ĦADD IL-KELMA TA’ ALLA 

QUDDIESA

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Bażilika ta’ San Pietru

It-III Ħadd ta’ Matul is-Sena, 21 ta’ Jannar 2024

 

Smajna li “Ġesù qalilhom: ‘Ejjew warajja […]. U minnufih telqu x-xbiek, u marru warajh” (Mk 1:17-18). Hija kbira l-qawwa tal-Kelma ta’ Alla, li smajna wkoll fl-Ewwel Qari: “Il-kelma tal-Mulej waslet lil Ġona u qallu: ‘Qum, mur f’Ninwè […] u xandrilha’ […]. U Ġona qam u mar f’Ninwè kif qallu l-Mulej” (Ġona 3:1-13). Mill-Kelma ta’ Alla tgħaddi l-qawwa tal-Ispirtu s-Santu. Hija qawwa li tiġbed lejn Alla, kif ġralhom dawk is-sajjieda żgħażagħ, milqutin mill-kelmiet ta’ Ġesù; u hija qawwa li tibgħatna għand l-oħrajn, kif kien il-każ ta’ Ġona, li mar għand dawk li kienu mbiegħda mill-Mulej. Allura l-Kelma tiġbed lejn Alla u tibgħat għand l-oħrajn. Tiġbed lejn Alla u tibgħat għand l-oħrajn: dan hu d-dinamiżmu tagħha. Ma tħalliniex magħluqin fina nfusna, imma twessa’ l-qalb, iddawwar ir-rotta, taqleb ta’ taħt fuq id-drawwiet, tiftaħ xenarji ġodda, u tpoġġi quddiemna ixfqa li qatt ma ħsibna qabel.

 

Ħuti, il-Kelma ta’ Alla dan tixtieq tagħmlu f’kull wieħed u waħda minna. Bħalma ġralhom l-ewwel dixxipli, li meta laqgħu l-kelmiet ta’ Ġesù ħallew ix-xbieki u bdew avventura tal-għaġeb, hekk ukoll fuq ix-xtut tal-ħajja tagħna, maġenb id-dgħajjes tal-familjari u x-xbieki tax-xogħol, il-Kelma tqanqal fina s-sejħa ta’ Ġesù. Hu jsejħilna biex naqdfu fil-fond flimkien miegħu biex naqbdu oħrajn. Iva, il-Kelma tqanqal għall-missjoni, tagħmilna messaġġiera u xhieda ta’ Alla quddiem dinja mimlija kliem, imma għatxana għal dik il-Kelma li spiss tinjora. Il-Knisja tgħix dan id-dinaiżmu: hi msejħa minn Kristu, miġbuda minnu, u hi mibgħuta fid-dinja biex tagħti xhieda tiegħu. Dan huwa d-dinamiżmu fil-Knisja.

 

Ma nistgħux ngħaddu mingħajr il-Kelma ta’ Alla, mingħajr il-qawwa ħelwa tagħha li, bħal fi djalogu, tmiss il-qalb, tħalli marka fir-ruħ, iġġeddidha bis-sliem ta’ Ġesù, li jġagħalna ninkwetaw għall-oħrajn. Jekk inħarsu lejn il-ħbieb ta’ Alla, lejn ix-xhieda tal-Vanġelu fl-istorja, lejn il-qaddisin, naraw kif għalihom kollha l-Kelma kienet deċiżiva. Ejjew naħsbu fl-ewwel monaku, Sant’Anton, li, milqut minn silta tal-Vanġelu waqt li kien għall-quddiesa, ħalla kollox għall-Mulej; naħsbu f’Santu Wistin, li ħajtu nbidlet meta kelma divina fejqitlu qalbu; naħsbu f’Santa Tereża tal-Bambin Ġesù, li skopriet il-vokazzjoni tagħha hija u taqra l-ittri ta’ San Pawl. U jiġini f’moħħi l-qaddis li nġorr ismu, Franġisku ta’ Assisi, li, wara li talab, qara fil-Vanġelu li Ġesù bagħat lid-dixxipli jipprietkaw, u stqarr: “Dan hu dak li rrid, dan hu dak li qiegħed infittex, dan hu dak li nixtieq inwettaq b’qalbi kollha!” (Tumas ta’ Celano, Vita prima IX, 22). Huma ħajjiet mibdula mill-Kelma tal-ħajja, mill-Kelma tal-Mulej.

 

Imma jien nistaqsi: għaliex għal ħafna minna ma jiġrix l-istess? Ħafna drabi nisimgħu l-Kelma ta’ Alla, tidħol minn widna u toħroġ mill-oħra: għaliex? Forsi għax, kif juruna dawn ix-xhieda, jeħtieġ li ma nkunux “torox” għall-Kelma. Dan hu r-riskju tagħna: aljenati minn elf kelma oħra, inħallu tiżloq minn fuqna wkoll il-Kelma ta’ Alla: nisimgħuha, imma ma nagħtuhiex widen; nagħtuha widen, imma ma ngħożżuhiex f’qalbna; ngħożżuha f’qalbna, imma ma nħalluhiex tipprovokana biex ninbidlu. Fuq kollox, naqawha imma ma nitolbux biha, meta “l-qari tal-Iskrittura Mqaddsa għandu jkollu miegħu wkoll it-talb biex jista’ jkun hemm taħdita bejn Alla u l-bniedem” (Dei Verbum, 25). Ma ninsewx iż-żewġ dimensjonijiet li fuqhom hu mibni t-talb Nisrani: is-smigħ tal-Kelma u l-qima lill-Mulej. Ejjew nagħmlu wisa’ għall-Kelma ta’ Ġesù, għall-Kelma ta’ Ġesù fit-talb, u jiġrilna kif ġralhom l-ewwel dixxipli. Ejjew mela nerġgħu lura għall-Vanġelu tal-lum, li jeħodna għal dawn iż-żewġ ġesti li ħarġu mill-Kelma ta’ Ġesù: “minnufih telqu x-xbiek, u marru warajh” (Mk 1:18). Telqu u marru. Ejjew nieqfu għal ftit fuq dan.

 

Telqu. X’telqu? Id-dgħajsa u x-xbiek, jiġifieri l-ħajja li kienu għexu sa dakinhar. Kemm drabi nsibuha bi tqila li nħallu ċ-ċertezzi tagħna, id-drawwiet tagħna, għax nibqgħu maqbudin fihom bħall-ħut fix-xibka! Imma min hu f’kuntatt mal-Kelma jfiq mir-rabtiet tal-imgħoddi, għax il-Kelma ħajja tinterpreta l-ħajja mill-ġdid, tfejjaq imqar il-memorja miġruħa billi tlaqqam fiha t-tifkira ta’ Alla u tal-għemejjel tiegħu għalina. L-Iskrittura tibnina fuq dak li hu tajjeb, tfakkarna min aħna: ulied Alla mifdija u maħbuba. “Il-kelmiet imfewħa tal-Mulej” (ara San Franġisk ta’ Assisi, Ittra lill-fidili) huma bħall-għasel, hekk li l-ħajja jagħtuha togħma tajba: iqanqlu l-ħlewwa ta’ Alla, jitimgħu lir-ruħ, iwarrbu l-biża’, jegħlbu s-solitudni. U kif lil dawk id-dixxipli wassluhom iħallu r-repetittività ta’ ħajja magħmula minn dgħajjes u minn xbieki, hekk fina jġeddu l-fidi, isaffuha u jeħilsuha minn tant ħmieġ li tħalli warajha, u jreġġgħu lura għall-oriġni, għas-safa tar-rebbiegħa tal-Vanġelu. Bir-rakkont tal-għemejjel ta’ Alla għalina, l-Iskrittura Mqaddsa tħoll ir-rabtiet ta’ fidi pparalizzata u terġa’ ddewwaqna l-ħajja Nisranija bħalma hi tassew: storja ta’ mħabba mal-Mulej.

 

Għalhekk id-dixxipli telqu kollox; u mbagħad marru – telqu u marru warajh: wara l-Imgħallem għamlu passi ’l quddiem. Fil-fatt, il-Kelma tiegħu, waqt li teħles mit-tagħbijiet żejda tal-imgħoddi u tal-preżent, timmaturana fil-verità u fl-imħabba: iġġedded il-qalb, theżżiżha, issaffiha mill-ipokreziji u timlieha bit-tama. Il-Bibbja nfisha tixhed għal kemm il-Kelma hi konkreta u effikaċi: “bħax-xita u s-silġ” għall-art (ara Iż 55:10-11); “bħan-nar”, “bħal imterqa tfarrak il-blat” (Ġer 23:29); bħal xabla taqta’ li “tgħarbel il-ħsibijiet u l-fehmiet tal-qalb” (Lhud 4:12); bħal żerriegħa li ma titħassarx (1 Piet 1:23) li, ċkejkna u moħbija, twarrad u tagħmel il-frott (ara Mt 13). “Fil-kelma ta’ Alla, imbagħad, jinsabu saħħa u qawwa hekk kbar li hija […] ikel tar-ruħ, għajn safja li ma tonqosx ta’ ħajja spiritwali” (Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni dommatika Dei Verbum, 21).

 

Ħuti, il-Ħadd tal-Kelma ta’ Alla jgħinna nerġgħu lura bil-ferħ għall-għejun tal-fidi, li titwieled mis-smigħ ta’ Ġesù, Verb ta’ Alla l-ħaj. Waqt li nisimgħu u naqraw il-ħin kollu paroli fuq il-Knisja, ħalli huwa jgħinna niskopru mill-ġdid il-Kelma tal-ħajja li tidwi fil-Knisja! Inkella nispiċċaw biex nitkellmu iżjed fuqna nfusna milli fuqU; u ħafna drabi fiċ-ċentru jibqgħu l-ħsibijiet tagħna u l-problemi tagħna, minflok Kristu bil-Kelma tiegħu. Ejjew nirritornaw lejn l-għejun biex noffru lid-dinja l-ilma ħaj li mhix issib; u, waqt li s-soċjetà u l-mezzi soċjali jgħajtu bil-vjolenza tal-kliem, aħna nintrabtu iktar mal-umiltà tal-Kelma ta’ Alla li ssalva, li hi ħelwa, li ma tagħmilx storbju, li tidħol fil-qalb.

 

U fl-aħħar nett, nagħmlu xi mistoqsija jew tnejn. Jiena x’post għandi għall-Kelma ta’ Alla fil-post fejn ngħix? Hemm kotba, ġurnali, televixins, telefons, imma l-Bibbja fejn hi? Fil-kamra tiegħi nżomm il-Vanġelu fil-qrib? Naqrah ta’ kuljum biex nerġa’ nsib ir-rotta tal-ħajja tiegħi? Inġorr fil-basket xi Vanġelu ċkejken biex naqrah? Kemm-il darba ssuġġerejt li nżommu dejjem il-Vanġelu fuqna, fil-but, fil-basket, fuq il-mowbajl: jekk Kristu hu għażiż għalija iktar minn kull ħaġa oħra, kif nista’ nħallih id-dar u ma nġorrx miegħi l-Kelma tiegħu? U mistoqsija tal-aħħar: qrajt sħiħ tal-inqas wieħed mill-erba’ Vanġeli? Il-Vanġelu hu l-ktieb tal-ħajja, hu sempliċi u qasir, u safrattant tant nies li jemmnu qatt ma qraw wieħed mill-bidu sal-aħħar.

 

Ħuti, l-Iskrittura tgħid li Alla hu “l-bidu ta’ kull ġmiel” (Għerf 13:3): inħallu jirbaħna dan il-ġmiel li l-Kelma ta’ Alla ġġib fil-ħajja.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard