ĦADD IL-KELMA TA’ ALLA 

QUDDIESA

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Bażilika ta’ San Pietru

It-III Ħadd ta’ Matul is-Sena, 22 ta’ Jannar 2023

 

Ġesù jħalli l-ħajja kwieta u moħbija ta’ Nazaret u jmur Kafarnahum, belt fuq xatt il-baħar tal-Galilija, post ta’ passaġġ, salib it-toroq għal popli u kulturi differenti. L-urġenza li hemm timbuttah hi x-xandir tal-Kelma ta’ Alla, li għandha tasal għand kulħadd. Fil-fatt fil-Vanġelu naraw kif il-Mulej jistieden lil kulħadd għall-konverżjoni u jsejjaħ lill-ewwel dixxipli biex jgħaddu lil oħrajn ukoll id-dawl tal-Kelma (ara Mt 4:12-23). Ejjew nilqgħu dan id-dinamiżmu, li jgħinna ngħixu l-Ħadd tal-Kelma ta’ Alla: il-Kelma hi għal kulħadd, il-Kelma ssejjaħ għall-konverżjoni, il-Kelma tagħmilna xandara.

 

Il-Kelma ta’ Alla hi għal kulħadd. Il-Vanġelu jippreżentalna lil Ġesù dejjem f’moviment, miexi lejn l-oħrajn. Fl-ebda okkażjoni tal-ħajja pubblika tiegħu hu ma jagħtina l-idea li hu mgħallem statiku, duttur bilqiegħda fuq il-katedra; bil-maqlub, narawh jiġri minn post għall-ieħor, narawh pellegrin, idur l-ibliet u l-irħula, biex jiltaqa’ ma’ wċuħ u stejjer. Riġlejh huma dawk tal-messaġġier li jħabbar il-bxara t-tajba tal-imħabba ta’ Alla (ara Iż 52:7-8). Fil-Galilija tal-ġnus, fit-triq tal-baħar, lil hemm mill-Ġordan, fejn Ġesù jmur jipprietka, kien hemm – jgħidilna t-test – poplu mitluf fid-dlam: barranin, pagani, nisa u rġiel ta’ diversi reġjuni u kulturi (ara Mt 4:15-16). Issa huma wkoll jistgħu jaraw id-dawl. U hekk Ġesù “jwessa’ l-konfini”: il-Kelma ta’ Alla, li tfejjaq u terfa’ mill-ġdid, mhix iddestinata biss għall-ġusti ta’ Iżrael, imma għal kulħadd; trid tilħaq lill-imbegħdin, trid tfejjaq lill-morda, trid issalva lill-midinbin, trid tiġbor flimkien in-nagħaġ mitlufa u sserraħ lil dawk li għandhom qalbhom imħassba u mtaqqla. F’kelma waħda, Ġesù “jaqsam il-konfini” biex jgħidilna li l-ħniena ta’ Alla hi għal kulħadd. Ma ninsewhx dan: il-ħniena ta’ Alla hi għal kulħadd u għal kull wieħed u waħda minna. “Il-ħniena ta’ Alla hi għalija”, kulħadd jista’ jgħidu dan.

 

Dan l-aspett hu fundamentali għalina. Ifakkarna li l-Kelma hija don mogħti lil kull wieħed u waħda u li allura ma nistgħu qatt nillimitawlha fejn taħdem għax hi, lil hemm mill-kalkoli kollha tagħna, twarrad b’mod spontanju, imprevist u imprevedibbli (ara Mk 4:26-28), fil-modi u fiż-żminijiet li l-Ispirtu s-Santu jaf. U jekk is-salvazzjoni hi ddestinata għal kulħadd, anki għal dawk l-iżjed imbiegħda u mitlufa, allura x-xandir tal-Kelma għandu jsir l-urġenza prinċipali tal-komunità ekkleżjali, kif kien għal Ġesù. Biex ma jiġrilniex li nistqarru Alla li għandu qalbu kbira u mbagħad inkunu Knisja b’qalbha magħluqa – ippermettuli ngħid, din tkun saħta –; biex ma jiġrilniex li nipprietkaw is-salvazzjoni għal kulħadd u mbagħad it-triq biex nilqgħuha nagħmluha inqas prattika; biex ma jiġrilniex li nafu li aħna msejħa biex inwasslu l-bxara tas-Saltna u mbagħad nittraskuraw il-Kelma, mitlufa f’tant attivitajiet sekondarji, jew tant diskussjonijiet sekondarji. Nitgħallmu minn Ġesù kif inqiegħdu l-Kelma fiċ-ċentru, kif inwessgħu l-konfini, kif ninfetħu għall-oħrajn, kif innisslu esperjenzi ta’ laqgħa mal-Mulej, għax nafu li l-Kelma ta’ Alla “mhix ikkristallizzata f’formuli astratti u statiċi, imma tidħol fi storja dinamika magħmula minn persuni u ġrajjiet, minn kliem u azzjonijiet, minn żviluppi u tensjonijiet”.[1]

 

Niġu għat-tieni aspett: il-Kelma ta’ Alla, li hi għal kulħadd, issejjaħ għall-konverżjoni. Fil-fatt, Ġesù fil-predikazzjoni tiegħu jtenni: “Indmu, għax is-Saltna tas-Smewwiet waslet” (Mt 4:17). Dan ifisser li l-qrubija ta’ Alla mhix newtrali, il-preżenza tiegħu ma tħallix l-affarijiet kif inhuma, ma tiddefendix il-ħajja għall-kwiet. Bil-maqlub, il-Kelma tiegħu tregħidna, tiskomodana, tipprovokana biex ninbidlu, biex nikkonvertu: tpoġġina fi kriżi għax “hi ħajja u qawwija, taqta’ aktar minn xabla b’żewġt ixfar […] u tgħarbel il-ħsibijiet u l-fehmiet tal-qalb” (Lhus 4:12). U hekk, bħal xabla, il-Kelma tinfed fil-ħajja tagħna, biex tgħarbel is-sentimenti u l-ħsibijiet tal-qalb, u hekk turina liema hu d-dawl tat-tajjeb li rridu nagħmlu l-wisa’ għalih u fejn min-naħa l-oħra qed jikbru d-dlamijiet tal-vizzji u tad-dnubiet li rridu niġġeldulhom. Il-Kelma, meta tidħol fina, tibdel il-qalb u l-moħħ; tibdilna, twassalna biex norjentaw ħajjitna lejn il-Mulej.

 

Din hi l-istedina ta’ Ġesù: Alla ġie qrib tiegħek, mela int intebaħ bil-preżenza tiegħu, agħmel wisa’ għall-Kelma tiegħu, u tara kif tibdilha l-ħarsa fuq il-ħajja tiegħek. Nixtieq ngħidha wkoll b’dan il-mod: qiegħed ħajtek taħt il-Kelma ta’ Alla. Din hija t-triq li turina l-Knisja: ilkoll kemm aħna, anki r-Ragħajja tal-Knisja, aħna taħt l-awtorità tal-Kelma ta’ Alla. Mhux taħt il-gosti tagħna, it-tendenzi jew preferenzi tagħna, imma taħt l-unika Kelma ta’ Alla li tagħġinna, tibdilna, titlobna nkunu magħqudin fil-Knisja waħda ta’ Kristu. Allura, ħuti, nistgħu nistaqsu lilna nfusna: il-ħajja tiegħi, fejn issib direzzjoni, mnejn iġġib l-orjentament tagħha? Mill-ħafna kelmiet li nisma’, mill-ideoloġiji, jew mill-Kelma ta’ Alla li tmexxini u ssaffini? U liema huma fiha l-aspetti li jesiġu bidla u konverżjoni?

 

Fl-aħħar nett – it-tielet passaġġ –, il-Kelma ta’ Alla, li hi indirizzata għal kulħadd u ssejjaħ għall-konverżjoni, tagħmilna xandara. Fil-fatt, Ġesù jgħaddi minn fuq ix-xatt tal-għadira tal-Galilija u jsejjaħ lil Xmun u Indrì, żewġt aħwa li kienu sajjieda. Jistedinhom bil-Kelma tiegħu biex jimxu warajh, u jgħidilhom li se jagħmilhom “sajjieda tal-bnedmin” (Mt 4:19): mhux iżjed biss esperti tad-dgħajjes, tax-xbieki u tal-ħut, imma esperti kif ifittxu lill-oħrajn. U kif għat-tbaħħir u għas-sajd kienu tgħallmu jħallu x-xatt u jixħtu x-xbieki tagħhom fil-fond, bl-istess mod se jsiru appostli kapaċi jbaħħru fil-baħar miftuħ tad-dinja, jiltaqgħu ma’ ħuthom u jxandru l-ferħ tal-Vanġelu. Dan huwa d-dinamiżmu tal-Kelma: jiġbidna fix-“xibka” tal-imħabba tal-Missier u jagħmel minna appostli li jħossu x-xewqa inkontrollabbli li jtellgħu fuq id-dgħajsa tas-Saltna lil dawk kollha li jiltaqgħu magħhom. U dan mhuwiex proselitiżmu, għax dik li qed issejjaħ hija l-istess Kelma ta’ Alla, mhux il-kelma tagħna.

 

Ejjew mela nħossu tasal għandna wkoll illum l-istedina biex inkunu sajjieda tal-bnedmin: inħossuna msejħa minn Ġesù personalment biex inxandru l-Kelma tiegħu, biex nagħtu xhieda tagħha fis-sitwazzjonijiet ta’ kuljum, biex ngħixuha fil-ġustizzja u fil-karità, imsejħin “inlaħħmuha” billi nżiegħlu bil-ġisem ta’ min qed ibati. Din hija l-missjoni tagħna: li nsiru fittiexa ta’ min hu mitluf, ta’ min hu mgħakkes u qalbu maqtugħa, biex inwasslulhom mhux lilna nfusna, imma l-faraġ tal-Kelma, it-tħabbira ta’ Alla li b’qawwa kbira tibdel il-ħajja, biex iġġib il-ferħ tal-għarfien li huwa Missier u jdur fuq kull wieħed u waħda minna, bil-ġmiel tal-kelma: “Ħija, oħti, Alla resaq qrib tiegħek, agħtih widen u fil-Kelma tiegħu ssib don tal-għaġeb!”.

 

Ħuti, nixtieq nagħlaq billi nistedinkom sempliċiment biex irroddu ħajr lil min iħabrek biex il-Kelma ta’ Alla terġa’ tkun fiċ-ċentru, maqsuma u mxandra. Grazzi lil min jistudjaha u jinżel fil-fond tal-għana tagħha; grazzi lill-operaturi pastorali u lil dawk l-Insara kollha impenjati fis-smigħ u fix-xandir tal-Kelma, speċjalment il-letturi u l-katekisti: illum se nagħti l-ministeru lil xi wħud minnhom. Grazzi lil dawk kollha li laqgħu l-ħafna stediniet li għamilt biex iġorru magħhom il-Vanġelu kull fejn ikunu u jaqrawh ta’ kuljum. U fl-aħħar, ringrazzjament partikulari lid-djakni u lis-saċerdoti: grazzi, għeżież ħuti, għax intom qatt ma tonqsu li trejqu bil-Kelma lill-Poplu qaddis; grazzi talli timpenjaw ruħkom biex timmeditawha, tgħixuha u tħabbruha; grazzi tas-servizz tagħkom u tas-sagrifiċċji tagħkom. Għalina lkoll, ħa jkun ta’ faraġ u ħlas il-ferħ ħelu li qed inxandru l-Kelma tas-salvazzjoni.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard


 

[1] Il-Kelma ta’ Alla fil-ħajja u fil-missjoni tal-Knisja. Instrumentum laboris għat-XII-il Assemblea ġenerali ordinarja tas-Sinodu tal-Isqfijiet, 2008, 10.