QUDDIESA FIT-TIFKIRA TAĊ-ĊENTINARJU MIT-TWELID

TA’ SAN ĠWANNI PAWLU II

 

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA FRANĠISKU

 

Bażilika tal-Vatikan – Altar ta’ San Ġwanni Pawlu II

It-Tnejn 18 ta’ Mejju 2020

 

“Il-Mulej iħobb lill-poplu tiegħu” (Salm 149:4), kantajna flimkien, dan kien ir-ritornell tas-Salm Responsorjali. U anki verità li l-poplu ta’ Iżrael kien itenni, kien iħobb itenni: “Il-Mulej iħobb il-poplu tiegħu”. U fil-mumenti ibsin, il-“Mulej iħobb” dejjem; wieħed irid jistenna kif ħa turi ruħha din l-imħabba. Meta l-Mulej, għal din l-imħabba li kellu, kien jibgħat profeta, bniedem ta’ Alla, ir-reazzjoni tal-poplu kienet tkun: “Alla żar il-poplu tiegħu” (ara Eż 4:31), għax iħobbu, ġie jżuru. U l-istess kienet tgħid il-ġemgħa li kienet timxi wara Ġesù meta kienet tara dak li kien jagħmel hu: “Alla żar il-poplu tiegħu” (ara Lq 7:16).

 

U llum aħna nistgħu ngħidu: mitt sena ilu l-Mulej żar il-poplu tiegħu. Bagħat bniedem, ippreparah biex isir isqof u jmexxi l-Knisja. Aħna u niftakru f’San Ġwanni Pawlu II ejjew nerġgħu naqbdu f’idejna dan il-vers: “Alla żar il-poplu tiegħu”, “il-Mulej żar il-poplu tiegħu”; bagħtilna ragħaj.

 

U liema huma, biex ngħidu hekk, is-“sinjali” ta’ ragħaj tajjeb li nistgħu nsibu f’San Ġwanni Pawlu II? Ħafna! Imma nsemmu biss tlieta. Ladarba jgħidu li l-Ġiżwiti dejjem jgħidu l-affarijiet fi tlieta, insemmu dejjem tlieta: it-talb, il-qrubija għall-poplu, l-imħabba għall-ġustizzja. San Ġwanni Pawlu II kien bniedem ta’ Alla għax kien jitlob, u kien jitlob ħafna. Imma kif jista’ jkun bniedem li għandu daqshekk x’jagħmel, tant taħbit biex imexxi l-Knisja…, isib tant ħin għat-talb? Hu kien jaf tajjeb li l-ewwel dmir ta’ isqof hu li jitlob. U dan ma qalux il-Konċilju Vatikan II, imma qalu San Pietru, meta għamlu d-djakni, qalu: “U għalina l-isqfijiet, it-talb u x-xandir tal-Kelma” (ara Atti 6:4). L-ewwel dmir ta’ isqof hu li jitlob, u dan hu kien jafu, kien jagħmlu. Mudell ta’ isqof li jitlob, dan l-ewwel dmir. U għallimna li meta isqof jagħmel l-eżami tal-kuxjenza filgħaxija, għandu jistaqsi lilu nnifsu: Kemm sigħat tlabt illum? Bniedem tat-talb.

 

It-tieni karatteristika, bniedem ta’ qrubija. Ma kienx bniedem maqtugħ mill-poplu, anzi kien joħroġ ifittex il-poplu; u ġera mad-dinja kollha, biex jiltaqa’ mal-poplu tiegħu, ifittex il-poplu tiegħu, biex ikun qrib tiegħu. U l-qrubija hi waħda mill-karatteristiċi ta’ kif Alla jimxi mal-poplu tiegħu. Niftakru li l-Mulej lill-poplu tiegħu jgħidlu: “Ara, liema poplu kellu l-allat tiegħu qribu daqskemm hu qrib tiegħek Alla tiegħek?” (ara Dewt 4:7). Qrubija ta’ Alla mal-poplu li mbagħad issir iktar stretta f’Ġesù, tissaħħaħ f’Ġesù. Ragħaj hu qrib tal-poplu, u bil-kontra, jekk mhux qrib mhuwiex ragħaj, hu ġerarka, amministratur, forsi tajjeb, imma mhuwiex ragħaj. Qrubija lejn il-poplu. U San Ġwanni Pawlu II tana l-eżempju ta’ din il-qrubija: qrib tal-kbar u taċ-ċkejknin, qrib dawk tal-qrib u tal-bogħod, dejjem qrib, kien iħobb ikun qrib.

 

It-tielet aspett, l-imħabba lejn il-ġustizzja. Imma l-ġustizzja sħiħa! Bniedem li fittex il-ġustizzja, il-ġustizzja soċjali, il-ġustizzja tal-popli, il-ġustizzja li tkeċċi l-gwerer. Imma l-ġustizzja sħiħa! Għalhekk San Ġwanni Pawlu II kien il-bniedem tal-ħniena, għax ġustizzja u ħniena jmorru flimkien, ma tistax tagħżilhom minn xulxin [fis-sens li tifridhom], huma flimkien: ġustizzja hi ġustizzja, ħniena hi ħniena, imma waħda ma ssibhiex mingħajr l-oħra. U meta naħsbu fil-biedem tal-ġustizzja u tal-ħniena, naħsbu f’kemm għamel San Ġwanni Pawlu II biex in-nies tifhem il-ħniena ta’ Alla. Naħsbu kif hu xerred id-devozzjoni lejn Santa Fawstina [Kowalska] li t-tifkira liturġika tagħha mil-lum sa tkun għall-Knisja kollha. Hu kien ħass li l-ġustizzja ta’ Alla kellha dan il-wiċċ tal-ħniena, dan l-atteġġjament ta’ ħniena. U dan hu don li ħallielna hu: il-ġustizzja-ħniena u l-ħniena ġusta.

 

Nitolbuh illum, biex lilna lkoll, speċjalment lir-ragħajja tal-Knisja, imma lil kulħadd, jagħtina l-grazzja tat-talb, il-grazzja tal-qrubija u l-grazzja tal-ġustizzja-ħniena, ħniena-ġustizzja.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard