QUDDIESA, TBERIK U TQEGĦID TAR-RMIED

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Bażilika ta’ San Pietru

L-Erbgħa 17 ta’ Frar 2021

 

Qed nibdew il-mixja tar-Randan. Dan jiftaħ bil-kelmiet tal-profeta Ġoel, li juruna xi triq għandna nimxu. Hemm stedina ħierġa mill-qalb ta’ Alla, li b’dirgħajh miftuħa beraħ u għajnejh kollha nostalġija qed jitkarrbilna: “Erġgħu duru lejja b’qalbkom kollha” (Ġl 2:12). Erġgħu duru lejja. Ir-Randan huwa vjaġġ lura lejn Alla. Kemm drabi, għax għandna wisq x’nagħmlu jew għax nibqgħu indifferenti, għidnielu: “Mulej, imbagħad niġi għandek wara, stenna… Illum ma nistax, imma għada nibda nitlob u nagħmel xi ħaġa għall-oħrajn”. U hekk jum wara l-ieħor. Issa Alla qed jittallab lill-qalb tagħna. Fil-ħajja dejjem se jkollna x’nagħmlu u skużi xi nġibu, imma, ħuti, illum hu l-waqt it-tajjeb biex nerġgħu lura għand Alla.

 

Erġgħu duru lejja, jgħidilna, b’qalbkom kollha. Ir-Randan hu vjaġġ li jmiss lil ħajjitna kollha, dak kollu li aħna. Huwa ż-żmien biex nivverifikaw it-toroq li mexjin fihom, biex nerġgħu nsibu t-triq li twassalna lura d-dar, biex niskopru mill-ġdid ir-rabta fundamentali ma’ Alla, li minnha jiddependi kollox. Ir-Randan mhuwiex xi ġabra ta’ fjuretti, imma jfisser li ngħarblu lejn fejn hi orjentata qalbna. Din hija l-qalba tar-Randan: lejn fejn sejra qalbi? Nippruvaw nistaqsu lilna nfusna: fejn qed teħodni l-boxxla ta’ ħajti, lejn Alla jew lejja nnifsi? Qed ngħix biex nogħġob lill-Mulej, jew biex niġi nnutat, imfaħħar, ippreferut, inkun fl-ewwel post, u l-bqija? Qalbi “ballerina”, tmidd pass ’il quddiem u ieħor lura, tħobb xi ftit il-Mulej u xi ftit id-dinja, jew għandi qalb imwaqqfa fis-sod f’Alla? Inħossni komdu fl-ipokreziji tiegħi, jew nitqabad biex neħles lil qalbi mill-uċuħ b’oħra u mill-inganni li jżommuha lsira?

 

Il-vjaġġ tar-Randan hu eżodu, hu eżodu mill-jasar għall-ħelsien. Huma erbgħin jum li jfakkru fl-erbgħin sena li fihom il-poplu ta’ Alla vvjaġġa fid-deżert biex jerġa’ lura għall-art oriġinali tiegħu. Imma kemm kienet iebsa għalihom li jħallu l-Eġittu! Kien iktar diffiċli jħallu l-Eġittu tal-qalb tal-poplu ta’ Alla, dak l-Eġittu li kienu jġorru dejjem ġo fihom, milli jħallu l-art tal-Eġittu… Diffiċli ħafna tħalli l-Eġittu. Tul il-mixja dejjem kien hemm it-tentazzjoni li joqogħdu jibku l-basal, li jerġgħu lura, li jorbtu qalbhom mat-tifkiriet tal-imgħoddi, ma’ xi idolu jew ieħor. Anki għalina huwa hekk: il-vjaġġ lura lejn Alla hu mxekkel mir-rabtiet żbaljati tagħna, jinżamm lura mir-rabtiet tal-vizzji li jħajruna, miċ-ċertezzi foloz tal-flus u tad-dehra, mit-tgergir vittimista li jipparalizza. Biex nimxu hemm bżonn nikxfu l-maskri ta’ dawn l-illużjonijiet.

 

Imma nistaqsu ftit lilna nfusna: mela kif għandna nimxu fit-triq lejn Alla? Jgħinuna l-vjaġġi lura li tirrakkontalna l-Kelma ta’ Alla.

 

Inħarsu lejn l-iben il-ħali u nifhmu li mqar għalina hu żmien biex nirritornaw għand il-Missier. Bħal dak l-iben, aħna wkoll insejna l-fwieħa tad-dar, berbaqna ġid prezzjuż fuq ħwejjeġ li ma jiswew xejn u bqajna b’idejna vojta u qalbna mhix kuntenta. Waqajna: aħna wlied li jaqgħu l-ħin kollu, bħal tfal żgħar li jippruvaw jimxu imma jitkaħħlu mal-art, u għandhom bżonn lil missierhom biex kull darba jerġa’ jqajjimhom. Hija l-maħfra tal-Missier li dejjem terġa’ tqajjimna fuq saqajna: il-maħfra ta’ Alla, il-Qrar, hija l-ewwel pass fil-vjaġġ tagħna lura. Kif għidt dwar il-Qrar, ħa jisimgħuni l-konfessuri: kunu bħall-missier, mhux biċ-ċinturin f’idejkom, imma lesti biex tgħannqu.

 

Imbagħad għandna bżonn nirritornaw għand Ġesù, nagħmlu bħal dak il-lebbruż li fieq u reġa’ lura jroddlu ħajr. Kienu għaxra li fiequ, imma hu biss li ġie wkoll salvat, għax kien reġa’ lura għand Ġesù (ara Lq 17:12-19). Ilkoll, ilkoll għandna mardiet spiritwali, waħidna ma nistgħux infejquhom; ilkoll għandna vizzji b’għeruqhom fil-fond, waħidna ma nistgħux inqaċċtuhom; ilkoll għandna biżgħat li jwaħħluna, waħidna ma nistgħux negħlbuhom. Għandna bżonn nixbhu lil dak il-lebbruż, li reġa’ lura għand Ġesù u nxteħet f’riġlejh. Għandna bżon tal-fejqan ta’ Ġesù, jeħtieġ inqegħdulu quddiemu l-ġrieħi tagħna u ngħidulu: “Ġesù, ninsab hawn quddiemek, bid-dnub tiegħi, bil-faqar tiegħi. Inti t-tabib, int tista’ teħlisni. Fejjaqli lil qalbi”.

 

U mill-ġdid: il-Kelma ta’ Alla titlobna nirritornaw għand il-Missier, titlobna nirritornaw għand Ġesù, u aħna msejħin nirritornaw għand l-Ispirtu s-Santu. L-irmied fuq rasna jfakkarna li aħna trab u trab għad nerġgħu nsiru. Imma fuq dan it-trab tagħna Alla nefaħ l-Ispirtu tiegħu tal-ħajja. Allura ma nistgħux ngħaddu ħajjitna niġru wara t-trab, wara ħwejjeġ li llum hawn u għada jgħibu. Nerġgħu lura għand l-Ispirtu, Dak li jagħti l-ħajja, nerġgħu lura għan-Nar li jerġa’ jirxuxtana mill-irmied, għal dak in-Nar li jgħallimna nħobbu. Dejjem trab nibqgħu, imma, kif jgħid innu liturġiku, trab maħbub. Ejjew nerġgħu nibdew nitolbu lill-Ispirtu s-Santu, nerġgħu niskopru n-nar tat-tifħir, li jaħraq l-irmied tat-tgergir u tar-rassenjazzjoni.

 

Ħuti, dan il-vjaġġ lura tagħna lejn Alla hu possibbli biss għax kien hemm il-vjaġġ tiegħu lejna. Inkella ma kienx ikun possibbli. Qabel aħna morna għandu, hu niżel għandna. Ġie qabilna, ġie jiltaqa’ magħna. Għalina hu niżel iżjed fil-baxx milli qatt stajna nimmaġinaw: sar dnub, sar mewt. Dan hu li fakkarna San Pawl: “Dak li ma kienx jaf x’inhu dnub, Alla għamlu dnub għalina” (2 Kor 5:21). Biex ma jitlaqniex waħidna u jimxi magħna fit-triq huwa niżel qalb id-dnub tagħna u l-mewt tagħna, mess id-dnub, mess il-mewt tagħna. Għalhekk il-vjaġġ tagħna hu li nħalluh jaqbdilna jdejna. Il-Missier li qed isejħilna nerġgħu lura hu Dak li joħroġ mid-dar biex jiġi jfittixna; il-Mulej li jfejjaqna hu Dak li ħalla lil min iferih fuq is-salib; l-Ispirtu li jibdlilna ħajjitna hu Dak li jonfoħ bil-qawwa u l-ħlewwa fuq it-trab tagħna.

 

Hawn hi allura s-sejħa tal-Appostlu: “Ħallu li Alla jħabbibkom miegħu” (v. 20). Ħalluh iħabbibkom: il-mixja mhix mibnija fuq il-forzi tagħna; ħadd ma jista’ jitħabbeb ma’ Alla bis-saħħa tiegħu, ma jistax. Il-konverżjoni tal-qalb, bil-ġesti u bil-prattiċi li jesprimuha, hi possibbli biss jekk tibda mill-primat tal-azzjoni ta’ Alla. Dak li jreġġagħna lura għandu mhumiex il-ħiliet u l-merti li niftaħru bihom, imma l-grazzja li nilqgħu mingħandu. Il-grazzja li ssalvana, is-salvazzjoni hi purament grazzja, purament b’xejn. Ġesù dan qalhulna b’mod ċar fil-Vanġelu: dak li jagħmilna ġusti mhuwiex il-ġustizzja li nħaddmu quddiem il-bnedmin, imma r-relazzjoni sinċiera mal-Missier. Il-bidu tat-triq lura lejn Alla hi meta nagħrfu li aħna bżonnu, bżonn tal-ħniena, bżonn tal-grazzja tiegħu. Din hija t-triq it-tajba, it-triq tal-umiltà. Jiena nħossni fil-bżonn jew inħossni kapaċi waħdi?

 

Illum ejjew inbaxxu rasna biex nirċievu l-irmied. Fi tmiem ir-Randan se nitbaxxew iżjed minn hekk biex naħslu riġlejn ħutna. Ir-Randan hu nżul umli fina nfusna u lejn l-oħrajn. Ifisser li nifhmu li s-salvazzjoni mhijiex xi taraġ lejn il-glorja, imma li nitbaxxew għall-imħabba. Ifisser li niċċekknu. F’din il-mixja, biex ma nitilfux ir-rotta, ejjew noqogħdu quddiem is-salib ta’ Ġesù: hu l-katedra siekta ta’ Alla. Inħarsu ta’ kuljum lejn il-pjagi tiegħu, il-pjagi li ħa miegħu fis-Sema u jurihom lill-Missier, ta’ kuljum, fit-talb li bih jidħol għalina quddiemu. Inħarsu ta’ kuljum lejn il-pjagi tiegħu. F’dawk it-toqob nilmħu l-vojt tagħna, in-nuqqasijiet tagħna, il-ġrieħi tad-dnub, id-daqqiet li weġġgħuna. Imma hemm ukoll naraw kif Alla mhux jipponta subgħajh lejna, imma jiftħilna dirgħajh beraħ. Il-ġrieħi tiegħu huma miftuħa għalina u b’dawn il-ġrieħi aħna fiqna (ara 1 Piet 2:25; Iż 53:5). Inbusuhom u nifhmu li proprju hemm, fil-ħofor tal-akbar tbatija fil-ħajja tagħna, Alla qed jistenniena bil-ħniena tiegħu bla tarf. Għaliex hemm, fejn aħna l-iżjed vulnerabbli, fejn hemm l-iktar xi jġagħalna nistħu, hu ġie jiltaqa’ magħna. U issa li ġie jiltaqa’ magħna, qed jistedinna nerġgħu lura lejh, biex insibu mill-ġdid il-ferħ tal-imħabba li għandu għalina.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard