QUDDIESA

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Bażilika ta’ San Pietru

Solennità ta’ Sidna Ġesù Kristu Sultan tal-Univers – Il-Ħadd 21 ta’ Novembru 2021

 

Żewġ xhibat, meħudin mill-Kelma ta’ Alla li għadna kemm smajna, jgħinuna nersqu lejn Ġesù s-Sultan tal-Univers. L-ewwel waħda, meħuda mill-Apokalissi ta’ San Ġwann u antiċipata mill-Profeta Danjel fl-Ewwel Qari, hi mfissra bil-kelmiet: “Ġej fis-sħab” (Apok 1:7; Dan 7:13). Qed jirreferu għall-miġja glorjuża ta’ Ġesù bħala Sid u qofol tal-istorja. It-tieni xbieha hi dik tal-Vanġelu: Kristu quddiem Pilatu u jgħidlu: “Jien sultan” (Ġw 18:37). Jiswielna ta’ ġid, għeżież żgħażagħ, jekk nieqfu nikkontemplaw dawn ix-xbihat ta’ Ġesù, aħna u nibdew il-mixja tagħna lejn il-Jum Dinji tal-2023 f’Lisbona.

 

Ejjew mela nieqfu fuq l-ewwel waħda: Ġesù li ġej fis-sħab. Hija xbieha li titkellem fuq il-miġja ta’ Kristu fil-glorja fl-aħħar taż-żminijiet: tfissrilna li l-aħħar kelma fuq ħajjitna sa tkun dik ta’ Ġesù, u mhux tagħna! Hu – tgħid mill-ġdid l-Iskrittura – Dak li “ġej riekeb fuq is-sħab” (Salm 68:5) u fis-smewwiet juri l-qawwa tiegħu (ara ibid., v. 34-35): huwa l-Mulej, il-Mulej li ġej mill-għoli u fuqu x-xemx qatt ma tinżel, huwa Dak li jirreżisti għal dak li jgħaddi, huwa l-fiduċja eterna tagħna li ma tiġġarraf qatt. Huwa l-Mulej. Din il-profezija ta’ tama ddawwal l-iljieli tagħna. Qed tgħidilna li Alla ġej, li Alla hu preżenti, li Alla qed jaħdem u li Alla qed imexxi l-istorja lejh, lejn it-tajjeb. Ġej “fis-sħab” biex jiżgurana, qisu jrid jgħidilna: “Ma nħallikomx waħidkom meta l-ħajja tagħkom hi mdawra minn sħab iswed. Jiena dejjem magħkom. Ġej biex niċċara u ndawwal is-sema”.

 

Imma l-Profeta Danjel jispeċifika li ra lill-Mulej ġej fis-sħab “billejl” (Dan 7:13). Kellu dehra billejl: jiġifieri Alla jiġi billejl, fost is-sħab spiss mudlam li jaqa’ fuq ħajjitna. Kull wieħed u waħda minna jaf liema huma dawn il-mumenti. Hemm bżonn nagħrfuh, inħarsu lil hemm mil-lejl, ngħollu ħarsitna biex narawh qalb id-dalma.

 

Għeżież żgħażagħ, inħarsu billejl! Xi jfisser dan? Li jkollna għajnejn mimlija dawl anki qalb id-dlam, ma nieqfu qatt infittxu d-dawl qalb id-dlam li tant drabi nġorru f’qalbna u nilmħu madwarna. Nerfgħu ħarsitna mill-art, lejn l-għoli, mhux biex naħarbu, imma biex nirbħu t-tentazzjoni li nibqgħu mixħutin fl-art tal-biża’ tagħna. Dan huwa l-periklu: li jmexxuna l-biżgħat tagħna. Ma nibqgħux magħluqin fil-ħsibijiet tagħna nibku lilna nfusna. Erfa’ ħarstek, qum! Din hi l-istedina: erfa’ ħarstek, qum! Hija l-istedina li l-Mulej qed jagħmlilna, u li eku tagħha ridt nagħmel fil-Messaġġ iddedikat lilkom iż-żgħażagħ biex isieħeb din is-sena ta’ mixja. Huwa x-xogħol l-aktar iebes, imma huwa x-xogħol affaxxinanti li hu mħolli f’idejkom: tqumu fuq saqajkom meta kollox jidher qed jiġġarraf; tkunu għassiesa li kapaċi jaraw id-dawl billejl; tkunu bennejja qalb it-tifrik – għandna ħafna f’din id-dinja tal-lum, ħafna! –; tkunu kapaċi toħolmu. U għalija din hi ċ-ċavetta: żagħżugħ li mhux kapaċi joħlom, miskin, xjaħ qabel iż-żmien! Tkunu kapaċi toħolmu, għax dan jagħmel min joħlom: ma jinxtorobx mil-lejl, imma jqabbad fjamma, ikebbes dawl ta’ tama li jħabbar il-ġejjieni. Oħolmu, qumu fuq tagħkom u ħarsu lejn il-futur bil-kuraġġ.

 

Nixtieq ngħidilkom dan: aħna, aħna lkoll, grati lejkom meta toħolmu. “Imma veru? Iż-żgħażagħ meta joħolmu xi drabi jagħmlu storbju sħiħ…”. Agħmlu storbju, għax l-istorbju tagħkom huwa l-frott tal-ħolm tagħkom. Ifisser li ma tridux tgħixu fil-lejl, meta tagħmlu minn Ġesù l-ħolma tal-ħajja tagħkom u tħaddnuh bil-ferħ, b’ħeġġa li tittieħed u li tagħmlilna tajjeb! Grazzi, grazzi, meta intom kapaċi tibqgħu toħolmu b’kuraġġ, meta ma tiqfux temmnu fid-dawl imqar fl-iljieli tal-ħajja, meta tħabirku b’passjoni biex tagħmlu isbaħ u iktar umana d-dinja tagħna. Grazzi ta’ meta tikkultivaw il-ħolma tal-fraternità, ta’ meta jkollkom għal qalbkom il-ġrieħi tal-ħolqien, meta titqabdu għad-dinjità tal-iżjed dgħajfa u xxerrdu l-ispirtu tas-solidarjetà u tal-qsim ma’ xulxin. U fuq kollox grazzi għax f’dinja li, imdallma mill-gwadanni tal-preżent, tipprova tifga l-ideali għoljin, f’din id-dinja m’intomx titilfu l-ħila li toħolmu! Tgħixux reqdin jew illuppjati. Le: oħolmu ħajjin. Dan jgħin lilna l-adulti u lill-Knisja. Iva, għandna bżonn ukoll bħala Knisja li noħolmu, għandna bżonn tal-entużjażmu, għandna bżonn tal-ħeġġa taż-żgħażagħ biex inkunu xhieda ta’ Alla li hu dejjem żagħżugħ!

 

U nixtieq ngħidilkom ħaġa oħra: ħafna ħolm tagħkom jaqbel ma’ dak tal-Vanġelu. Il-fraternità, is-solidarjetà, il-ġustizzja, il-paċi: huma l-istess ħolmiet ta’ Ġesù għall-umanità. La tibżgħux tiftħu qalbkom għal-laqgħa miegħu: hu jħobb il-ħolm tagħkom u jgħinkom twettquh. Il-Kardinal Martini kien jgħid li l-Knisja u s-soċjetà għandhom bżonn ta’ “ħalliema li jżommuna miftuħin għas-sorpriżi tal-Ispirtu s-Santu” (Conversazioni notturne a Gerusalemme. Sul rischio della fede, p. 61). Ħalliema li jżommuna miftuħin għas-sorpriżi tal-Ispirtu s-Santu. Kemm hi sabiħa! Nawguralkom li tkunu fost dawn il-ħalliema!

 

U niġu issa għat-tieni xbieha, għal Ġesù li jgħid lil Pilatu: “Jien sultan”. Jolqtuna d-determinazzjoni tiegħu, il-kuraġġ tiegħu, il-libertà assoluta tiegħu. Ġie arrestat, meħud fil-Pretorju, interrogat minn min seta’ jikkundannah għall-mewt. U f’ċirkustanza bħal din, seta’ jħalli jirbaħ dak id-dritt naturali li jiddefendi ruħu, forsi billi jfittex li “jirranġa l-affarijiet”, isib kompromess. Imma Ġesù ma jaħbix l-identità tiegħu, ma jgħattix l-intenzjonijiet tiegħu, ma japprofittax minn xaqq ta’ salvazzjoni li mqar Pilatu ħalla miftuħ. Le, ma japprofittax. Bil-kuraġġ tal-verità jwieġeb: “Jien sultan”. Jieħu r-responsabbiltà ta’ ħajtu f’idejh: ġejt għal missjoni u sa nibqa’ nwettaqha sal-aħħar biex nagħti xhieda tas-Saltna tal-Missier. Jgħid: “Jien għalhekk twelidt, u għalhekk ġejt fid-dinja, biex nixhed għall-verità” (Ġw 18:37). Dan hu Ġesù. Ġie għandna bla ebda ipokrezija, biex ixandar b’ħajtu li s-Saltna tiegħu hi differenti minn dawk tad-dinja, li Alla ma jsaltanx biex iżid fis-setgħa tiegħu u jgħaffeġ lill-oħrajn; ma jsaltanx bl-eżerċti u bis-saħħa. Tiegħu hi s-Saltna tal-imħabba: “jien sultan”, imma ta’ din is-saltna tal-imħabba; “jien sultan” tas-saltna ta’ min jagħti ħajtu għas-salvazzjoni tal-oħrajn.

 

Għeżież żgħażagħ, tiġbidna din il-libertà ta’ Ġesù! Inħalluha tivvibra ġewwa fina, iċċaqlaqna, tqanqal fina l-kuraġġ tal-verità. U aħna nistgħu nistaqsu: kieku kont hawn, issa, flok Pilatu quddiem Ġesù, inħares f’għajnejh, minn xiex kont nistħi? Quddiem il-verità ta’ Ġesù, il-verità li hu Ġesù, liema hu l-qerq tiegħi li mhuwiex sew, il-wiċċ b’ieħor tiegħi li lilu ma jogħġbux? Kull wieħed u waħda minna għandu minn dawn. Infittxuhom, infittxuhom. Kollha għandna minn dawn l-ipokreziji, dawn il-kompromessi, din li “nbenġlu l-affarijiet” biex is-salib inbegħduh minna. Għandna bżonn noqogħdu quddiem Ġesù biex insibu l-verità tagħna. Għandna bżonn nadurawh biex inkunu ħielsa ġewwa fina, biex ikollna dawl fuq ħajjitna u ma nħallux iqarrqu bina x-xejriet taż-żmien, il-ġigġifogu tal-konsumiżmu li jagħmi u jipparalizza. Ħbieb, m’aħniex hawn biex nissaħħru wara s-sireni tad-dinja, imma biex nieħdu ħajjitna f’idejna, biex “induqu l-ħajja”, biex ngħixuha b’mod sħiħ!

 

Hekk, fil-libertà ta’ Ġesù nsibu wkoll il-kuraġġ li mmorru kontra l-kurrent. U din hija kelma li rrid nagħfas fuqha: immorru kontra l-kurrent, ikollna l-kuraġġ li mmorru kontra l-kurrent; mhux kontra xi ħadd – li hi t-tentazzjoni ta’ kuljum –, kif jagħmlu l-vittimisti u l-komplottisti, li jgħabbu dejjem lill-oħrajn bil-ħtija; le, kontra l-kurrent żbaljat tal-jien egoista tagħna, magħluq u riġidu, li ħafna drabi jfittex ħabel ma’ xiex jaqbad biex jgħix, le, dan le. Immorru kontra l-kurrent biex nimxu fuq il-passi ta’ Ġesù. Hu jgħallimna neħduha kontra l-ħażen bil-qawwa tiegħu ħelwa u umli tat-tajjeb. Mingħajr toroq imqassra, mingħajr qerq, mingħajr wiċċ b’ieħor. Id-dinja tagħna, miġruħa minn tant ħażen, m’għandhiex bżonn ta’ iktar kompromessi ambigwi, ta’ nies jitlajjaw ’l hawn u ’l hinn bħall-mewġ tal-baħar – fejn jeħodhom ir-riħ, fejn jeħduhom l-interessi tagħhom –, ta’ min issibu sieq hawn u sieq hemm wara li jkun ra x’jaqbillu. L-“ekwilibristi”. Nisrani li jagħmel hekk, iktar qisu ekwilibrista milli Nisrani. L-ekwilibristi li jfittxu dejjem kif ma jħammġux idejhom, biex ma jipperikolawx ħajjithom, biex ma jirriskjawx. Nitlobkom, ibżgħu milli tkunu żgħażagħ ekwilibristi. Kunu liberi, kunu awtentiċi, kunu kuxjenza kritika tas-soċjetà. Tibżgħux tikkritikaw! Aħna għandna bżonn tal-kritika tagħkom. Ħafna minnkom qed jikkritikaw, ngħidu aħna, it-tinġis ambjentali. Għandna bżonn ta’ dan! Ħossukom liberi fil-kritika li tagħmlu. Ħa jkollkom il-passjoni tal-verità, biex bil-ħolm tagħkom tistgħu tgħidu: ħajti mhijiex ilsira tal-loġika ta’ din il-dinja, biex nista’ nsaltan ma’ Ġesù għall-ġustizzja, għall-imħabba u għall-paċi! Għeżież żgħażagħ, nawguralkom li kull wieħed u waħda minnkom jista’ jħoss il-ferħ li jgħid: “Ma’ Ġesù jien ukoll sultan”. Jien sultan: jiena sinjal ħaj tal-imħabba ta’ Alla, tal-ħniena u l-ħlewwa tiegħu. Jiena ħalliem imsaħħar mid-dawl tal-Vanġelu u nħares bit-tama matul il-lejl. U meta naqa’, nerġa’ nsib f’Ġesù l-kuraġġ li nitqabad u nittama, il-kuraġġ li nerġa’ lura u nibda noħlom. F’kull età tal-ħajja.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard