid-dinja. Il-kobor tiegħu joffrihulna fiċ-ċokon.

 

U aħna – ejjew nistaqsu lilna nfusna – nafu nilqgħuha din it-triq ta’ Alla? Din hija l-isfida tal-Milied: Alla juri ruħu, imma l-bnedmin ma jifhmuhx. Hu jiċċekken f’għajnejn id-dinja u aħna nibqgħu nfittxu l-kobor biss skont kif tarah id-dinja, u dan forsi nagħmluh ukoll f’ismu. Alla jitbaxxa u aħna ħsiebna kif ħa nitilgħu fuq pedestall. L-Aktar Għoli jurina l-umiltà u aħna nippretendu li nidhru. Alla jmur ifittex ir-ragħajja, nies li ma jarahom ħadd; aħna nfittxu kif ħa nidhru, min ħa jarana. Ġesù jitwieled biex jaqdi u aħna ngħaddu s-snin niġru wara s-suċċess. Alla ma jfittixx qawwa u setgħa, imma jitlob ħniena u ċokon interjuri.

 

Dan hu li għandna nitolbuh lil Ġesù għall-Milied: il-grazzja taċ-ċkunija. “Mulej, għallimna nħobbu ċ-ċkunija. Għinna nifhmu li din hija t-triq għall-veru kobor”. Imma xi jfisser, fil-konkret, nilqgħu ċ-ċkunija? L-ewwel nett ifisser nemmnu li Alla jrid jiġi fil-ħwejjeġ ċkejkna tal-ħajja tagħna, irid jgħammar fir-realtajiet ta’ kuljum, il-ġesti sempliċi li nagħmlu d-dar, fil-familja, l-iskola, fuq ix-xogħol. Huwa fil-ħajja tagħna ta’ kuljum li hu jrid iwettaq ħwejjeġ tal-għaġeb. U dan hu messaġġ ta’ tama kbira: Ġesù qed jistedinna nagħtu valur u niskopru mill-ġdid il-ħwejjeġ żgħar tal-ħajja. Jekk hu jinsab magħna hemm, x’jonqosna? Mela ejjew nixħtu wara daharna d-dispjaċiri tagħna għall-kobor li m’għandniex. Inwarrbu t-tgergir u l-gdiedem, ir-regħba li tħallina dejjem iktar bil-għatx! Iċ-ċokon, l-għaġeb ta’ dik it-tarbija ċkejkna: dan huwa l-messaġġ.

 

Imma, jerġa’, hemm iżjed. Ġesù ma jixtieqx jiġi biss fil-ħwejjeġ żgħar tal-ħajja tagħna, imma anki fiċ-ċokon tagħna: meta aħna nħossuna dgħajfa, m’aħniex kapaċi, forsi saħansitra żbaljati. Oħti, ħija, jekk, bħal f’Betlehem, għandek id-dalma tal-lejl madwarek, jekk tħoss madwarek l-indifferenza kiesħa tal-oħrajn, jekk il-ġrieħi li qed iġġorr ġo fik qed jgħajtu bil-qawwa kollha: “Ftit li xejn tiswa, ma tiswa għal xejn, qatt m’inti ħa tkun maħbub kif tixtieq”, dan il-lejl, jekk int qed tħossok hekk, Alla qed iwieġbek u jgħidlek: “Jiena hekk inħobbok, kif int. Iċ-ċokon tiegħek ma jbeżżagħnix, id-dgħufijiet tiegħek ma jinkwetawnix. Jiena għalik iċċekkint. Biex inkun Alla tiegħek sirt ħuk. Ħija l-maħbub, oħti l-maħbuba, la tibżax minni, imma erġa’ sib fija l-kobor tiegħek. Jiena qrib tiegħek u dan biss qed nitolbok: afda fija u iftaħli qalbek”.

 

Nilqgħu ċ-ċokon ifisser ukoll ħaġa oħra: ngħannqu lil Ġesù fiċ-ċkejkna tal-lum. Jiġifieri nħobbuh f’dawk li huma fl-aħħar post, naqduh fil-foqra. Huma l-aktar li jixbhu lil Ġesù, li twieled fqir. U huwa fihom li hu jrid li jkun imweġġaħ. F’dan il-lejl ta’ mħabba biża’ wieħed biss jaħkimna: dak li nweġġgħu l-imħabba ta’ Alla, li nweġġgħuh meta nistkerrhu lill-foqra bl-indifferenza tagħna. Huma l-magħżulin ta’ Ġesù, li jum wieħed għad jilqgħuna fil-Ġenna. Waħda poetessa kitbet hekk: “Min ma sabx il-Ġenna hawn isfel, mhux sa jsibha hemm fuq” (E. Dickinson, Poems, P96-17). Ejjew ma nitilfux il-Ġenna minn taħt għajnejna, nieħdu ħsieb ta’ Ġesù issa, billi nżiegħlu bih f’dawk l-aktar fil-bżonn, għax magħhom hu identifika ruħu.

 

Ejjew inħarsu għal darb’oħra lejn il-presepju u naraw kif Ġesù fi twelidu hu mdawwar proprju biċ-ċkejknin, bil-foqra. Huma r-ragħajja. Kienu l-iżjed sempliċi u kienu l-iżjed qrib tal-Mulej. Sabuh għaliex kienu “għassa mal-merħla tagħhom billejl” (Lq 2:8). Kienu hemm għax-xogħol, għax kienu foqra u ħajjithom ma kellhiex ħinijiet, imma kienet tiddependi mill-merħla. Ma setgħux jgħixu kif u fejn iridu, imma kienu jirregolaw ruħhom skont l-esiġenzi tan-nagħaġ li kienu jirgħu. U Ġesù hemm jitwieled, qrib tagħhom, qrib tal-minsijin tal-periferiji. Jiġi fejn id-dinjità tal-bniedem hi mġarrba. Jiġi biex ilibbes bid-dinjità lill-imwarrbin u l-ewwel u qabel kollox lilhom juri ruħu: mhux lill-persunaġġi kolti u importanti, imma lil persuni foqra waqt ix-xogħol. Alla llejla jiġi biex jimla bid-dinjità l-iebes tax-xogħol. Ifakkarna kemm hu importanti nagħtu dinjità lill-bniedem bix-xogħol, imma anki nagħtu dinjità lix-xogħol tal-bniedem, għax il-bniedem hu sid u mhux ilsir tax-xogħol. Fil-jum tal-Ħajja ntennu: daqshekk imwiet fuq il-post tax-xogħol! U nħabirku għal dan.

 

Inħarsu għall-aħħar darba lejn il-presepju, u nwessgħu ħarsitna sat-trufijiet tiegħu, fejn nistgħu nilmħu l-Maġi, f’pellegrinaġġ biex iqimu lill-Mulej. Inħarsu u nifhmu li madwar Ġesù kollox jerġa’ jingħaqad: ma hemmx biss dawk tal-aħħar post, ir-ragħajja, imma anki l-għorrief u l-għonja, il-Maġi. F’Betlehem jinsabu flimkien foqra u għonja, min qed jadura bħall-Maġi u min qed jaħdem bħar-ragħajja. Kollox jingħaqad u jsib postu meta fiċ-ċentru hemm Ġesù: mhux l-ideat tagħna fuq Ġesù, imma Hu, il-Ħaj. Allura, għeżież ħuti, ejjew nerġgħu lura Betlehem, nerġgħu lura għall-oriġni: għall-essenzjalità tal-fidi, għall-ewwel imħabba, għall-qima u għall-karità. Inħarsu lejn il-Maġi li mexjin u bħala Knisja Sinodali, li miexja, immorru Betlehem, fejn hemm Alla fil-bniedem u l-bniedem f’Alla; fejn il-Mulej jinsab fl-ewwel post u jiġi adurat; fejn dawk ta’ wara nett għandhom il-post l-aktar qrib tiegħu; fejn ragħajja u Maġi jinsabu flimkien fi fraternità iżjed b’saħħitha minn kull klassifikazzjoni. Ħa jagħtina Alla li nkunu Knisja adoratriċi, fqira, fraterna. Dan huwa l-essenzjal. Nerġgħu lura Betlehem.

 

Jagħmlilna tajjeb li mmorru hemm, doċli għall-Vanġelu tal-Milied, li jippreżenta l-Familja Mqaddsa, ir-ragħajja u l-Maġi: kollha nies li mexjin. Ħuti, ejjew nimxu, għax il-ħajja hija pellegrinaġġ. Inqumu, nistenbħu, għax dal-lejl idda dawl. Huwa dawl ħelu u jfakkarna li fiċ-ċokon tagħna aħna wlied maħbuba, ulied id-dawl (ara 1 Tess 5:5). Ħuti, ejjew nifirħu flimkien, għax ħadd ma jista’ qatt jitfi dan id-dawl, id-dawl ta’ Ġesù, li minn dan il-lejl jiddi mad-dinja kollha.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard