QUDDIESA TAL-ĦNIENA DIVINA

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

 

Knisja ta’ Santo Spirito in Sassia

It-II Ħadd tal-Għid (jew il-Ħadd tal-Ħniena Divina), 19 ta’ April 2020

 

Il-Ħadd li għadda ċċelebrajna l-qawmien tal-Imgħallem, u llum għandna quddiemna l-qawmien tad-dixxiplu. Għaddiet ġimgħa, ġimgħa li d-dixxipli, imqar jekk kienu raw lill-Irxoxt, għaddewha fil-biża’, bil-“bibien magħluqa” (Ġw 20:26), mingħajr mank irnexxielhom jikkonvinċu bil-qawmien lill-uniku wieħed li ma kienx hemm, Tumas. X’jagħmel Ġesù quddiem dan il-biża’ u nuqqas ta’ fidi? Jirritorna, jerġa’ joqgħod kif kien qagħad qabel, “f’nofshom”, u jtennilhom l-istess tislima: “Is-sliem għalikom!” (Ġw 20:19,26). Jerġa’ jibda mill-bidu. Il-qawmien tad-dixxiplu jibda minn hawn, minn din il-ħniena fidila u kollha sabar, mill-kixfa li Alla ma jegħjiex inewlilna idu biex jerġa’ jerfagħna mill-waqgħat tagħna. Hu jrid li nħarsu lejh hekk: mhux bħala xi sid li miegħu rridu nirranġaw il-kontijiet, imma bħala l-Missier tagħna li dejjem jerġa’ jerfagħna. Fil-ħajja aħna nimxu bl-iskossi, bħal tfajjel li jibda miexi, imma jaqa’; ftit passi u jerġa’ jaqa’; jaqa’ u jerġa’ jaqa’, u kull darba missieru jerġa’ jerfgħu. Id-driegħ li dejjem jerġa’ jerfagħna hu dak tal-ħniena: Alla jaf li mingħajr il-ħniena nibqgħu mkaħħla mal-art, li biex nimxu għandna bżonn li xi ħadd jerġa’ jqajjimna fuq riġlejna.

 

Imma int forsi ħa ssib oġġezzjoni għal dan: “Imma jien ma nieqaf qatt naqa’!”. Il-Mulej jafu dan u dejjem lest biex jerġa’ jerfgħek. Hu ma jridniex noqogħdu naħsbu l-ħin kollu fil-waqgħat tagħna, imma jrid li nħarsu lejh, li fil-waqgħat jara wliedu li jrid jerġa’ jerfagħhom, fil-miżerji jara wliedu li jrid iħobbhom bil-ħniena tiegħu. Illum, f’din il-knisja li saret santwarju tal-ħniena f’Ruma, fil-Ħadd li għoxrin sena ilu San Ġwanni Pawlu II iddedikah lill-Ħniena Divina, nilqgħu b’fiduċja dan il-messaġġ. Lil Santa Fawstina Ġesù qalilha: “Jiena l-istess imħabba u l-istess ħniena. M’hemm l-ebda miżerja li tista’ titqabbel mal-ħniena tiegħi” (Djarju, 14 ta’ Settembru 1937). Imbagħad darba l-qaddisa qalet lil Ġesù, b’sodisfazzjon, li kienet offrietlu ħajjitha kollha, kulma kellha. Imma t-tweġiba ta’ Ġesù sammritha: “Binti, għadek m’offrejtlix dak li tassew hu tiegħek”. X’kienet żammet għaliha dik is-soru qaddisa? Ġesù qalilha b’ħafna ħlewwa: “Binti, agħtini l-miżerja tiegħek” (10 ta’ Ottubru 1937). Aħna wkoll nistgħu nistaqsu: “Lill-Mulej tajthielu l-miżerja tiegħi? Urejtu l-waqgħat tiegħi biex jerfagħni minnhom?”. Jew hemm xi ħaġa li għadni qed inżomm ġo fija? Dnub, rimors tal-passat, ġerħa li għandi ġo fija, rabja għal xi ħadd, idea fuq xi persuna partikulari… Il-Mulej qed jistenna li neħdulu l-miżerji tagħna, biex jurina l-ħniena tiegħu.

 

Lura għad-dixxipli. Lill-Mulej kienu telquh fil-Passjoni u kienu qed iħossuhom ħatja. Imma Ġesù, xħin iltaqa’ magħhom, ma qagħadx jagħmlilhom prietki twal. Lilhom, li kienu midruba minn ġewwa, jurihom il-ġrieħi tiegħu. Tumas jista’ jmisshom u jiskopri l-imħabba, jiskopri kemm Ġesù kien bata għalih, hu li kien telqu. F’dawk il-pjagi jmiss b’idejh il-qrubija kollha ħlewwa ta’ Alla. Tumas, li kien wasal tard, meta jħaddan miegħu l-ħniena jgħaddiha lid-dixxipli l-oħra: mhux biss jemmen fil-qawmien, imma wkoll fl-imħabba bla tarf ta’ Alla. U jagħmel l-istqarrija ta’ fidi l-aktar sempliċi u sabiħa: “Mulej tiegħi u Alla tiegħi!” (v. 28). Araw fejn hu l-qawmien tad-dixxiplu: iseħħ meta l-umanità dgħajfa u miġruħa tiegħu tidħol f’dik ta’ Ġesù. Hemm jixxejnu d-dubji, hemm Alla jsir Alla tiegħi, hemm nerġgħu nibdew naċċettaw lilna nfsuna u nħobbu lil ħajjitna.

 

Għeżież ħuti, fit-tiġrib li għaddejjin minnu bħalissa, aħna wkoll, bħal Tumas, bil-biżgħat u bid-dubji tagħna, erġajna sibna kemm aħna dgħajfa. Għandna bżonn tal-Mulej, li fina, lil hemm mid-dgħufijiet tagħna, jara ġmiel li xejn ma jħassar. Miegħu nerġgħu niskopru kemm aħna prezzjużi fid-dgħufijiet tagħna. Niskopru li aħna bħal kristalli mill-isbaħ, dgħajfa u prezzjużi fl-istess ħin. U jekk, bħall-kristall, inkunu trasparenti quddiemu, id-dawl tiegħu, id-dawl tal-ħniena, jilma fina u, permezz tagħna, fid-dinja. Araw fejn qiegħda r-raġuni biex, kif qaltilna l-Ittra ta’ Pietru, “tifirħu mqar jekk issa, għal ftit żmien ieħor, jeħtiġilkom titnikktu taħt ħafna provi” (1 Piet 1:6).

 

F’din il-festa tal-Ħniena Divina l-isbaħ aħbar tasal permezz tad-dixxiplu li wasal tard. Kien jonqos hu, Tumas. Imma l-Mulej stennieh. Il-ħniena qatt ma titlaq waħdu lil min jibqa’ lura. Issa, aħna u naħsbu f’kif bil-mod il-mod u b’ħafna taħbit ħa nistejqru minn din il-pandemija, jitfaċċa proprju dan il-periklu: li ninsew lil min waqa’ lura. Ir-riskju hu li jolqotna virus agħar minn dan, dak tal-egoiżmu indifferenti. Dan jgħaddi mill-idea li l-ħajja titjieb jekk jien inkun aħjar, li kollox ikun sew jekk għalija jkun sew. Minn hawn titlaq u tasal biex tibda tagħżel il-persuni, twarrab lill-foqra, u lil min baqa’ lura tissagrifikah fuq l-altar tal-progress. Imma din il-pandemija tfakkarna li ma hemmx differenzi u konfini bejn min qed ibati. Aħna lkoll dgħajfa, ilkoll indaqs, ilkoll prezzjużi. Dak li qed jiġri jregħidna minn ġewwa: huwa ż-żmien li nqaċċtu minn fostna n-nuqqas ta’ ugwaljanza, li nfejqu l-inġustizzja li qed thedded f’għeruqha s-saħħa tal-umanità kollha! Nitgħallmu mill-komunità Nisranija tal-bidu, imfissra mill-ktieb tal-Atti tal-Appostli. Kienet irċiviet il-ħniena u għalhekk kienet tgħix bil-ħniena: “Dawk kollha li kienu jemmnu kienu ħaġa waħda, u kienu jaqsmu kollox bejniethom, ibigħu ġidhom u kulma kellhom u jqassmu d-dħul bejn kulħadd, skont il-ħtieġa ta’ kull wieħed” (Atti 2:44-45). Mhijiex ideoloġija, dan hu l-Kristjaneżmu.

 

F’dik il-komunità, wara l-qawmien ta’ Ġesù, wieħed biss kien baqa’ lura u l-oħrajn stennewh. Illum donnu bil-maqlub: parti żgħira mill-umanità mxiet ’il quddiem, waqt li l-parti l-kbira baqgħet lura. U wieħed jista’ jgħid: “Dawn problemi kumplessi, mhix biċċa tiegħi li nara kif ħa nieħu ħsieb ta’ min hu fil-bżonn, hemm oħrajn li messhom jaħsbu għal dan!”. Santa Fawstina, wara li ltaqgħet ma’ Ġesù, kitbet: “F’ruħ qiegħda tbati għandna naraw lil Ġesù Msallab, u mhux xi wieħed għażżien jew piż… [Mulej], inti tagħtina okkażjonijiet sabiex aħna nwettqu opra tal-ħniena, u minflok aħna nużawhom sabiex niġġudikaw” (Djarju, 6 ta’ Settembru 1937). Imma hi stess, darba waħda, gergret ma’ Ġesù li, meta nuru ħniena, jgħadduna b’boloh. Qaltlu: “Mulej, spiss jabbużaw mill-ħniena tiegħi”. U Ġesù weġibha: “Ma jimpurtax, binti, tagħtix kas, imma int uri dejjem ħniena ma’ kulħadd” (24 ta’ Diċembru 1937). Ma’ kulħadd: ejjew ma naħsbux biss fl-interessi tagħna, fl-interessi partikulari. Nilqgħu din il-prova bħala opportunità biex inħejju għall-futur ta’ kulħadd, mingħajr ma nwarrbu lil ħadd: ta’ kulħadd. Għax mingħajr viżjoni flimkien ma jista’ jkun hemm futur għal ħadd.

 

Illum l-imħabba żarmata u li żżarma ta’ Ġesù tqajjem mill-mewt il-qalb tad-dixxiplu. Aħna wkoll, bħall-Appostlu Tumas, nilqgħu l-ħniena, is-salvazzjoni tad-dinja. U nuru din il-ħniena ma’ min hu l-iżjed dgħajjef: hekk biss nistgħu nerġgħu nibnu dinja ġdida.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard