QUDDIESA TA’ BILLEJL

SOLENNITÀ TAT-TWELID TAL-MULEJ

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Bażilika tal-Vatikan

Il-Ħamis 24 ta’ Diċembru 2020

 

F’dan il-lejl isseħħ il-profezija kbira ta’ Iżaija: “Tweldilna tifel, ingħatalna iben” (Iż 9:5).

 

Ingħatalna iben. Spiss tisma’ min jgħid li l-ikbar ferħ tal-ħajja huwa t-twelid ta’ tarbija. Hi xi ħaġa ta’ barra minn hawn, li tibdel kollox, iċċaqlaq enerġiji li wieħed qatt ma jkun għexhom qabel u ġġagħlek tegħleb l-għeja, l-iskumditajiet u sahriet bla rqad, għax twassal ferħ kbir, li quddiemu donnu xejn mhu toqol. Hekk hu l-Milied: it-twelid ta’ Ġesù hu l-ġdid li ta’ kull sena jippermettilna nerġgħu nitwieldu minn ġewwa, li nsibu fih il-qawwa biex naffrontaw kull prova. Għal hija l-kelma li tirritorna f’dan il-lejl qaddis: “Twieled għalina tifel”, ħabbar Iżaija; “Illum twieled għalina Salvatur”, tennejna fis-Salm; Ġesù “ta lilu nnifsu għalina” (Tit 2:14), xandar San Pawl; u l-anġlu fil-Vanġelu ħabbar: “Illum twieled għalikom Salvatur” (Lq 2:11). Għalija, għalikom.

 

Imma xi jrid jgħidilna dan l-għalina? Li l-Iben ta’ Alla, li min-natura tiegħu hu qaddis, jiġi biex iqaddisna bil-grazzja tiegħu. Iva, Alla jiġi fid-dinja bħala iben biex jagħmilna wlied Alla. X’don tal-għaġeb! Illum Alla jgħaġġibna u jgħid lil kull wieħed u waħda minna: “Inti tal-għaġeb”. Ħija, oħti, la taqtax qalbek. Qiegħed fit-tentazzjoni li tħoss li int żball? Alla qed jgħidlek: “Le, inti iben tiegħi!”. Tħossok li m’intix ħa tasal, tibża’ li m’intix denn, li ma tistax toħroġ mit-tunnel tal-prova? Alla qed jgħidlek: “Kuraġġ, jiena miegħek”. Ma jgħidhielekx bil-kliem, imma billi jsir iben bħalek u għalik, biex ifakkrek fil-punt tat-tluq ta’ kull twelid ġdid tiegħek: li tagħraf li int iben Alla, bint Alla. Dan hu l-punt tat-tluq ta’ kull twelid ġdid. Din hija l-qalba tat-tama tagħna li xejn ma jista’ jeqred, il-qalba mħeġġa li twieżen l-eżistenza tagħna: taħt il-kwalitajiet u d-difetti tagħna, iżjed b’saħħitha mill-ġrieħi u mill-fallimenti tal-passat, mill-biżgħat u t-tħassib għall-futur, hemm din il-verità: aħna wlied maħbuba. U l-imħabba ta’ Alla għalina ma tiddependix u mhi qatt ħa tiddependi minna: hi mħabba mogħtija b’xejn. Dan il-lejl imkien ma ssib spjegazzjoni għalih ħlief hawn, fil-grazzja. Kollox huwa grazzja. Id-don huwa b’xejn, bla merti ta’ xi ħadd minna, grazzja pura. Dan il-lejl, qalilna San Pawl, “dehret il-grazzja ta’ Alla” (Tit 2:11). Xejn mhu iżjed prezzjuż minn hekk.

 

Ingħatalna iben. Il-Missier mhux xi ħaġa tana, imma lill-istess Iben waħdieni tiegħu, li huwa l-ferħ kollu tiegħu. Imma jekk aħna nħarsu lejn l-ingratitudni tal-bniedem lejn Alla u lejn l-inġustizzja lejn tant ħutna, jitfaċċalna dubju: għamel sew il-Mulej li tana daqshekk, jagħmel sew jibqa’ jafda fina? Mhux qed jissopravalutana? Iva, qed jissopravalutana, u dan jagħmlu għax iħobbna bi mħabba tal-ġenn. Ma jirnexxilux ma jħobbniex. Hekk magħmul. Kemm hu differenti minna! Dejjem iridilna l-ġid, ġid ikbar milli aħna jirnexxilna nixtiequ għalina nfusna. Dan hu s-sigriet tiegħu biex jidħol f’qalbna. Alla jaf li l-uniku mod biex isalvana, biex ifejjaqna ġo fina, hu li jħobbna: ma hemmx mod ieħor. Jaf li aħna nistgħu nsiru aħjar biss jekk nilqgħu l-imħabba bla heda tiegħu, li ma tinbidilx, ma tinbidel qatt. L-imħabba ta’ Ġesù biss tista’ tibdel il-ħajja, tfejjaq il-ġrieħi l-iżjed qawwija, teħles miċ-ċrieki vizzjużi tan-nuqqas ta’ sodisfazzjon, tar-rabja u tat-tgergir.

 

Ingħatalna iben. Fil-maxtura fqajra ta’ stalla mudlama hemm sewwasew l-Iben ta’ Alla. U hawn tqum mistoqsija oħra: għaliex ġie għad-dawl tal-lejl, mingħajr post sura fejn joqgħod, fil-faqar u fir-rifjut, meta kien jixraqlu jitwieled bħala l-ikbar sultan fl-isbaħ fost il-palazzi kollha? Għaliex? Biex jurina sa liema punt irid iħobb il-kundizzjoni umana tagħna: sal-punt li jrid imiss bi mħabbtu konkreta l-agħar miżerja tagħna. L-Iben ta’ Alla twieled mormi biex jgħidilna li kull mormi hu iben ta’ Alla. Ġie fid-dinja kif tiġi fid-dinja tarbija, dgħajfa u fraġli, biex aħna nistgħu nilqgħu d-dgħufijiet tagħna bil-ħlewwa. U niskopru ħaġa importanti: bħalma għamel f’Betlehem, magħna wkoll Alla jħobb jagħmel ħwejjeġ kbar permezz tal-faqar tagħna. Hu poġġa s-salvazzjoni kollha tagħna fil-maxtura ta’ stalla u l-faqar tagħna ma jbeżżgħux: inħallu l-ħniena tiegħu tibdel il-miżerji tagħna!

 

Araw xi jfisser li iben twieled għalina. Imma hemm għal oħra, li l-anġlu jgħid lir-ragħajja: “U bħala sinjal ikollkom dan: issibu tarbija mfisqija u mimduda f’maxtura” (Lq 2:12). Dan is-sinjal, it-Tarbija fil-maxtura, hu għalina wkoll, biex imexxina f’ħajjitna. F’Betlehem, li tfisser “Dar il-ħobż”, Alla jinsab f’maxtura, donnu jrid ifakkarna li biex ngħixu għandna bżonn tiegħu daqskemm għandna bżonn il-ħobż biex nieklu. Għandna bżonn inħallu żżurna l-imħabba tiegħu b’xejn, li ma tegħjiex, konkreta. Imma kemm drabi, imġewħin għad-divertiment, is-suċċess u l-mondanità, nimlew ħajjitna b’ikel li ma jxebbax u jħallilna l-vojt ġo fina! Il-Mulej, b’fomm il-profeta Iżaija, ilmenta li, waqt li l-gendus u l-ħmar jafu fejn hi l-maxtura tagħhom, aħna, il-poplu tiegħu, lilu ma nafuhx, hu li hu l-għajn tal-ħajja tagħna (ara Iż 1:2-3). Dan hu minnu: bil-kilba li għandna biex ikollna, nintremew ġo tant imxatar tal-vanità, u ninsewha l-maxtura ta’ Betlehem. Dik il-maxtura, fqajra minn kollox u għanja fl-imħabba, tgħallimna li ħajjitna tista’ titrejjaq jekk inħallu lil Alla jħobbna u jekk inħobbu lill-oħrajn. Ġesù jagħtina l-eżempju: hu, il-Verb ta’ Alla, hu ċkejken; ma jitkellimx, imma joffri ħajtu. Mill-banda l-oħra aħna nitkellmu ħafna, imma spiss aħna analfabeti tat-tjieba.

 

Ingħatalna iben. Min għandu tarbija ċkejkna, jaf kemm imħabba u kemm sabar trid. Trid titmagħha, tieħu ħsiebha, tnaddafha, tkun attent għad-dgħufijiet tagħha u l-bżonnijiet tagħha, li spiss diffiċli tifhimhom. Iben iġagħalna nħossuna maħbuba, imma jgħallimna wkoll inħobbu. Alla twieled tarbija biex iġagħalna nieħdu ħsieb tal-oħrajn. Il-bikja ħelwa tiegħu turina kemm huma inutli tant kapriċċi tagħna; u għandna ħafna minnhom! Imħabbtu, żarmata u li żżarmana, tfakkarna li ż-żmien li għandna f’idejna mhux qiegħed hemm biex noqogħdu nibku lilna nfusna, imma biex infarrġu d-dmugħ ta’ min qed ibati. Alla jgħammar qrib tagħna, fqir u fil-bżonn, biex jgħidilna li meta naqdu lill-foqra nkunu nħobbu lilu. Mil-lejla, kif kitbet waħda poetessa, “ir-residenza ta’ Ala hi qrib tiegħi. L-għamara hi l-imħabba” (E. Dickinson, Poems, XVII).

 

Ingħatalna iben. Huwa int, Ġesù, l-Iben li tagħmilni iben. Int tħobbni kif jien, mhux kif noħlom li nkun; jien nafu dan! Xħin ngħannaq lilek, Bambin f’maxtura, nerġa’ ngħannaq ħajti. Meta nilqa’ lilek, Ħobż tal-ħajja, anki jien irrid nagħti ħajti. Int li ssalvani, għallimni naqdi. Int li ma titlaqnix waħdi, għinni nfarraġ lil ħutek, għax int taf li mil-lejla huma lkoll ħuti.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard