JUM DINJI TAN-NANNIET U L-ANZJANI

QUDDIESA

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Bażilika ta’ San Pietru

Is-XVI-il Ħadd ta’ Matul is-Sena, 23 ta’ Lulju 2023

 

Biex ikellemna fuq is-saltna ta’ Alla, Ġesù jinqeda bil-parabboli. Jirrakkonta stejjer sempliċi, li jilħqu l-qalb ta’ min jisma’; u dan il-lingwaġġ, mimli xbihat, jixbah lil dawk li tant drabi jinqdew bih in-nanniet man-neputijiet, forsi huma u jżommuhom fuq ħoġorhom: hekk huma jgħaddulhom għerf importanti għall-ħajja. Jiena u naħseb fin-nanniet u l-anzjani, għerf li ż-żgħażagħ għandhom bżonn biex isiru adulti, nixtieq nerġa’ naqra t-tliet rakkonti li għandna fil-Vanġelu tal-lum skont aspett li għandhom komuni bejniethom: li nikbru flimkien.

 

Fl-ewwel parabbola, huma l-qamħ u s-sikrana li jikbru flimkien, fl-istess għalqa (ara Mt 13:24-30). Hi xbieha li tgħinna nagħmlu qari realistiku tas-sitwazzjoni: fl-istorja tal-bniedem, bħal fil-ħajja ta’ kull persuna, hemm il-preżenza flimkien ta’ dwwl u dellijiet, ta’ mħabba u egoiżmu. Anzi, it-tajjeb u l-ħażin huma mxebilka flimkien sal-punt li jidhru inseparabbli. Din il-viżjoni realistika tgħinna nħarsu lejn l-istorja mingħajr ideoloġiji, mingħajr ottimiżmi sterili u pessimiżmi li jagħmlulna l-ħsara. In-Nisrani, animat mit-tama f’Alla, mhuwiex pessimista, imma lanqas xi inġewnu li jgħix fid-dinja tal-ħrejjef, li jagħmel tabirruħu mhux jara l-ħażin u jgħid li “kollox sejjer sew”. Le, in-Nisrani huwa realista: jaf li fid-dinja hemm kemm il-qamħ u kemm is-sikrana, u jħares fih innifsu u jagħraf li l-ħażen mhux ġej biss “minn barra”, li mhux dejjem hi ħtija tal-oħrajn, li ma rridux “nivvintaw” l-għedewwa x’niġġieldu biex nevitaw li ndawru d-dawl fuqna nfusna. Nintebħu li l-ħażen ġej minn ġewwa, fit-taqbida interjuri li lkoll għandna.

 

Imma l-parabbola tpoġġilna quddiemna mistoqsija: meta naraw li fid-dinja l-qamħ u s-sikrana qed jikbru flimkien, x’għandna nagħmlu? Kif inġibu ruħna? Fir-rakkont il-qaddejja riedu jaqilgħu s-sikrana minnufih (ara v. 28). Huwa atteġġjament li warajh għandu intenzjoni tajba, imma hu impulsiv, saħansitra aggressiv. Nilludu ruħna li bis-saħħa tagħna waħidna nistgħu neqirdu l-ħażen biex inġibu kollox safi. Tentazzjoni ta’ diversi drabi: “soċjetà pura”, “Knisja pura”, imma biex naslu għal din il-purezza, nirriskjaw la nitilfu sabarna, insiru intransiġenti, anki vjolenti ma’ min waqa’ fl-iżball. U hekk, flimkien mas-sikrana, inkunu naqilgħu wkoll il-qamħ it-tajjeb u ma nħallux lil min jimxi, jikber, jinbidel. Imma nisimgħu x’jgħid Ġesù: “Ħallu l-qamħ it-tajjeb u s-sikrana jikbru flimkien sal-ħsad” (ara Mt 13:30). Kemm hi sabiħa din il-ħarsa ta’ Alla, din il-pedagoġija ħanina tiegħu, li tistedinna nistabru bl-oħrajn, nilqgħu – fil-familja, fil-Knisja u fis-soċjetà – id-dgħufija, id-dewmien u l-limitazzjonijiet tal-oħrajn: mhux biex nidrawhom b’rassenjazzjoni jew biex niġġustifikawhom, imma biex nitgħallmu nintervienu b’rispett, u bi ħlewwa u sabar nieħdu ħsieb tal-qamħ it-tajjeb. Niftakru dejjem ħaġa waħda: li t-tisfija tal-qalb u r-rebħa definittiva fuq il-ħażen huma, essenzjalment, opra ta’ Alla. U aħna, meta negħlbu t-tentazzjoni li nifirdu l-qamħ mis-sikrana, aħna msejħn nifhmu liema huma l-aħjar modi u mumenti biex naġixxu.

 

Qed naħseb fl-anzjani u fin-nanniet, li diġà għamlu biċċa twila mit-triq fil-ħajja u, jekk iħarsu lura, jaraw tant affarijiet sbieħ li rnexxilhom iwettqu, imma anki telfiet, żbalji, xi ħaġa li – kif jingħad – “li kelli nerġa’ lura, ma kontx nerġa’ nagħmilha”. Imma llum il-Mulej jilħaqna b’kelma ta’ ħlewwa, li tistedinna nilqgħu b’serenità u sabar il-misteru tal-ħajja, inħallu l-ġudizzju f’idejh, ma noqogħdux nibku bid-dispjaċir u r-rimors għall-passat. Donnu jrid jgħidilna: “Ħarsu lejn il-qamħ it-tajjeb li kiber tul il-mixja ta’ ħajjitkom, komplu kabbruh, afdaw kollox lili, li naħfer dejjem: fl-aħħar, it-tajjeb għad ikun iktar b’saħħtu mill-ħażin”. Ix-xjuħija hija żmien imbierek anki għalhekk: hu l-istaġun biex nirrikonċiljaw ruħna, biex inħarsu bi ħlewwa lejn id-dawl li idda minkejja d-dlamijiet, fit-tama fiduċjuża li l-qamħ it-tajjeb miżrugħ minn Alla għad jegħleb lis-sikrana li biha x-xitan ried iħarbtilna qalbna.

 

Naraw issa t-tieni parabbola. Is-saltna tas-smewwiet, jgħid Ġesù, hi l-opra ta’ Alla li jaġixxi fis-skiet qalb in-nisġiet tal-istorja, sal-punt li tidher azzjoni ċkejkna u inviżibbli, bħal dik ta’ żerriegħa daqs nitfa tal-mustarda. Imma, meta din iż-żerriegħa tikber, “tkun l-akbar waħda fost il-ħxejjex u ssir siġra, hekk li l-għasafar tal-ajru jiġu jbejtu fil-friegħi tagħha” (Mt 13:32). Anki l-ħajja tagħna hija hekk, ħuti: niġu fid-dinja fiċ-ċokon, insiru adulti, imbagħad anzjani; għall-bidu nkunu żerriegħa ċkejkna, imbagħad nitrejqu bit-tamiet, inwettqu proġetti u ħolm, l-isbaħ wieħed fosthom dak li nsiru bħal dik is-siġra, li ma tgħixx għaliha nfisha, imma biex iddellel lil min jixtieqha u toffri spazju lil min irid jibni l-bejta tiegħu fuqha. Hekk li dawk li jikbru flimkien, f’din il-parabbola, fl-aħħar mill-aħħar huma s-siġra xwejħa u l-għasafar ċkejkna.

 

Naħseb fin-nanniet: kemm huma sbieħ dawn is-siġar kollha friegħi u weraq, li taħthom l-ulied u n-neputijiet jistgħu jagħmlu l-“bejtiet” tagħhom, jitgħallmu l-klima tad-dar u jduqu l-ħlewwa ta’ tgħanniqa. Ifisser li nikbru flimkien: is-siġra tħaddar u ċ-ċkejknin li għandhom bżonn tal-bejta, in-nanniet mal-ulied u n-neputijiet, l-anzjani mal-aktar żgħażagħ. Ħuti, għandna bżonn ta’ patt ġdid bejn żgħażagħ u anzjani, biex il-ħajja ta’ min għandu wara spallejh esperjenza twila tnibbet il-ward ta’ tama ta’ min qed jikber. F’dan il-qsim għammiel nitgħallmu l-ġmiel tal-ħajja, inwettqu soċjetà fraterna, u fil-Knisja nippermettu li sseħħ il-laqgħa u d-djalogu bejn it-tradizzjoni u l-ġdid tal-Ispirtu.

 

Fl-aħħar nett għandna t-tielet parabbola, fejn jikbru flimkien il-ħmira u d-dqiq (ara Mt 13:33). Dan it-taħlit itella’ l-għaġna kollha. Ġesù juża proprju l-verb “ħalltet”, li jfakkarna f’dik l-arti li hi “l-mistika li ngħixu flimkien, li nitħalltu, li niltaqgħu, li ngħannqu lil xulxin”, u li “noħorġu minna nfusna biex ningħaqdu mal-oħrajn” (Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 87). Dan jegħleb l-individwaliżmi u l-egoiżmi, u jgħinna nnisslu dinja iżjed umana u iżjed fraterna. Hekk illum il-Kelma ta’ Alla qed tfakkarna ngħassu biex fil-ħajjiet tagħna u fil-familji tagħna ma nwarrbux għall-ġenb lill-iżjed anzjani. Attenti, biex il-bliet iffullati tagħna ma jsirux “konċentrazzjonijiet ta’ solitudni”; biex ma jiġrix li l-politika, imsejħa biex taħseb għall-ħtiġijiet tal-iżjed dgħajfa, tinsa proprju lill-anzjani, u tħalli s-suq jirrendihom “skart li ma jipproduċi xejun”. Biex ma jiġrix li, irvillati biex niġru b’kemm għandna saħħa wara l-miti tal-effiċjenza u tal-prestazzjoni, ma nibqgħux kapaċi nimxu ftit aktar bil-mod biex insieħbu lil min qed ibati biex iżomm il-pass. Nitlobkom, ejjew nitħalltu, nikbru flimkien.

 

Ħuti, il-Kelma divina tistedinna ma ninfirdux, ma ningħalqux, ma naħsbux li nistgħu nirnexxu waħidna, imma biex nikbru flimkien. Nisimgħu lil xulxin, niddjalogaw, inwieżnu lil xulxin. Ma ninsewx lin-nanniet u lill-anzjani: b’żegħila tagħhom min jaf kemm drabi rġajna qomna, erġajna qbadna l-mixja, ħassejniena maħbuba, imfejqa mill-ġdid minn ġewwa. Huma ssagrifikaw ruħhom għalina u aħna ma nistgħux ma nżommuhomx fuq l-aġenda tal-prijoritajiet tagħna. Ħuti, ejjew nikbru flimkien, nixmu ’l quddiem flimkien: il-Mulej ibierek il-mixja tagħna.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard