QUDDIESA BIL-KONSENJA TAS-SALIB TAL-JUM DINJI TAŻ-ŻGĦAŻAGĦ

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Bażilika ta’ San Pietru, Altar tal-Katedra

Solennità ta’ Sidna Ġesù Kristu Sultan tal-Ħolqien kollu – Il-Ħadd 22 ta’ Novembru 2020

 

Dik li għadna kemm smajna hija l-aħħar paġna tal-Vanġelu ta’ Mattew qabel il-Passjoni: qabel ma tana mħabbtu fuq is-salib, Ġesù wriena l-aħħar rieda tiegħu x’kienet. Qalilna li l-ġid li nagħmlu ma’ wieħed mill-iżgħar fost ħutu – imġewħin, bil-għatx, barranin, fil-bżonn, morda, fil-ħabs – inkunu qed nagħmluh miegħu (ara Mt 25:37-40). Hekk il-Mulej qed jagħtina l-lista tad-doni li jixtieq għat-tieġ etern magħna fis-Sema. Huma l-opri tal-ħniena, li jagħmlu l-ħajja tagħna waħda eterna. Kull wieħed u waħda minna jista’ jistaqsi lilu nnifsu: qed inqegħedhom fil-prattika? Qed nagħmel xi ħaġa għal min hu fil-bżonn? Jew qed nagħmel il-ġid biss għall-persuni għeżież għalija u għall-ħbieb tiegħi? Ngħin lil xi ħadd li ma jistax iroddli lura? Jiena ħabib ta’ persuna fqira? U l-bqija, tant mistoqsijiet li nistgħu nagħmlu lilna nfusna. “Jiena ninsab hemm”, qed jgħidlek Ġesù, “qed nistenniek hemm, fejn ma timmaġinax u fejn forsi mank trid tħares, hemm fil-foqra”. Jiena ninsab hemm, fejn il-ħsieb dominanti, li jgħid li l-ħajja sejra sew jekk sejjer sew jien, ma għandu ebda interess. Jiena ninsab hemm, jgħid Ġesù lilek ukoll, żagħżugħ li qed tfittex kif twettaq il-ħolm tal-ħajja tiegħek.

 

Ninsab hemm, qal Ġesù, sekli ilu, lil suldat żagħżugħ. Kellu tmintax-il sena u kien għadu mank hu mgħammed. Jum wieħed ra fqir jitlob l-għajnuna lin-nies, imma ħadd ma kien qed jagħtih, għax “kulħadd kien jibqa’ għaddej”. U dak iż-żagħżugħ, “meta ra li l-oħrajn ma tqanqlux mill-mogħdrija, fehem li dak il-fqajjar kien inżamm riservat għalih”, għalih. Imma ma kellu xejn fuqu, ħlief l-unformi tax-xogħol tiegħu. Allura ċarrat il-mantell tiegħu biex qasmu fi tnejn u ta nofsu lill-fqir, waqt li xi wħud mill-oħrajn madwaru bdew jiddieħku bih. Il-lejl ta’ wara kellu ħolma: ra lil Ġesù, liebes dik il-parti tal-mantell li bih kien għatta lill-fqajjar. U semgħu jgħidlu: “Martin, lili għattejt b’din il-libsa” (ara Sulpiċju Severu, Vita Martini, III). San Martin kien żagħżugħ li kellu dik il-ħolma għax kien għexha, bla ma jaf, bħall-ġusti tal-Vanġelu tal-lum.

 

Għeżież żgħażagħ, għeżież ħuti, ejjew ma nċedux il-ħolm kbir tagħna. Ma nikkuntentawx ruħna b’dak li fi dmirna nagħmlu. Il-Mulej ma jridx li ndejqu l-ixfqa tagħna, ma jridniex ipparkjati fil-ġnub tal-ħajja, imma jridna niġru biex nilħqu miri għoljin, bil-ferħ u bil-kuraġġ. Aħna m’aħniex magħmula biex noħolmu bil-vaganzi jew tmiem il-ġimgħa, imma biex inwettqu l-ħolm ta’ Alla f’din id-dinja. Hu għamilna kapaċi noħolmu biex inħaddnu l-ġmiel tal-ħajja. U l-opri tal-ħniena huma l-isbaħ opri tal-ħajja. L-opri tal-ħniena huma proprju fil-qalba tal-ħolmiet kbar tagħna. Jekk għandek ħolm ta’ vera glorja, mhux tal-glorja tad-dinja li tiġi u tmur, imma tal-glorja ta’ Alla, din hija t-triq. Aqra s-silta tal-Vanġelu tal-lum, irrifletti fuqha. Għax l-opri tal-ħniena jagħtu glorja lil Alla iżjed minn kull ħaġa oħra. Isimgħuha tajjeb din: l-opri tal-ħniena jagħtu glorja lil Alla iktar minn kull ħaġa oħra. Fuq l-opri tal-ħniena fl-aħħar għad niġu ġġudikati.

 

Imma mnejn nistgħu nitilqu biex inwettqu ħolm kbir? Mill-għażliet kbar. Il-Vanġelu llum ikellimna fuq dan ukoll. Fil-fatt, fil-mument tal-ġudizzju finali l-Mulej se jibbaża fuq l-għażliet tagħna. Kważi jidher li mhu jiġġudika xejn: jifred in-nagħaġ mill-mogħoż, imma nkunux tajbin jew ħżiena minna jiddependi. Hu jiġbed biss il-konsegwenzi tal-għażliet tagħna, joħroġhom għad-dawl u jirrispettahom. Għalhekk, il-ħajja hija ż-żmien tal-għażliet qawwija, deċiżivi, eterni. Għażliet banali jwasslu għal ħajja banali, għażliet kbar jagħmlu l-ħajja kbira. Fil-fatt, aħna nsiru dak li nagħżlu, fit-tajjeb u fil-ħażin. Jekk nagħżlu li nisirqu nsiru ħallelin, jekk nagħżlu li naħsbu għalina nfusna nsiru egoisti, jekk nagħżlu li nobogħdu nsiru rrabjati, jekk nagħżlu li nqattgħu sigħat quddiem il-mowbajl insiru dipendenti. Imma jekk nagħżlu lil Alla nsiru ta’ kuljum iżjed maħbuba u jekk nagħżlu li nħobbu nsiru hienja. Hekk hu, għax il-ġmiel tal-għażliet jiddependi mill-imħabba: ma ninsewhx dan. Ġesù jaf li jekk ngħixu magħluqin u indifferenti nibqgħu pparalizzati, imma jekk nagħtu ħajjitna għall-oħrajn insiru ħielsa. Sid il-ħajja jridna mimlijin ħajja u jagħtina s-sigriet tal-ħajja: niksbuha biss jekk nagħtuha. U din hi regola tal-ħajja: il-ħajja tiksibha, issa u għal dejjem, biss jekk tagħtiha.

 

Huwa minnu li hemm xi ostakli li jagħmlu l-għażliet tagħna iktar diffiċli: spiss il-biża’, in-nuqqas ta’ ċertezza tagħna nfusna, l-għaliex mingħajr tweġiba, tant mistoqsijiet. Imma l-imħabba titlobna mmorru lil hemm minn hekk, ma nibqgħux imdendla mal-għalixijiet tal-ħajja nistennew li mis-Sema taqa’ xi tweġiba. It-tweġiba waslet: hija l-ħarsa tal-Missier li jħobbna u bagħtilna lil Ibnu. Le, l-imħabba twassalna biex ngħaddu mill-għaliex għall-għal min, mill-‘għaliex’ ngħix għall-‘għal min ngħix’, mill-‘għaliex qed jiġrili dan’ għall-‘għal min nista’ nagħmel il-ġid’. Għal min? Mhux biss għalija nnifsi: il-ħajja diġà hi mimlija b’għażliet li nagħmlu għalina nfusna, biex niksbu xi grad fl-istudju, ħbieb, dar, biex nissodisfaw l-interessi tagħna, il-passatempi tagħna. Imma nirriskjaw li ngħaddu snin naħsbu fina nfusna mingħajr ma nkunu għadna bdejna nħobbu. Il-Manzoni tana parir sabiħ: “Għandek taħseb iżjed kif ħa tagħmel it-tajjeb, milli kif ħa toqgħod tajjeb int: u hekk tispiċċa wkoll biex tħossok aħjar” (L-Għarajjes Imwiegħda, kap. XXXVIII).

 

Imma ma hemmx biss id-dubji u l-mistoqsijiet li jheddu l-għażliet kbar ġenerużi, hemm tant ostakli oħra, ta’ kuljum. Hemm il-marda tal-konsum, li tilloppja l-qalb bi ħwejjeġ superfluwi. Hemm l-ossessjoni tad-divertiment, li tidher l-unika triq biex naħarbu mill-problemi meta fil-fatt inkunu biss nixħtu l-problema taħt it-tapit. Hemm il-fissazzjoni fuq id-drittijiet tagħna, waqt li ninsew id-dmir li ngħinu. U mbagħad hemm l-illużjoni kbira fuq l-imħabba, li donnha xi ħaġa li ngħixuha skont l-emozzjonijiet tal-mument, meta l-imħabba hi fuq kollox don, għażla u sagrifiċċju. Li nagħżlu, fuq kollox illum, ifisser li ma nħallux l-approvazzjoni tal-oħrajn timmansana, u ma nħallux jilluppjawna l-mekkaniżmi tal-konsumi li jneħħu kull oriġinalità, ifisser li nagħrfu nwarrbu l-apparenzi u d-dandin. Nagħżlu l-ħajja jfisser nitqabdu kontra l-mentalità tal-uża u armi u tal-kollox u minnufih, biex nindirizzaw ħajjitna lejn id-destinazzjoni tas-Sema, lejn il-ħolm ta’ Alla. Nagħżlu l-ħajja jfisser ngħixu, u aħna twelidna biex ngħixu, mhux biex kemm ngħadduha. Dan qalu żagħżugħ bħalkom [il-Beatu Pier Giorgio Frassati]: “Irrid ngħix, u mhux kemm ngħaddiha”.

 

Ta’ kuljum, il-qalb tħabbat wiċċha ma’ tant għażliet. Irrid nagħtikom l-aħħar parir fit-taħriġ biex nagħżlu tajjeb. Jekk inħarsu ġewwa fina, naraw li fina spiss iqumu diversi mistoqsijiet. Waħda minnhom hi: x’għandi aptit nagħmel? Hija mistoqsija li spiss tinganna, għax tinsinwa li l-importanti hu li naħsbu fina nfusna u nissodisfaw ix-xewqat u l-impulsi kollha li jiġuna. Imma l-mistoqsija li l-Ispirtu s-Santu jissuġġerixxi lill-qalb tagħna hi oħra: mhux x’għandek aptit tagħmel? imma x’jagħmillek tajjeb? Hawn qiegħda l-għażla ta’ kuljum, bejn x’għandi aptit nagħmel u x’jagħmilli tajjeb. Minn dan it-tiftix interjuri jistgħu jinbtu għażliet banali jew għażliet tal-ħajja, minna jiddependi. Inħarsu lejn Ġesù, nitolbuh il-kuraġġ li nagħżlu dak li jagħmlilna tajjeb, biex nimxu warajh, fit-triq tal-imħabba. U nsibu l-ferħ. Biex ngħixu, u mhux kemm ngħadduha.

 


 

Kelmtejn tal-Qdusija Tiegħu fi tmiem il-Quddiesa

 

Fi tmiem din iċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika, insellem minn qalbi lilkom kollha hawn preżenti u lil dawk li qed isegwuna bil-midja. Tislima partikulari tmur lilkom iż-żgħażagħ, żgħażagħ mill-Panama u mill-Portugall, irrappreżentati minn żewġ delegazzjonijiet li, minn hawn u ftit ieħor, se jagħmlu l-ġest sinifikattiv tal-passaġġ tas-Salib u tal-ikona ta’ Marija Salus Populi Romani, simboli tal-Jiem Dinjija taż-Żgħażagħ. Hu passaġġ importanti fil-pellegrinaġġ li se jwassalna f’Lisbona fl-2023.

 

U waqt li qed inħejju għall-edizzjoni interkontinentali li jmiss tal-JDŻ, nixtieq inniedi wkoll mill-ġdid iċ-ċelebrazzjoni tagħna fil-Knejjes lokali. Issa li għaddew ħamsa u tletin sena mit-twaqqif tal-JDŻ, u wara li smajt diversi pariri u lid-Dikasteru għal-Lajċi, il-Familja u l-Ħajja, kompetenti fuq il-pastorali taż-żgħażagħ, iddeċidejt li nittrasferixxi, ibda mis-sena d-dieħla, iċ-ċelebrazzjoni djoċesana tal-JDŻ minn Ħadd il-Palm għall-Ħadd ta’ Kristu Re. Fiċ-ċentru jibqa’ l-Misteru ta’ Ġesù Kristu Feddej tal-bniedem, kif dejjem saħaq San Ġwanni Pawlu II, li beda l-JDŻ u hu l-patrun tiegħu.

 

Għeżież żgħażagħ, b’ħajjitkom għajtu li Kristu jgħix, li Kristu jsaltan, li Kristu hu l-Mulej! Jekk tisktu intom, niżgurakom li jgħajjat il-ġebel (ara Lq 19:40).

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard