JUM DINJI TAL-FOQRA

QUDDIESA

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Bażilika ta’ San Pietru

It-XXXIII Ħadd ta’ Matul is-Sena, 19 ta’ Novembru 2023

 

Tlitt irġiel isibu ruħhom b’ġid kbir f’idejhom, grazzi għall-ġenerożità ta’ sidhom li wasal biex jitlaq fuq vjaġġ twil. Imam dak is-sid jum wieħed jiġi lura u jsejjaħ mill-ġdid lil dawk il-qaddejja, bit-tama li jista’ jifraħ magħhom għal kif intant huma sarrfu fi frott il-ġid tiegħu. Għalhekk il-parabbola li smajna (ara Mt 25:14-30) tistedinna biex nieqfu nħarsu lejn żewġ toroq: il-vjaġġ ta’ Ġesù u l-vjaġġ ta’ ħajjitna.

 

Il-vjaġġ ta’ Ġesù. Fil-bidu tal-parabbola hu jitkellem fuq “wieħed li kien se jsiefer, sejjaħ lill-qaddejja tiegħu u ħallielhom ġidu f’idejhom” (v. 14). Dan il-“vjaġġ” iġagħalna naħsbu fl-istess misteru ta’ Kristu, Alla magħmul bniedem, fil-qawmien u t-tlugħ tiegħu fis-Sema. Fil-fatt, hu niżel minn ħdan il-Missier biex jiġi jiltaqa’ mal-umanità, u bil-mewt tiegħu qered il-mewt, u wara l-qawmien tiegħu reġa’ lura għand il-Missier. Fl-għeluq tal-ħajja tiegħu fuq din l-art, Ġesù għalhekk wettaq il-“vjaġġ tar-ritorn” tiegħu għal għand il-Missier. Imma qabel ma telaq, qassmilna l-ġid tiegħu, il-“kapital” fil-veru sens tal-kelma: ħallielna lilu nnifsu fl-Ewkaristija, il-Kelma tiegħu tal-ħajja, l-Omm qaddisa tiegħu bħala Ommna, u qassam id-doni tal-Ispirtu s-Santu biex aħna nistgħu nkomplu l-opra tiegħu fid-dinja. Dawn it-“talenti” huma msawba – jispeċifika l-Vanġelu – fuq “kull wieħed skont il-ħila tiegħu” (v. 15) u għalhekk għal missjoni personali li l-Mulej jafdalna fil-ħajja ta’ kuljum, fis-soċjetà u fil-Knisja. Dan jaffermah ukoll l-Appostlu Pawlu: lil kull wieħed u waħda minna “Alla tana l-grazzja skont il-qies tad-don ta’ Kristu. Hu għalhekk li tgħid l-Iskrittura: ‘Tala’ fil-għoli, jassar l-ilsiera, ta doni lill-bnedmin’” (Efes 4:7-8).

 

Ejjew insammru mill-ġdid ħarsitna fuq Ġesù, li kollox irċieva minn idejn il-Missier, imma ma żammx dan l-għana għalih, “hu li għad li kellu n-natura ta’ Alla, ma qagħadx ifittex tiegħu li hu daqs Alla, iżda xejjen lilu nnifsu billi ħa n-natura ta’ lsir” (Fil 2:6-7). Libes l-umanità dgħajfa tagħna, tbaxxa bħal Samaritan tajjeb fuq il-ġrieħi tagħna, ftaqar hu biex aħna nistagħnu bil-ħajja divina (ara 2 Kor 8:9), tela’ fuq is-salib. Lilu, li kien bla dnub, “Alla għamlu dnub għalina” (2 Kor 5:21). Għalina. Ġesù għex għalina, għas-saħħa tagħna. Dan hu li mexxa l-vjaġġ tiegħu fid-dinja qabel ma reġa’ lura għand il-Missier.

 

Imma l-parabbola tal-lum tgħidilna wkoll li “sid dawk il-qaddejja raġa’ lura u beda jagħmel il-kontijiet magħhom” (Mt 25:19). Fil-fatt, wara l-ewwel vjaġġ lejn il-Missier jiġi ieħor, li Ġesù għad jagħmel fl-aħħar taż-żmien, meta jerġa’ lura fil-glorja u jkun irid jiltaqa’ magħna mill-ġdid, biex “jagħmel il-kontijiet”, il-kontijiet tal-istorja, u jdaħħalna fil-ferħ tal-ħajja ta’ dejjem. U hawn, irridu nistaqsu lilna nfusna: kif se jsibni l-Mulej meta jiġi lura? Kif se nippreżenta ruħi jien għall-appuntament tiegħi miegħu?

 

Din il-mistoqsija twassalna għat-tieni mument: għall-vjaġġ tal-ħajja tagħna. Liema triq qed nimxu aħna, fil-ħajja tagħna, dik ta’ Ġesù li sar don jew it-triq tal-egoiżmu? Dik tal-idejn miftuħa għall-oħrajn, biex nagħtu u ningħataw, jew dik tal-idejn  magħluqa biex ikollna iżjed aħna u nippreservaw biss lilna nfusna? Il-parabbola tgħidilna li kull wieħed u waħda minna, skont il-ħiliet u l-possibbiltajiet tiegħu jew tagħha, irċieva t-“talenti”. Attenti: ma nitqarrqux mil-lingwaġġ komuni: hawnhekk m’aħniex nitkellmu fuq il-ħiliet personali, imma, kif konna qed ngħidu, fuq il-ġid tal-Mulej, fuq dak li Kristu ħallielna meta reġa’ lura għand il-Missier. Miegħu huwa tana l-Ispirtu tiegħu, li fih sirna wlied Alla u li grazzi għalih nistgħu ngħaddu ħajjitna nagħtu xhieda tal-Vanġelu u nibnu s-Saltna ta’ Alla. Il-“kapital” kbir li ntreħielna f’idejna hu l-imħabba tal-Mulej, fundament tal-ħajja tagħna u qawwa tal-mixja tagħna.

 

U allura tajjeb nistaqsu lilna nfusna: x’se nagħmel b’don hekk kbir tul il-vjaġġ tal-ħajja tiegħi? Il-parabbola tgħidilna li l-ewwel żewġ qaddejja jimmultiplikaw id-don li rċivew, waqt li t-tielet wieħed, flok ma fada f’sidu, li tahulu, beża’ u baqa’ bħal ipparalizzat, ma rriskjax, u spiċċa biex difen it-talent taħt l-art. U dan jgħodd għalina wkoll: nistgħu nimmultiplikaw dak li rċivejna, billi nagħmlu minn ħajjitna offerta ta’ mħabba għall-oħrajn, jew nistgħu ngħixu imblukkati minn immaġni falza ta’ Alla u bil-biża’ mmorru naħbu taħt l-art it-teżor li rċivejna, għax naħsbu biss fina nfusna, mingħajr ebda passjoni għal xejn ħlief għall-kumditajiet u l-interessi tagħna, bla ma nħabirku xejn. Il-mistoqsija hi ċara ħafna: l-ewwel tnejn, meta jinnegozjaw bit-talenti, jirriskjaw. U l-mistoqsija li nagħmel hija din: “Jiena nirriskja fil-ħajja tiegħi? Jiena nirriskja bil-qawwa tal-fidi tiegħi? Jiena bħala Nisranija, bħala Nisrani, naf nirriskja jew ningħalaq fija nnifsi bil-biża’ jew għax jien ġifa?”.

 

Ħuti, f’dan il-Jum Dinji tal-Foqra l-parabbola tat-talenti hija twissija biex nivverifikaw b’liema spirtu qed naffrontaw il-vjaġġ tal-ħajja. Irċivejna mingħand il-Mulej id-don tal-imħabba tiegħu u aħna msejħin insiru don għall-oħrajn. L-imħabba li biha Ġesù ħa ħsieb tagħna, iż-żejt tal-ħniena u tal-kompassjoni li bih ikkura l-ġrieħi tagħna, il-fjamma tal-Ispirtu li biha fetaħ il-qlub tagħna għall-ferħ u għat-tama, huma ġid li ma nistgħux inżommu għalina biss, jew namministrawh kif jiftlilna inkella naħbuh taħt l-art. Imfawra bid-doni, aħna msejħin insiru don għall-oħrajn. Aħna rċivejna tant doni, jeħtieġ insiru don għall-oħrajn. Ix-xbihat li tuża l-parabbola huma elokwenti ħafna: jekk ma nimmultiplikawx l-imħabba madwarna, il-ħajja tintefa fid-dlamijiet; jekk ma niċċirkolawx it-talenti li rċivejna, il-ħajja tispiċċa midfuna taħt l-art, jiġifieri bħallikieku konna diġà mejta (ara vv. 25,30). Ħuti, kemm għandna Nsara midfuna taħt l-art! Kemm Insara jgħixu l-fidi bħallikieku qed jgħixuha taħt l-art!

 

Ejjew hawn naħsbu f’tant faqar materjali, fil-faqar kulturali, fil-faqar spiritwali tad-dinja tagħna; naħsbu fil-ħajjiet miġruħa li jgħixu fil-bliet tagħna, fil-foqra li saru inviżibbli, li l-karba tagħhom ta’ tbatija qed tiġi fgata mill-indifferenza ġenerali ta’ soċjetà mħabbta u distratta… Meta naħsbu fil-faqar, imbagħad, ma rridux ninsew il-modestja: il-faqar hu modest, jinħeba. Irridu mmorru aħna nfittxuh, bil-kuraġġ. Naħsbu f’kemm nies huma magħfusa u magħkusa, għajjenin, imwarrbin, fil-vittmi tal-gwerer u f’dawk li jħallu arthom u jirriskjaw ħajjithom; f’dawk li huma bla ħobż, bla xogħol u bla tama. Tant faqar ta’ kuljum. U mhux f’waħda, tnejn jew tlieta: huma kotra kbira. Il-foqra huma kotra kbira. U meta naħsbu f’din il-kotra kbira ta’ foqra, il-messaġġ tal-Vanġelu hu ċar: ejjew ma nidfnux taħt l-art il-ġid tal-Mulej! Ejjew niċċirkolaw il-karità, naqsmu l-ħobż tagħna, nimmultiplikaw l-imħabba! Il-faqar huwa skandlu. Il-faqar huwa skandlu. Meta l-Mulej jerġa’ lura, hu se jitlobna kont u – kif jikteb Sant’Ambroġ – se jgħidilna: “Għaliex ħallejtu tant foqra jmutu bil-ġuħ, meta kellkom deheb li bih stajtu titimgħuhom? Għaliex tant ilsiera ġew mibjugħa jew imkasrba mill-għedewwa, mingħajr ħadd ma għamel xejn biex jifdihom?” (Id-dmirijiet tal-ministri: PL 16,148-149).

 

Ejjew nitolbu, biex kull wieħed u waħda minna, skont id-don li rċieva u l-missjoni li ġiet fdata lilu, iħabrek biex “isarraf fi frott il-karità” – isarraf fi frott il-karità – u biex ikun qrib ta’ xi ħadd fqir. Nitolbu biex aħna wkoll, fi tmiem il-vjaġġ tagħna, wara li nkunu lqajna lil Kristu f’dawn ħutna, li magħhom hu stess identifika ruħu (ara Mt 25:40), nistgħu nisimgħu min jgħidilna: “Sewwa, qaddej tajjeb u fidil […] idħol fl-hena ta’ sidek” (Mt 25:21).

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard