QUDDIESA FIS-SOLENNITÀ TA’ GĦID IL-ĦAMSIN

KAPPELLA PAPALI

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Bażilika ta’ San Pietru

Il-Ħadd 19 ta’ Mejju 2024

 

Ir-rakkont ta’ Għid il-Ħamsin (ara Atti 2:1-11) jurina żewġ oqsma tal-azzjoni tal-Ispirtu s-Santu fil-Knisja: fina u fil-missjoni, b’żewġ karatteristiċi: il-qawwa u l-ħlewwa.

 

L-azzjoni tal-Ispirtu fina hi qawwija, kif jissimbolizzaw is-sinjali tar-riħ u tan-nar, li spiss fil-Bibbja huma assoċjati mal-qawwa ta’ Alla (ara Eż 19:16-19). Mingħajr din il-qawwa, ma jirnexxilna qatt negħlbu l-ħażen, lanqas nirbħu x-xewqat tal-ġisem li dwarhom jitkellem San Pawl, jew dak it-tqanqil tar-ruħ: iż-żinà, l-idolatrija, it-tilwim, l-għira… (ara Gal 5:19-21): bl-Ispirtu magħna nistgħu nirbħuhom, hu jagħtina l-qawwa biex nagħmlu dan, għax hu jidħol fil-qalb tagħna “niexfa, iebsa u bierda” (ara Sekwenza Veni Sancte Spiritus). Dawk it-tqanqiliet jirvinaw ir-relazzjonijiet tagħna mal-oħrajn u jifirdu l-komunitajiet tagħna, u hu jidħol fil-qalb tagħna u jfejjaq kollox.

 

Dan jurihulna wkoll Ġesù, meta, imqanqal mill-Ispirtu, għal erbgħin jum jitwarrab għalih waħdu fid-deżert (ara Mt 4:1-11) biex jiġi mġarrab. U f’dak iż-żmien anki l-umanità tiegħu tikber, tissaħħaħ u titħejja għall-missjoni.

 

Fl-istess waqt, il-ħidma tal-Paraklitu fina hi wkoll ħelwa: hi qawwija u ħelwa. Ir-riħ u n-nar ma jeqirdux u lanqas iġibu rmied dak li jmissu: wieħed jimla d-dar li fiha jinsabu d-dixxipli u l-ieħor jistrieħ delikatament, f’għamla ta’ ilsna tan-nar, fuq ir-ras ta’ kull wieħed u waħda. U anki din id-delikatezza hija karatteristika ta’ kif jaħdem Alla, kif naraw tant drabi fil-Bibbja.

 

U sabiħ naraw kif l-istess id b’saħħitha u ħarxa li l-ewwel ħartet il-ħamrija tal-passjonijiet, imbagħad b’mod delikat ħawlet ix-xtieli tal-virtujiet, “tnaddafhom”, “tfejjaq” (ara Sekwenza) u tipproteġihom bi mħabba, biex jikbru u jissaħħu, u aħna nistgħu niggustaw, wara t-taħbit tat-taqbida kontra l-ħażen, il-ħlewwa tal-ħniena u tal-komunjoni ma’ Alla. Hekk hu l-Ispirtu: qawwi, jagħtina l-qawwa biex nirbħu, u anki delikat. Nitkellmu dwar id-dilka tal-Ispirtu, l-Ispirtu jidlikna, jinsab magħna. Kif tgħid talba sabiħa tal-Knisja tal-qedem: “Ħa tibqa’ miegħi l-ħlewwa tiegħek, o Mulej, u hekk ukoll il-frott ta’ mħabbtek!” (Tifħir ta’ Salamun, 14,6).

 

L-Ispirtu s-Santu, li niżel fuq id-dixxipli u ġie qrib tagħhom – allura “paraklitu” – jaġixxi billi jibdlilhom qalbhom u jsawwab fihom “qlubija hienja li ħeġġithom iwasslu lill-oħrajn l-esperjenza li kellhom ta’ Kristu u t-tama li kienet timbuttahom” (San Ġwanni Pawlu II, Enċiklika Redemptoris missio, 24). Kif imbagħad jagħtu xhieda Pietru u Ġwanni quddiem is-Sinedriju, meta kien hemm min ippretenda li seta’ jimponi fuqhom li “b’ebda mod ma jitkellmu jew jgħallmu fl-isem ta’ Ġesù” (Atti 4:18); huma jwieġbu: “Aħna ma nistgħux ma nitkellmux fuq dak li rajna u smajna” (v. 20). U biex iwieġbu dan għandhom magħhom il-qawwa tal-Ispirtu s-Santu.

 

U dan hu importanti għalina wkoll, li rċivejna d-don tal-Ispirtu fil-Magħmudija u fil-Konfirmazzjoni. Miċ-“ċenaklu” ta’ din il-Bażilika, bħall-Appostli, aħna mibgħutin, illum b’mod speċjali, biex inħabbru l-Vanġelu lil kulħadd, “biex imorru dejjem aktar ’il bogħod, mhux biss ġeografikament, imma wkoll ’l hemm mill-fruntieri etniċi u reliġjużi, għax il-missjoni hi verament universali” (Redemptoris missio, 25). U grazzi għall-Ispirtu nistgħu u għandna nagħmlu dan bl-istess qawwa u bl-istess ħlewwa.

 

Bl-istess qawwa: jiġifieri, mhux bi prepotenza u impożizzjonijiet – in-Nisrani ma hux prepotenti, il-qawwa tiegħu hija oħra, hija l-qawwa tal-Ispirtu –, lanqas bil-kalkoli u l-moħħ jilħaqlu, imma bl-enerġija li tiġi mill-fedeltà għall-verità, li l-Ispirtu jgħallem lill-qlub tagħna u jkabbar fina. U hekk aħna nċedu għall-Ispirtu, ma nċedux għall-qawwa tad-dinja, imma nibqgħu nkellmu fuq il-paċi lil min irid il-gwerra, inkellmu fuq il-maħfra lil min qed jiżra’ l-vendetta, inkellmu fuq l-akkoljenza u s-solidarjetà lil min irid jagħlaq il-bibien u jtella’ l-ħitan, inkellmu fuq il-ħajja lil min qed jagħżel il-mewt, inkellmu fuq ir-rispett lil min iħobb jumilja, jgħajjar u jarmi, inkellmu fuq il-fedeltà lil min jirrifjuta kull rabta, għax jifxel il-libertà ma’ individwaliżmu superfiċjali, magħluq u battal. Mingħajr ma nħallu jbeżżgħuna la d-diffikultajiet, la ż-żebliħ, lanqas l-oppożizzjonijiet li, illum daqs qatt qabel, ma jonqsu qatt fil-ħajja appostolika (ara Atti 4:1-31).

 

U fl-istess waqt li fih naġixxu b’din il-qawwa, it-tħabbira tagħna trid tkun ħelwa, biex tilqa’ lil kulħadd. Ma ninsewhx dan: ilkoll, ilkoll, ilkoll. Ma ninsewhiex dik il-parabbola tal-mibgħutin għall-festa li ma ridux imorru: “Morru f’salib it-toroq u ġibu lil kulħadd, kulħadd, kulħadd, tajbin u ħżiena, kulħadd” (ara Mt 22:9-10). L-Ispirtu jagħtina l-qawwa biex nimxu ’l quddiem u nsejħu lil kulħadd bil-ħlewwa, jagħtina l-ħlewwa biex nilqgħu lil kulħadd.

 

Ilkoll kemm aħna, ħuti, għandna tant bżonn tat-tama, li mhijiex ottimiżmu, le, hi ħaġa oħra. Għandna bżonn tat-tama. It-tama tiġi rraffigurata bħal ankra, hemm, fix-xatt, u aħna, iggranfati mal-ħabel, lejn it-tama. Għandna bżonn tat-tama, għandna bżonn li nerfgħu ħarsitna lejn ixfqa ta’ paċi, ta’ fraternità, ta’ ġustizzja u ta’ solidarjetà. Din hija l-unika triq tal-ħajja, ma hemmx oħra. Bla dubju, b’xorti ħażina, spiss din ma tidhirx ħaġa faċli, anzi xi ħabtiet tidher imserrpa u wieqfa. Imma aħna nafu li ma aħniex waħidna: għandna din iċ-ċertezza li bl-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu, bid-doni tiegħu, flimkien nistgħu nimxuha u nagħmluha dejjem iżjed faċli anki għall-oħrajn li jimxuha.

 

Ħuti, ejjew inġeddu l-fidi tagħna fil-preżenza, magħna, tal-Konsolatur, u nkomplu nitolbu:

 

Spirtu Qaddi li ħlaqtna, ejja lill-moħħ dawlilna,

imla bil-grazzja tiegħek il-qlub li int ħlaqtilna,

mexxi l-passi tagħna,

rodd lid-dinja tagħna l-paċi tiegħek.

Amen.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard