ĦADD IL-KELMA TA’ ALLA

QUDDIESA

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Bażilika ta’ San Pietru

It-III Ħadd ta’ Matul is-Sena, 24 ta’ Jannar 2021

 

[Omelija tal-Papa, moqrija mill-Eċċellenza Tiegħu Mons. Rino Fisichella]

 

Ħuti, hu ta’ pjaċir u ġieħ kbir għalija li naqralkom l-omelija li l-Papa kellu jagħti f’din l-okkażjoni.

 

F’dan il-Ħadd tal-Kelma, nisimgħu lil Ġesù jxandar is-Saltna ta’ Alla. Naraw x’qed jgħid u lil min qed jgħidu.

 

X’inhu li qed jgħid. Ġesù jibda jipprietka hekk: “Iż-żmien hu mitmum u s-saltna ta’ Alla waslet” (Mk 1:15). Alla hu fil-qrib, dan hu l-ewwel messaġġ. Is-saltna tiegħu niżlet fuq l-art. Alla mhuwiex qiegħed, kif spiss aħna ttentati naħsbu, hemm fuq fis-smewwiet imbiegħda, maqtugħ mill-qagħda tagħna l-bnedmin, imma hu jinsab magħna. Iż-żmien tad-distanza ntemm meta f’Ġesù Alla sar bniedem. Minn dakinhar Alla hu tassew qrib tagħna; qatt mhu se jitbiegħed mill-umanità tagħna u qatt mhu ħa jaqta’ qalbu minnha. Din il-qrubija hija l-bidu tal-Vanġelu, hija dak li – jisħaq it-test – Ġesù “jgħid” (Mk 1:15): ma qalux darba u daqshekk, imma jgħidu, jiġifieri jtennih il-ħin kollu. “Alla hu fil-qrib” kien il-leitmotiv tal-predikazzjoni tiegħu, il-qalba tal-messaġġ tiegħu. Jekk dan huwa l-bidu u r-ritornell tal-predikazzjoni ta’ Ġesù, ma jistax ma jkunx dak li n-Nisrani jgħix u jħabbar dejjem. Qabel kull ħaġa oħra, irridu nemmnu u nxandru li Alla qorob lejna, li ħa grazzja magħna, ħenn għalina. Qabel kull kelma tagħna fuq Alla hemm il-Kelma tiegħu għalina, li tkompli ttennilna: “La tibżax, jiena miegħek. Jiena miegħek u se nibqa’ qrib tiegħek”.

 

Il-Kelma ta’ Alla tippermettilna mmissu b’idejna din il-qrubija, għax – jgħid id-Dewteronomju – mhix imbiegħda minna, imma hi qrib tal-qalb tagħna (ara 30:14). Hija l-antidotu għall-biża’ li nibqgħu waħidna quddiem il-ħajja. Fil-fatt, il-Mulej permezz tal-Kelma tiegħu jikkonsla, jiġifieri jkun ma’ min hu waħdu. Ikellimna u hekk ifakkarna li aħna ninsabu f’qalbu, għeżież f’għajnejh, imħarsa mill-wiċċ ta’ jdejh. Il-Kelma ta’ Alla ssawwab din il-paċi, imma ma tħalliniex bi kwietna. Hija Kelma ta’ faraġ, imma anki ta’ konverżjoni. “Indmu”, fil-fatt jgħid Ġesù dritt wara li jxandar il-qrubija ta’ Alla. Għax bil-qrubija tiegħu ntemm iż-żmien li fih inżommu mbiegħda minn Alla u mill-oħrajn, intemm iż-żmien fejn kull persuna taħseb fiha nfisha u timxi għal rasha. Dan mhux aġir Nisrani, għax min jagħmel esperjenza tal-qrubija ta’ Alla ma jistax jitbiegħed mill-proxxmu, ma jistax ibiegħdu fl-indifferenza. F’dan is-sens, min jisma’ l-Kelma ta’ Alla jħoss taqlib sħiħ fih li jagħmillu tajjeb: jiskopri li l-ħajja mhijiex iż-żmien biex iħares lilu nnifsu mill-oħrajn u jipproteġi lilu nnifsu, imma l-okkażjoni biex joħroġ jiltaqa’ mal-oħrajn f’isem Alla li hu fil-qrib. Hekk il-Kelma, miżrugħa fl-art ta’ qalbna, twassalna biex niżirgħu tama permezz tal-qrubija. L-istess kif jagħmel magħna Alla.

 

Issa ħa naraw lil min qed ikellem Ġesù. Qabelxejn ikellem lil xi sajjieda mill-Galilija. Kienu persuni sempliċi, li kienu jgħixu mill-frott ta’ jdejhom billi jaħdmu iebes lejl u nhar. Ma kinux esperti tal-Iskrittura u żgur ma kinux jispikkaw għall-għerf u l-kultura tagħhom. Kienu jgħixu f’reġjun ta’ taħlit, b’ħafna popli, gruppi etniċi u kultijiet: kien l-aktar post imbiegħed mis-safa reliġjuż ta’ Ġerusalemm, l-iktar imbiegħed mill-qalba tal-pajjiż. Imma Ġesù minn hemm jibda, mhux mill-qalba imma mill-periferija, u dan jagħmlu biex jgħid lilna wkoll li ħadd mhu fit-tarf tal-qalb ta’ Alla. Kulħadd jista’ jirċievi l-Kelma tiegħu u jiltaqa’ miegħu personalment. Hemm dettall sabiħ fil-Vanġelu dwar dan, meta josserva li x-xandir ta’ Ġesù jasal “wara” dak ta’ Ġwanni (Mk 1:14). Huwa wara deċiżiv, li jimmarka differenza: Ġwanni kien jilqa’ n-nies fid-deżert, fejn kienu jmorru biss dawk li setgħu jħallu l-postijiet fejn kienu jgħixu. Imma Ġesù jitkellem dwar Alla fil-qalba tas-soċjetà, ma’ kulħadd, hemm fejn qegħdin. U ma jitkellimx f’ħinijiet u żminijiet stabbiliti: jitkellem “għaddej ma’ xatt il-baħar” lil sajjieda “qegħdin ikalaw ix-xbiek” (v. 16). Jindirizza lill-persuni fil-postijiet u fil-mumenti l-iżjed ordinarji. Hawn hi l-qawwa universali tal-Kelma ta’ Alla, li tilħaq lil kulħadd u kull qasam tal-ħajja.

 

Imma l-Kelma għandha wkoll qawwa partikulari, taffettwa lil kull persuna b’mod dirett, personali. Id-dixxipli ma kienu se jinsewhom qatt il-kelmiet li semgħu dakinhar fuq ix-xatt tal-għadira, qrib id-dgħajsa, il-familjari u l-kollegi, kelmiet li kellhom jimmarkaw għal dejjem il-ħajja tagħhom. Ġesù jgħidilhom: “Ejjew warajja u nagħmilkom sajjieda tal-bnedmin” (v. 17). Ma jiġbidhomx b’diskorsi għoljin u li ma jistgħux jifhmu, imma jkellem lil ħajjithom: lil sajjieda tal-ħut jgħidilhom li se jkunu sajjieda tal-bnedmin. Kieku qalilhom: “Ejjew warajja, nagħmilkom Appostli: nibgħatkom fid-dinja u tħabbru l-Vanġelu bil-qawwa tal-Ispirtu, joqtlukom imma ssiru qaddisin”, nistgħu nimmaġinaw kif Pietru u Indrì kienu jweġbuh: “Grazzi, imma nippreferu x-xbieki tagħna u d-dgħajjes tagħna”. Imma Ġesù jsejħilhom billi jibda minn ħajjithom: “Intom sajjieda, u se ssiru sajjieda tal-bnedmin”. Milqutin bil-kbir minn din il-frażi, jiskopru pass wara l-ieħor li l-ħajja ta’ sajjieda tal-ħut kienet ftit wisq, imma li wieħed jinżel fil-fond tal-Kelma ta’ Ġesù hu s-sigriet tal-ferħ. Hekk jagħmel magħna l-Mulej: jiġi jfittixna fejn aħna, iħobbna kif aħna u bis-sabar isieħeb il-passi tagħna. Bħal dawk is-sajjieda, jistenna lilna wkoll fuq ix-xatt tal-ħajja. Bil-Kelma tiegħu jrid ibiddlilna r-rotta, biex nieqfu naħlu ħajjitna u nbaħħru fil-fond warajh.

 

Għalhekk, għeżież ħuti, ejjew ma nirrifjutawx il-Kelma ta’ Alla. Hija l-ittra ta’ mħabba miktuba lilna minn Dak li jafna kif ma jafna ħadd iżjed: meta naqrawha, nisimgħu mill-ġdid il-leħen tiegħu, nilmħu wiċċu, nirċievu l-Ispirtu tiegħu. Il-Kelma tqarribna lejn Alla: ma nżommuhiex bogħod. Inġorruha dejjem magħna, fil-but, fuq il-mowbajl; nagħtuha post xieraq fid-djar tagħna. Inqiegħdu l-Vanġelu f’post fejn niftakru niftħuh ta’ kuljum, forsi fil-ftuħ jew fit-tmiem tal-ġurnata, hekk li qalb tant kelmiet li jaslu f’widnejna jmiss il-qalb tagħna xi vers tal-Kelma ta’ Alla. Biex nagħmlu dan, nitolbu lill-Mulej il-qawwa li nitfu t-televiżjoni u niftħu l-Bibbja; li nitfu l-mowbajl u niftħu l-Vanġelu. F’din is-Sena liturġika ejjew naqraw dak ta’ Mark, l-iktar sempliċi u l-iqsar. Għax ma naqbux u naqrawh waħidna, silta ċkejkna kuljum? Jgħinna nħossu lill-Mulej qrib tagħna u jimliena bil-kuraġġ fil-mixja ta’ ħajjitna.

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard