|
L-aħħar omelija tal-Papa Franġisku - il-prietka tal-Għid!
ĦADD IL-GĦID TAL-QAWMIEN TAL-MULEJ
QUDDIESA TAL-JUM
OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU
MOQRIJA MILL-KARDINAL ANGELO COMASTRI
Pjazza San Pietru
Ħadd il-Għid, 20 ta’ April 2025
Meta rat li l-blata tal-qabar kienet ġiet imgerbba, Marija ta’ Magdala marret tiġri biex ittarraf b’dan lil Pietru u Ġwanni. Anki ż-żewġ dixxipli, malli waslitilhom l-aħbar li fixlithom, ħarġu u – jgħid il-Vanġelu “t-tnejn ġrew flimkien” (Ġw 20:4). Il-protagonisti tar-rakkonti tal-Għid kollha jiġru! U dan il-“ġiri” jesprimi, minn banda, it-tħassib li l-ġisem tal-Mulej kien insteraq; imma min-naħa l-oħra l-ġirja tal-Maddalena, ta’ Pietru u ta’ Ġwanni turi x-xewqa, il-ħeġġa tal-qalb, l-atteġġjament interjuri ta’ min imur ifittex lil Ġesù. Fil-fatt, hu qam mill-mewt u għalhekk ma għadux iżjed fil-qabar. Jeħtieġ infittxuh band’oħra.
Din hi l-aħbar tal-Għid: jeħtieġ infittxuh band’oħra. Kristu rxoxta, hu ħaj! Hu ma baqax ilsir tal-mewt, ma għadux imgeżwer fil-liżar, u għalhekk ma nistgħux nagħlquh fi storja sabiħa x’nirrakkontaw, ma nistgħux nagħmlu minnu eroj tal-passat jew naħsbu fih bħallikieku kien xi statwa mqiegħda fis-sala ta’ mużew! Bil-maqlub, jeħtieġ infittxuh u għalhekk ma nistgħux nibqgħu wieqfa. Jeħtieġ niċċaqilqu, noħorġu biex immorru nfittxuh: infittxuh fil-ħajja, infittxuh fil-wiċċ ta’ ħutna, infittxuh fil-ħajja ta’ kuljum, infittxuh kullimkien ħlief f’dak il-qabar.
Infittxuh dejjem. Għax, jekk huwa qam mill-mewt, allura hu preżenti kullimkien, jgħammar f’nofsna, jinħeba u jidher anki llum f’ħutna li magħhom niltaqgħu fit-triq, fis-sitwazzjonijiet l-aktar anonimi u imprevedibbli tal-ħajja tagħna. Huwa ħaj u jibqa’ dejjem magħna, jibki d-dmugħ ta’ min qed ibati u jkattar il-ġmiel tal-ħajja fil-ġesti ċkejknin ta’ mħabba ta’ kull wieħed u waħda minna.
Għalhekk il-fidi tal-Għid, li tiftħilna t-triq għal-laqgħa ma’ Kristu Rxoxt u tiddisponina biex nilqgħuh fil-ħajja tagħna, xejn ma hi xi sistemazzjoni statika jew akkomodazzjoni paċifika f’xi rassigurazzjoni reliġjuża. Bil-maqlub, l-Għid iċaqlaqna, iwassalna biex niġru bħal Marija ta’ Magdala u bħad-dixixpli; jistedinna jkollna għajnejn li kapaċi “jaraw iktar”, biex jilmħu lil Ġesù, il-Ħaj, bħala Alla li juri lilu nnifsu u anki llum isir preżenti, ikellimna, jimxi qabilna, jissorprendina. Bħal Marija ta’ Magdala, kuljum nistgħu nagħmlu l-esperjenza li nitilfu lill-Mulej, imma ta’ kuljum aħna nistgħu mmorru niġru biex nerġgħu nsibuh, għax nafu b’ċertezza li hu jħalli lil min isibu u jdawwalna bid-dawl tal-qawmien tiegħu.
Ħuti, din hija l-akbar tama tal-ħajja tagħna: nistgħu ngħixu din il-ħajja fqira, dgħajfa u midruba ggranfati ma’ Kristu, għax hu rebaħ fuq il-mewt, jirbaħ fuq id-dlamijiet tagħna, u għad jirbaħ fuq id-dlamijiet tad-dinja, biex jagħmel li aħna ngħixu fil-ferħ, għal dejjem. Lejn din id-destinazzjoni, kif jgħid l-Appostlu Pawlu, aħna wkoll niġru, u ninsew dak li ħallejna wara daharna biex ngħixu miftuħa għal dak li għandna quddiemna (ara Fil 3:12-14). Allura ejjew inħaffu biex immorru niltaqgħu ma’ Kristu, bil-pass imgħaġġel tal-Maddalena, ta’ Pietru u ta’ Ġwanni.
Il-Ġublew qed isejħilna biex inġeddu fina d-don ta’ din it-tama, biex ngħaddsu fiha t-tbatijiet u t-tħassib tagħna, biex indakkru biha lil dawk li niltaqgħu magħhom fit-triq, biex nafdaw lil din it-tama l-futur tal-ħajja tagħna u d-destin tal-umanità. U għalhekk ma nistgħux nipparkjaw il-qalb tagħna fl-illużjonijiet ta’ din id-dinja jew nagħlquha fid-diqa; jeħtieġ niġru, mimlijin ferħ. Niġru biex niltaqgħu ma’ Ġesù, niskopru mill-ġdid il-grazzja bla tarf li nkunu ħbieb tiegħu. Inħallu l-Kelma tiegħu tal-ħajja u tal-verità ddawwal il-mixja tagħna. Kif qal it-teologu kbir Henri de Lubac, “biżżejjed għalina li nifhmu dan: il-Kristjaneżmu huwa Kristu. Le, tassew, ma hemm xejn aktar ħlief dan. Fi Kristu aħna għandna kollox” (Les responsabilités doctrinales des catholiques dans le monde d’aujourd’hui, Paris 2010, 276).
U dan il-“kollox” li hu Kristu Rxoxt jiftaħ il-ħajja tagħna għat-tama. Huwa ħaj, huwa llum ukoll irid iġedded il-ħajja tagħna. Lilu, rebbieħ fuq id-dnub u fuq il-mewt, irridu ngħidulu:
“Mulej, f’din il-festa aħna nitolbuk dan id-don: li nkunu aħna wkoll ġodda biex ngħixu dan il-ġdid dejjiem. Tajjar minn fuqna, o Alla, it-trab kiebi tad-drawwa, tal-għeja u tal-qtigħ il-qalb; agħtina l-ferħ li nqumu, kull filgħodu, b’għajnejn mimlija stagħġib biex naraw l-ilwien ġodda ta’ dik l-għodwa, unika u differenti minn kull għodwa oħra. […] Kollox huwa ġdid, Mulej, u xejn ma hu ripetut, xejn ma hu qadim” (A. Zarri, Quasi una preghiera).
Ħuti, fl-istagħġib tal-fidi tal-Għid, waqt li nġorru f’qalbna kull xewqa ta’ paċi u ta’ ħelsien, nistgħu ngħidu: miegħek, o Mulej, kollox huwa ġdid. Miegħek, kollox jerġa’ jibda mill-ġdid.
miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard