ĦADD IL-KELMA TA’ ALLA

QUDDIESA

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Bażilika ta’ San Pietru

It-III Ħadd ta’ Matul is-Sena, 23 ta’ Jannar 2022

 

Fl-Ewwel Qari u fil-Vanġelu nsibu żewġ ġesti paralleli: il-qassis Eżdra jgħolli ’l fuq il-ktieb tal-liġi ta’ Alla, jiftħu u jxandar minnu quddiem il-poplu kollu; Ġesù, fis-sinagoga ta’ Nazaret, jiftaħ il-parċmina tal-Iskrittura Mqaddsa u jaqra silta mill-Profeta Iżaija quddiem kulħadd. Huma żewġ xeni li jgħaddulna realtà fundamentali: fiċ-ċentru tal-ħajja tal-poplu qaddis ta’ Alla u tal-mixja tal-fidi m’hemmx aħna, bil-kliem tagħna. Fiċ-ċentru hemm Alla bil-Kelma tiegħu.

 

Kollox beda mill-Kelma li lissnilna Alla. Fi Kristu, il-Kelma eterna tiegħu, il-Missier “għażilna sa minn qabel il-ħolqien tad-dinja” (Efes 1:4). Bil-Kelma tiegħu hu ħalaq l-univers: “Għax hu tkellem, u hi saret” (Salm 33:9). Sa mill-qedem hu kellimna b’fomm il-profeti (ara Lhud 1:1); fl-aħħar, fil-milja taż-żmien (ara Gal 4:4), bagħtilna lill-istess Verb tiegħu, l-Iben waħdieni tiegħu. Għalhekk, malli temm il-qari minn Iżaija, Ġesù fil-Vanġelu ħabbar xi ħaġa li qatt ma kien instema’ bħalha qabel: “Din il-kitba seħħet illum” (Lq 4:21). Seħħet: il-Kelma ta’ Alla ma għadhiex wegħda, imma twettqet. F’Ġesù tlaħħmet. Bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu ġiet tgħammar f’nofsna u trid tgħammar fina, biex tissodisfa x-xewqat tagħna u tfejjaq il-ġrieħi tagħna.

 

Ħuti, ejjew inżommu ħarsitna msammra fuq Ġesù, kif għamlu n-nies fis-sinagoga ta’ Nazaret (ara v. 20) – kienu qed iħarsu lejh, kien wieħed minnhom: x’kien hemm ġdid? x’ħa jagħmel, dan, li tant qed jitkellmu fuqu? – u nilqgħu l-Kelma tiegħu. Illum ejjew nimmeditaw fuq żewġ aspetti marbuta bejniethom: il-Kelma tikxef min hu Alla u l-Kelma twassalna għand il-bniedem. Hi fiċ-ċentru: tikxef min hu Alla u twassalna għand il-bniedem.

 

Qabelxejn il-Kelma ta’ Alla tikxef min hu Alla. Ġesù, fil-bidu tal-missjoni tiegħu, huwa u jikkummenta dik is-silta partikulari tal-Profeta Iżaija, iħabbar għażla preċiża: hu ġie biex jeħles lill-fqajrin u lill-maħqurin (ara v. 18). Hekk, proprju permezz tal-Iskrittura, hu jikxfilna l-wiċċ ta’ Alla bħala Dak li jieħu ħsieb tal-faqar tagħna u għandu għal qalbu d-destin tagħna. Mhuwiex xi sid maqful fis-smewwiet – dik ix-xbieha ta’ Alla kerha, le, mhuwiex hekk – imma Missier li jsegwi l-passi tagħna. Mhuwiex xi osservatur passiv, distakkat u li ma jċaqilċu xejn, Alla “matematiku”. Huwa Alla-magħna, li ħa grazzja ma’ ħajjitna u jidħol fiha sal-punt li jibki d-dmugħ tagħna. Mhuwiex Alla newtrali u indifferenti, imma l-Ispirtu li jħobb lill-bniedem, li jiddefendina, li jagħtina l-parir it-tajjeb, li jieħu pożizzjoni favurina, li jirriskja għalina, li jiċċappas bit-tbatija tagħna. Huwa dejjem preżenti hemm. Araw il-“bxara t-tajba” (v. 18) li Ġesù jxandar quddiem il-ħarsa mistagħġba ta’ kulħadd: Alla hu qrib u jrid jieħu ħsiebi, ħsiebek, ħsieb kulħadd. U din hi l-karatteristika ta’ Alla: il-qrubija. Hu stess isejjaħ hekk lilu nnifsu; jgħid lill-poplu, fid-Dewteronomju: “Għax liema ġens għandu l-allat hekk qrib tiegħu daqskemm qribek jien?” (ara Dewt 4:7). Alla li hu qrib, b’dik il-qrubija li hi ħanina u ħelwa, irid jerfgħek mit-toqol li qed jgħaffġek, irid isaħħanlek qalbek mill-kesħa tax-xtiewi tiegħek, irid idawwal il-ġranet mudlama tiegħek, irid iwieżen il-passi ħosbiena tiegħek. U dan jagħmlu bil-Kelma tiegħu, li biha jkellmek biex jerġa’ jkebbes it-tama qalb l-irmied tal-biżgħat tiegħek, biex jgħinek terġa’ ssib il-ferħ qalb il-labirinti tan-niket tiegħek, biex jerġa’ jimla bit-tama l-imrar tas-solitudni. Jibagħtek, imma mhux f’labirint: jibagħtek f’mixja, biex iktar issibu, ta’ kuljum.

 

Ħuti, ejjew nistaqsu lil xulxin: aħna qed inġorru fil-qalb tagħna din ix-xbieha ħelliesa ta’ Alla, Alla li hu qrib, Alla li jħenn, Alla kollu ħlewwa? Jew nimmaġinaw xi mħallef rigoruż, uffiċjal riġidu tad-dwana ta’ ħajjitna? Din tagħna hi fidi li ġġib it-tama u l-ferħ jew – qed nistaqsi, bejnietna – għadha mtaqqla bil-biża’, fidi mbeżżgħa? Liema wiċċ ta’ Alla qed inħabbru fil-Knisja? Is-Salvatur li jeħles u jfejjaq, jew Alla tal-Biża’ li jgħaffeġ taħt is-sens ta’ ħtija? Biex idawwarna lura lejn Alla l-veru, Ġesù jurina mnejn għandna nitilqu: mill-Kelma. Hi, li tirrakkontalna l-istorja ta’ mħabba ta’ Alla għalina, teħlisna mill-biżgħat u mill-kunċetti żbaljati li għandna fuqu, li jitfu l-ferħ tal-fidi. Il-Kelma ġġarraf l-idoli foloz, tikxef il-maskri ta’ dak li nipproġettaw aħna, teqred ir-rappreżentazzjonijiet wisq umani ta’ Alla u treġġagħna lura għall-wiċċ veru tiegħu, għall-ħniena tiegħu. Il-Kelma ta’ Alla sseddaq u ġġedded il-fidi: ejjew nerġgħu nqegħduha fiċ-ċentru tat-talb u tal-ħajja spiritwali! Fiċ-ċentru, il-Kelma li turina kif inhu Alla. Il-Kelma li tqarribna lejn Alla.

 

U issa t-tieni aspett: il-Kelma twassalna għand il-bniedem. Twassalna għand Alla u twassalna għand il-bniedem. Proprju meta niskopru li Alla hu mħabba ħanina, negħlbu t-tentazzjoni li ningħalqu f’reliġjożità sagra, li tirriduċi ruħha għal kult esterjuri, li la jmiss u lanqas jibdel il-ħajja. Din hi idolatrija. Idolatrija moħbija, idolatrija raffinata, imma hi idolatrija. Il-Kelma toħroġna minna nfusna biex tqegħidna f’mixja lejn ħutna bil-qawwa umli tal-imħabba ħelliesa ta’ Alla. Fis-sinagoga ta’ Nazaret Ġesù jurina proprju dan: hu ġie mibgħut biex imur jiltaqa’ mal-foqra – li huma aħna lkoll – jeħlishom. Ma ġiex biex jagħtina xi lista ta’ normi jew biex imexxi xi ċerimonja reliġjuża, imma niżel fit-toroq tad-dinja biex jiltaqa’ mal-umanità midruba, biex iżiegħel bl-uċuħ immarkati mit-tbatija, biex ifejjaq il-qlub miksura, biex jeħlisna mill-ktajjen li qed ijassrulna ruħna. B’dan il-mod jurina liema hi l-qima li l-aktar togħġob lil Alla: li nieħdu ħsieb tal-proxxmu. U lejh jeħtieġ nerġgħu lura. Fil-mument li fih fil-Knisja jitfaċċaw it-tentazzjonijiet tar-riġidità, li hi perverżjoni, u naħsbu li nistgħu nsibu lil Alla billi nsiru iktar riġidi, iktar riġidi, b’iżjed normi, l-affarijiet it-tajba, il-ħwejjeġ ċari… Mhuwiex hekk. Meta naraw proposti ta’ riġidità, irridu naħsbu dritt: dan huwa idolu, mhuwiex Alla. Alla tagħna mhuwiex hekk.

 

Ħuti, il-Kelma ta’ Alla tibdilna – ir-riġidità ma tibdilniex, taħbina –; il-Kelma ta’ Alla tibdilna billi tinfed fir-ruħ tagħna bħal xabla (ara Lhud 4:12). Għax, jekk minn naħa hi tfarraġ, u turina l-wiċċ ta’ Alla, min-naħa l-oħra hi tipprovoka u triegħed, u ġġibna wiċċ imb wiċċ mal-ħażen tagħna. Iddaħħalna fi kriżi. Ma tħalliniex bi kwietna, jekk il-prezz ta’ dan il-kwiet ikollha tħallsu dinja mifnija mill-inġustizzja u mill-ġuħ, u l-kontijiet ta’ dan ikollhom jagħmluh dejjem dawk l-iżjed dgħajfa. Dejjem l-iżjed dgħajfa huma li jħallsu. Il-Kelma tpoġġi fi kriżi dawn il-ġustifikazzjonijiet tagħna li dejjem jixħtu r-responsabbiltà ta’ dak li mhux sejjer sew fuq ħaddieħor. Kemm tbatija nħossu meta naraw lil ħutna jmutu fuq il-baħar għax ma jħalluhomx jidħlu l-art! U dan, xi wħud jagħmluh f’isem Alla. Il-Kelma ta’ Alla tistedinna noħorġu fid-dieher, ma nibqgħux nistaħbew wara l-kumplessità tal-problemi, wara l-“ma hemmx x’tagħmel”, “problema tagħhom, “problema tiegħu”, jew “x’nista’ nagħmel jien?”, “inħalluhom hemm”. Qed issejħilna naġixxu, ngħaqqdu l-qima lejn Alla mal-għożża tal-bniedem. Għax l-Iskrittura Mqaddsa ma ngħatatalniex biex inżommuha għalina, biex noqogħdu nitħajmu fi spiritwalità anġelika, imma biex noħorġu niltaqgħu mal-oħrajn u nersqu lejn il-ġrieħi tagħhom. Tkellimt fuq ir-riġidità, fuq dak il-Pelaġjaniżmu modern, li hu waħda mit-tentazzjonijiet tal-Knisja. U din l-oħra, li nfittxu spiritwalità anġelika, hi wkoll tentazzjoni tal-lum: il-movimenti spiritwali Injostiċi, l-Injostiċiżmu, li jipproponilek Kelma ta’ Alla li tixħtek “fis-sħab” u ma tħallikx tmiss ir-realtà b’idejk. Il-Kelma li tlaħħmet (ara Ġw 1:14) trid titlaħħam fina. Ma taljenaniex mill-ħajja, imma tpoġġina fil-ħajja, fis-sitwazzjonijiet ta’ kuljum, fis-smigħ tat-tbatijiet ta’ ħutna, tal-karba tal-foqra, tal-vjolenza u tal-inġustizzja li qed ifieru s-soċjetà u l-pjaneta, biex ma nkunux Insara indifferenti, imma ħabrieka, Insara kreattivi, Insara profetiċi.

 

Illum”, jgħid Ġesù, “seħħet din il-kitba” (Lq 4:21). Il-Kelma trid titlaħħam illum, fiż-żmien li qed ngħixu, mhux f’xi futur ideali. Mistika Franċiża tas-seklu l-ieħor, li għażlet li tgħix il-Vanġelu fil-periferiji, kitbet li l-Kelma tal-Mulej mhijiex “‘ittra mejta’: hija spirtu u ħajja. […] L-akustika li titlob minna l-Kelma ta’ Alla hija l-‘illum’ tagħna: iċ-ċirkustanzi tal-ħajja tagħna ta’ kuljum u l-ħtieġa tal-proxxmu tagħna” (M. Delbrêl, La gioia di credere, Gribaudi, Milano 1994, 258). Mela nistaqsu lilna nfusna: nixtiequ nixbhu lil Ġesù, insiru ministri ta’ ħelsien u ta’ faraġ għall-oħrajn, inwettqu l-Kelma? Aħna Knisja doċli għall-Kelma? Knisja li tisma’ lill-oħrajn, impenjata biex taqbad f’idejn l-oħrajn ħalli terfa’ lill-aħwa minn dak li qed jgħaffiġhom, biex tħoll l-għoqiedi tal-biżgħat, teħles l-iżjed dgħajfa mill-ħabsijiet tal-faqar, mill-għeja interjuri u mid-diqa li ddallam il-ħajja? Irriduh dan?

 

F’din iċ-ċelebrazzjoni xi wħud minn ħutna rġiel u nisa qed jiġu istitwiti letturi u katekisti. Huma msejħina għall-ħidma importanti li jaqdu l-Vanġelu ta’ Ġesù, li jħabbruh biex il-faraġ tiegħu, il-ferħ tiegħu u l-ħelsien tiegħu jaslu għand kulħadd. Din hi wkoll il-missjoni ta’ kull wieħed u waħda minna: li nkunu ħabbara kredibbli, profeti tal-Kelma fid-dinja. Għalhekk, ejjew nitħabbu mal-Iskrittura Mqaddsa, ninżlu fil-fond tal-Kelma, li tikxef il-ġdid ta’ Alla u twassalna biex inħobbu lill-oħrajn bla qatt negħjew. Ejjew nerġgħu nqiegħdu l-Kelma ta’ Alla fil-qalba tal-pastorali u tal-ħajja tal-Knisja! Hekk ninħelsu minn kull Pelaġjaniżmu riġidu, minn kull riġidità, u niġu meħlusa mill-illużjoni ta’ spiritwalitajiet li jixħtuk “fis-sħab” mingħajr ma tieħu ħsieb ta’ ħutek. Ejjew nerġgħu nqiegħdu l-Kelma ta’ Alla fiċ-ċentru tal-pastorali u tal-ħajja tal-Knisja. Nisimgħuha, nitolbu biha, inpoġġuha fil-prattika.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard