Laikos

 

IL-LEJL QADDIS TAL-GĦID

 

KAPPELLA PAPALI

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

MOQRIJA MILL-KARDINAL GIOVANNI BATTISTA RE

 

Bażilika ta’ San Pietru

Sibt il-Għid, 19 ta’ April 2025

 

Ikun billejl meta l-blandun tal-Għid jimxi bil-mod sal-altar. Ikun billejl meta l-kant tal-Innu jiftaħ il-qlub tagħna għall-hena, għax l-art hi “mimlija b’dawn id-dwal tal-għaġeb, u, fid-dija tas-Sultan ta’ dejjem, ħa jagħraf il-ħolqien kollu li hu ħeles mid-dlamijiet li ħakmuh!” (Prekonju tal-Għid). Ma’ tmiem il-lejl iseħħu l-ġrajjiet irrakkuntati fil-Vanġelu li għadu kemm ixxandar (ara Lq 24:1-12): jixgħel id-dawl divin tal-Qawmien u l-Għid tal-Mulej iseħħ meta x-xemx għadha mank xirfet; mal-ewwel teptip tas-sebħ jidher li l-blata l-kbira, imqiegħda fuq il-qabar ta’ Ġesù, ġiet imgerbba u xi nisa jaslu f’dak il-post lebsin il-velu tal-luttu. Id-dlam igeżwer it-taħwid u l-biża’ tad-dixxipli. Kollox iseħħ billejl.

 

Hekk is-Sahra tal-Għid tfakkarna li d-dija tal-Qawmien iddawwal il-mixja pass pass, tinfed id-dlamijiet tal-istorja mingħajr storbju, tidħol fil-qalb tagħna b’mod diskret. U magħha tikkorrispondi fidi umli, sajma minn kull trijonfaliżmu. L-Għid tal-Mulej mhuwiex ġrajja spettakolari li biha Alla jafferma lilu nnifsu u jobbligana nemmnu fih; mhijiex destinazzjoni li Ġesù jilħaq minn triq faċli, billi jdawwar il-Kalvarju bil-kontra; u lanqas aħna ma nistgħu ngħixuha b’mod każwali u mingħajr eżitazzjoni interjuri. Bil-maqlub, il-Qawmien jixbah lit-twarrid ċkejken ta’ dawl li ftit ftit jispunta, mingħajr storbju, u xi drabi għadu wkoll mhedded mil-lejl u min-nuqqas ta’ twemmin.

 

Dan l-“istil” ta’ Alla jeħlisna minn reliġjożità astratta, mingħajr l-illużjoni li naħsbu li l-qawmien tal-Mulej se jsolvi kollox b’mod maġiku. Bogħod minn hekk: ma nistgħux niċċelebraw l-Għid mingħajr ma nkomplu nħabbtu wiċċna mal-iljieli li nġorru fil-qalb tagħna u mad-dellijiet tal-mewt li spiss jagħfsu fuq id-dinja. Kristu rebaħ id-dnub u qered il-mewt imma, fl-istorja tagħna fuq din l-art, il-qawwa tal-Qawmien tiegħu għadha qed titwettaq. U dan it-twettiq, bħal dawl ċkejken li jfeġġ, hu fdat f’idejna, biex inħarsuh u nkabbruh.

 

Ħuti, din hija s-sejħa li, fuq kollox fis-Sena Ġubilari, irridu nħossu qawwija ġewwa fina: inwarrdu t-tama tal-Għid fil-ħajja tagħna u fid-dinja!

 

Meta għadna nħossu t-toqol tal-mewt fil-qalb tagħna, meta naraw id-dellijiet tal-ħażen ikomplu jimmarċjaw storbjużi fuq id-dinja, meta nħossu jaqbdu f’ġisimna u fis-soċjetà tagħna l-ġrieħi tal-egoiżmu jew tal-vjolenza, ejjew ma naqtgħux qalbna, ejjew nerġgħu lura għall-bxara ta’ dan il-lejl: id-dawl ftit ftit jilma anki jekk ninsabu fid-dlamijiet; it-tama ta’ ħajja ġdida u ta’ dinja li sa fl-aħħar ġiet meħlusa qiegħda tistenniena; bidu ġdid jista’ jissorprendina mqar jekk xi drabi jidher impossibbli, għax Kristu rebaħ fuq il-mewt.

 

Din it-tħabbira, li twessagħlna qalbna, timliena bit-tama. Fi Kristu Rxoxt fil-fatt għandna ċ-ċertezza li l-istorja personali tagħna u l-mixja tal-umanità, imqar jekk għadhom mgħaddsa f’lejl fejn id-dwal jidhru dgħajfa, huma f’idejn f’Alla; u hu, fl-imħabba kbira tiegħu, mhux sa jħallina nitlajjaw u mhux sa jħalli l-ħażen ikollu l-aħħar kelma. Fl-istess waqt, din it-tama, li diġà seħħet fi Kristu, tibqa’ għalina wkoll destinazzjoni li rridu nilħqu: ġiet fdata lilna biex insiru xhieda kredibbli tagħha u biex is-Saltna ta’ Alla tidħol fil-qalb tan-nisa u tal-irġiel tal-lum.

 

Kif ifakkarna Santu Wistin, “il-qawmien ta’ Sidna Ġesù Kristu jimmarka l-ħajja ġdida ta’ dawk li jemmnu fih; u dan il-misteru tal-mewt u l-qawmien tiegħu intom għandkom tkunu tafuh sew u ttennuh fil-ħajja tagħkom” (Diskors 231, 2). Intennu l-Għid fil-ħajja tagħna u nsiru messaġġiera ta’ tama, bennejja ta’ tama meta tant irjieħ ta’ mewt għadhom qed jonfħu fuqna.

 

Dan nistgħu nagħmluh bil-kliem tagħna, bil-ġesti ċkejkna tagħna ta’ kuljum, bl-għażliet tagħna mnebbħa mill-Vanġelu. Il-ħajja kollha tagħna tista’ tkun preżenza ta’ tama. Irridu nkunu hekk għal dawk li tonqoshom il-fidi fil-Mulej, għal min tilef it-triq, għal dawk li ċedew u għandhom daharhom mgħattan taħt it-toqol tal-ħajja; għal min hu waħdu jew ingħalaq fin-niket tiegħu; għall-foqra u l-maħqurin kollha ta’ din l-art; għan-nisa umiljati u maqtula; għat-tfal li qatt ma twieldu u għal dawk immaltrattati; għall-vittmi tal-gwerra. Lil kull wieħed u waħda u lil kulħadd inwasslulu t-tama tal-Għid!

 

Nieħu pjaċir niftakar f’mistika tas-seklu 13, Hadewijch ta’ Antwerp, li mnebbħa mill-Għanja tal-Għanjiet u hija u tiddeskrivi t-tbatija minħabba n-nuqqas tal-maħbub, issejjaħ lill-imħabba biex terġa’ lura sabiex – tgħid – “ikun hemm żvolta għad-dalma tiegħi” (Hadewijch, Poesie Visioni Lettere, Genova 2000, 23).

 

Kristu Rxoxt hu l-iżvolta defenittiva tal-istorja tal-bnedmin. Huwa t-tama li ma tgħib qatt. Hu l-imħabba li sseħibna u tweżinna. Hu l-futur tal-istorja, id-destinazzjoni aħħarija li lejha nimxu, biex niġu milqugħa f’dik il-ħajja ġdida li fiha l-Mulej stess jixxotta kull demgħa minn għajnejna “u ma jkunx hemm iżjed mewt, anqas biki jew għajat jew tbatija” (Apok 21:4). U din it-tama tal-Għid, din l-“iżvolta fid-dlamijiet”, irridu nħabbruha lil kulħadd.

 

Ħuti, żmien il-Għid hu staġun ta’ tama. “Għad hemm il-biża’, għad hemm għarfien kiebi tad-dnub, imma hemm ukoll dawl li jinfed. […] L-Għid iġib l-aħbar it-tajba li, imqar jekk il-ħwejjeġ jidhru sejrin għall-agħar fid-dinja, il-ħażen diġà ġie mirbuħ. L-Għid jippermettilna naffermaw li, imqar jekk Alla jidher imbiegħed ħafna u aħna nibqgħu medhijin f’tant realtajiet żgħar, il-Mulej tagħna jinsab miexi fit-triq magħna. […] Hemm ħafna raġġi ta’ tama li jixħtu dawl fuq il-mixja tal-ħajja tagħna” (H. Nouwen, Preghiere dal silenzio. Il sentiero della speranza, Brescia 2000, 55-56).

 

Ejjew nagħmlu wisa’ għad-dawl tal-Irxoxt! U nsiru bennejja tat-tama għad-dinja.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard