QUDDIESA, TBERIK U TQEGĦID TAL-IRMIED

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA FRANĠISKU

Bażilika ta’ Santa Sabina

L-Erbgħa 22 ta’ Frar 2023

 

“Araw, issa hu ż-żmien it-tajjeb; araw, issa hu jum is-salvazzjoni!” (2 Kor 6:2). Din l-espressjoni tal-Appostlu Pawlu tgħinna nidħlu fl-ispirtu taż-żmien tar-Randan. Ir-Randan fil-fatt hu ż-żmien it-tajjeb biex nerġgħu lura għall-essenzjal, biex ninżgħu minn dak li jtaqqalna, biex nirrikonċiljaw ruħna ma’ Alla, biex inkebbsu mill-ġdid in-nar tal-Ispirtu s-Santu li jgħammar moħbi qalb l-irmied tal-umanità dgħajfa tagħna. Nerġgħu lura għall-essenzjal. Huwa ż-żmien ta’ grazzja biex inpoġġu fil-prattika dak li l-Mulej talabna fl-ewwel vers tal-Kelma li għadna kemm smajna: “Erġgħu duru lejja bi qlubkom kollha” (Ġoel 2:12). Nerġgħu lura għall-essenzjal, li hu l-Mulej.

 

Ir-rit tal-irmied jintroduċina għal din il-mixja ta’ ritorn u jagħmlilna żewġ stediniet: nerġgħu lura għall-verità tagħna nfusna u nerġgħu lura għal għand Alla u għand ħutna.

 

Qabelxejn, nerġgħu lura għall-verità tagħna nfusna. L-irmied ifakkarna min aħna u mnejn ġejjin, jerġa’ jeħodna għall-verità fundamentali tal-ħajja: il-Mulej waħdu hu Alla u aħna opra ta’ jdejh. Din hi l-verità tagħna. Aħna għandna l-ħajja waqt li hu huwa l-ħajja. Huwa hu l-Ħallieq, waqt li aħna tafal dgħajjef li jiġi magħġun b’idejh. Aħna ġejjin mill-art u għandna bżonn tas-Sema, tiegħu; ma’ Alla nqumu mill-irmied tagħna, imma mingħajru aħna trab. U waqt li b’umiltà nbaxxu rasna biex nirċievu l-irmied, nerġgħu nfakkru lill-qalb tagħna f’din il-verità: aħna tal-Mulej, aħna tiegħu. Fil-fatt, hu “sawwar il-bniedem mit-trab tal-art u nefaħlu fi mnifsejh nifs il-ħajja” (Ġen 2:7): jiġifieri aħna nistgħu ngħixu għaliex hu nefaħ in-nifs tal-ħajja fina. U, bħal Missier twajjeb u ħanin, anki hu jgħix ir-Randan, għax jixtieqna, jistenniena, jistenna r-ritorn tagħna. U dejjem jinkuraġġina biex ma naqtgħux qalbna, imqar meta naqgħu fit-trab tad-dgħufija tagħna u tad-dnub tagħna, għax “hu jaf tajjeb minn xiex aħna magħġuna, jiftakar li aħna trab” (Salm 103:14). Ejjew nerġgħu nisimgħuha din: Hu jaf li aħna trab. Alla jafu dan; imma aħna spiss ninsew, u naħsbu li nistgħu nagħmlu kollox waħidna, li aħna b’saħħitna, invinċibbli mingħajru; nużaw l-irtokk biex naħsbu li aħna aħjar milli aħna: aħna trab.

 

Għalhekk ir-Randan hu ż-żmien biex niftakru min hu l-Ħallieq u min hi l-ħlejqa, biex inxandru li Alla waħdu hu l-Mulej, biex ninżgħu mill-pretensjoni li aħna biżżejjed għalina nfusna u mill-manija li rridu noqogħdu fiċ-ċentru, li aħna l-ewwel fil-klassi, li naħsbu li bil-ħiliet tagħna waħidna nistgħu nkunu protagonisti tal-ħajja u nibdlu d-dinja ta’ madwarna. Dan hu ż-żmien it-tajjeb biex nikkonvertu, biex nibdlu l-ħarsa tagħna qabelxejn fuqna nfusna, biex inħarsu ġewwa fina: kemm distrazzjonijiet u superfiċjalità jfixkluna minn dak li jiswa tassew, kemm drabi niffukaw fuq dak li rridu aħna jew fuq dak li jonqosna, u nitbiegħdu miċ-ċentru tal-qalb, ninsew inħaddnu s-sens ta’ dak li aħna fid-dinja. Ir-Randan hu żmien tal-verità biex iwaqqa’ l-maskri li nilbsu ta’ kuljum biex nidhru perfetti f’għajnejn id-dinja; biex nitqabdu, kif qalilna Ġesù fil-Vanġelu, kontra l-qerq u l-ipokrezija: mhux dawk tal-oħrajn, imma tagħna nfusna: inħarsu lejhom f’wiċċhom u nissaraw magħhom.

 

Imma hemm it-tieni pass: l-irmied jistedinna wkoll nerġgħu lura lejn Alla u lejn ħutna. Fil-fatt, jekk nerġgħu lura għall-verità ta’ dak li aħna u nintebħu li l-jien tagħna mhux biżżejjed għalih innifsu, allura niskopru li neżistu biss grazzi għar-relazzjonijiet: dik tal-bidu mal-Mulej u dawk vitali mal-oħrajn. Hekk, l-irmied li llum qed nirċievu fuq rasna jgħidilna li kull preżunzjoni ta’ awtosuffiċjenza hi falza u illi li npoġġi l-jien bħala l-idolu tagħna hi ħaġa qerrieda u tagħlaqna fil-gaġġa tas-solitudni: inħarsu lejna nfusna fil-mera u nimmaġinaw li aħna perfetti, nimmaġinaw li aħna fiċ-ċentru tad-dinja. Imma l-ħajja tagħna hi qabelxejn relazzjoni: irċevejnieha mingħand Alla u mingħand il-ġenituri tagħna, u dejjem nistgħu nġedduha u nnissluha mill-ġdid grazzi għall-Mulej u għal dawk li hu jqegħdilna qrib tagħna. Ir-Randan hu ż-żmien it-tajjeb biex nerġgħu nagħtu l-ħajja lir-relazzjonijiet tagħna ma’ Alla u mal-oħrajn: biex ninfetħu fis-skiet għat-talb u noħorġu mill-fortizza tal-jien magħluq tagħna, biex infarrku l-ktajjen tal-individwaliżmu jew tal-iżolament u niskopru mill-ġdid, permezz tal-laqgħa u tas-smigħ, lil min miexi magħna ta’ kuljum, u nerġgħu nitgħallmu nħobbuh bħal ħuna u oħtna.

 

Ħuti, kif nistgħu nagħmlu dan kollu? Biex nagħmlu din il-mixja – nerġgħu lura għall-verità tagħna nfusna, nerġgħu lura għand Alla u għand l-oħrajn – aħna mistiedna nimxu tliet toroq kbar: il-karità, it-talb u s-sawm. Dawn huma t-toroq klassiċi: ma hemm bżonn xejn ġdid f’din it-triq. Ġesù qalu dan, kien ċar: il-karità, it-talb u s-sawm. U dawn mhumiex riti esterjuri, imma ġesti li jridu jesprimu tiġdid tal-qalb. Il-karità mhijiex xi ġest mgħaġġel biex inserrħu l-kuxjenza, biex nibbilanċjaw xi ftit l-iżbilanċ interjuri, imma tfisser li mmissu b’idejna stess u bid-dmugħ tagħna t-tbatijiet tal-foqra; it-talb mhuwiex ritwalità, imma djalogu ta’ verità u mħabba mal-Missier; u s-sawm mhuwiex sempliċi fjurett, imma ġest qawwi biex infakkru lill-qalb tagħna x’inhu dak li jiswa tassew u x’inhu dak li jgħaddi. Din ta’ Ġesù hi “twissija li tiswa wkoll għas-salvazzjoni tagħna: mal-ġesti esterjuri għandhom jaqblu s-sinċerità tar-ruħ u l-koerenza tal-opri. X’jiswa, fil-fatt, li ċċarrat ilbiesek, jekk il-qalb tibqa’ mbiegħda mill-Mulej, jiġifieri mit-tjieba u mill-ġustizzja?” (Benedittu XVI, Omelija fl-Erbgħa tar-Rmied, 1 ta’ Marzu 2006). Imma ħafna drabi l-ġesti u r-riti tagħna ma jmissux il-ħajja, ma jagħmlux verità; forsi nagħmluhom biss biex l-oħrajn jammirawna, biex nirċievu l-applaws tagħhom, biex nieħdu l-merti. Niftakru ħaġa: fil-ħajja personali, bħal fil-ħajja tal-Knisja, mhux dak li hu esterjuri li jiswa, jew il-ġudizzji umani u kemm ningħoġbu f’għajnejn id-dinja; tiswa biss il-ħarsa ta’ Alla, li taqra l-imħabba u l-verità li hemm fina.

 

Jekk b’umiltà noqogħdu taħt il-ħarsa tiegħu, allura l-karità, it-talb u s-sawm ma jibqgħux ġesti esterjuri, imma jesprimu min aħna tassew: ulied Alla u aħwa ta’ xulxin. Il-karità, l-elemożina, turi l-ħniena tagħna għal min hu fil-bżonn, tgħinna nerġgħu lura għand l-oħrajn; it-talb jagħti leħen lix-xewqa ġewwenija tagħna li niltaqgħu mal-Missier, li nerġgħu lura għandu; is-sawm isir il-post tat-taħriġ spiritwali biex bil-ferħ niċċaħħdu minn dak li hu tal-qoxra u jtaqqalna, biex insiru iżjed ħielsa interjorment u nerġgħu lura għall-verità tagħna nfusna. Laqgħa mal-Missier, libertà interjuri, ħniena.

 

Għeżież ħuti, ejjew inbaxxu rasna, nirċievu l-irmied, inħaffu l-qalb tagħna. Nibdew mexjin fil-karità: għandna erbgħin ġurnata tajba biex ifakkruna li d-dinja ma għandniex nagħlquha fil-konfini dejqa tal-ħtiġijiet personali tagħna u biex niskopru mill-ġdid il-ferħ mhux fil-ħwejjeġ li ngeddsu għalina, imma fl-għożża għal min jinsab fil-bżonn u fit-tiġrib. Nibdew mexjin fit-talb: għandna erbgħin ġurnata tajba biex nerġgħu nagħtu lil Alla l-primat fil-ħajja, biex nerġgħu nibdew niddjalogaw miegħu b’qalbna kollha, mhux fil-ħin żejjed tagħna. Nibdew mexjin fis-sawm: għandna erbgħin ġurnata tajbin biex nerġgħu nsibu lilna nfusna, biex inrażżnu d-dittatura tal-aġendi dejjem mimlija b’dak li għandna x’nagħmlu, il-pretensjonijiet ta’ ego dejjem iżjed superfiċjali u li jtaqqalna, u nagħżlu dak li jiswa.

 

Ħuti, ejjew ma nitilfux il-grazzja ta’ dan iż-żmien qaddis: insammru ħarsitna fuq il-Kurċifiss u nimxu, inwieġbu b’qalb miftuħa għas-sejħat qawwija tar-Randan. U fi tmiem it-traġitt niltaqgħu b’ferħ ikbar ma’ Sid il-ħajja, niltaqgħu miegħu, l-uniku wieħed li jista’ jerġa’ jqajjimna minn qalb l-irmied tagħna.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard