QUDDIESA GĦALL-FIDILI TA’ MYANMAR RESIDENTI RUMA

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Bażilika ta’ San Pietru – Altar tal-Katedra

Solennità tat-Tlugħ fis-Sema – Il-Ħadd 16 ta’ Mejju 2021

 

Fl-aħħar sigħat ta’ ħajtu, Ġesù talab. Fil-mument kiefer tat-tluq tiegħu minn mad-dixxipli tiegħu u minn din id-dinja, Ġesù talab għal ħbiebu. Waqt li f’qalbu u f’ġismu qed iġorr id-dnubiet kollha tad-dinja, Ġesù jissokta jħobbna u jitlob għalina. Mit-talba ta’ Ġesù nitgħallmu aħna wkoll ngħaddu mill-mumenti traġiċi u ta’ tbatija tal-ħajja. Nieqfu b’mod partikulari fuq verb li bih Ġesù jitlob lill-Missier: ħarishom. Għeżież ħuti, waqt li l-pajjiż maħbub tagħkom, il-Myanmar, hu milqut mill-vjolenza, mill-ġlied, mir-ripressjoni, nistaqsu ftit lilna nfusna: x’aħna msejħin inħarsu?

 

Qabelxejn inħarsu l-fidi. Jeħtieġ inħarsu l-fidi biex ma nċedux għall-uġigħ u ma naqgħux fir-rassenjazzjoni ta’ min m’għadux jara triq mnejn joħroġ. Fil-fatt, qabel il-kliem il-Vanġelu jgħinna nikkontemplaw atteġġjament ta’ Ġesù: l-Evanġelista jgħid li xħin kien qed jitlob “refa’ għajnejh lejn is-sema” (Ġw 17:1). Dawn huma l-aħħar sigħat ta’ ħajtu, u qed iħoss il-piż tat-tbatija minħabba l-passjoni li qed toqrob, qed jara d-dalma tal-lejl li se taqa’ fuqu, iħossu ttradut u abbandunat; imma proprju f’dak il-mument, anki f’dak il-mument, Ġesù jerfa’ għajnejh lejn is-sema. Jerfa’ ħarstu lejn Alla. Ma jbaxxix rasu quddiem il-ħażen, ma jħallix it-tbatija tkissru, ma jċedix taħt il-morr ta’ min iħossu mirbuħ u deluż, imma jħares fil-għoli. Dan kien irrakkomandah ukoll lid-dixxipli tiegħu: meta Ġerusalemm kellha tintrebaħ mill-eżerċti u l-popli jkunu f’tensjoni u jaħarbu u jkun hemm biża’ u taħwid kbir, proprju hemm “qawwu qalbkom u erfgħu raskom, għax il-fidwa tagħkom hi fil-qrib” (Lq 21:28). Inħarsu l-fidi jfisser inżommu ħarsitna ’l fuq lejn is-sema waqt li fuq l-art hawn ġlied u tixrid ta’ demm innoċenti. Ifisser li ma nċedux għal-loġika tal-mibegħda u tal-vendetta, imma nibqgħu b’ħarsitna lejn dak Alla tal-imħabba li jsejħilna biex inkunu aħwa bejnietna.

 

It-talb jiftħilna qalbna għall-fiduċja f’Alla anki fil-mumenti ibsin, jgħinna nittamaw kontra kull prova, iweżinna fil-battalja tal-ħajja ta’ kulum. Mhuwiex ħarba, mod kif naħarbu mill-problemi. Għall-kuntrarju, huwa l-unika arma li għandna biex inħarsu l-imħabba u t-tama qalb tant armi li jiżirgħu l-mewt. Mhux faċli nerfgħu ħarsitna ’l fuq meta qed inbatu, imma l-fidi tgħinna negħlbu t-tentazzjoni li ningħalqu fina nfusna! Aktarx inkunu rridu nipprotestaw, ngħajtu bl-uġigħ tagħna anki lil Alla: ma rridux nibżgħu, għax anki dan huwa talb. Waħda anzjana qalet hekk lin-neputijiet tagħha: “Anki li tirrabja ma’ Alla jista’ jkun talba”; l-għerf tal-ġusti u tas-sempliċi, li jafu jerfgħu għajnejhom fil-mumenti diffiċli… F’ċerti mumenti, hija talba li Alla jilqa’ iżjed mill-oħrajn għax titwieled minn qalb miġruħa, u l-Mulej dejjem jagħti widen għall-karba tal-poplu tiegħu u jixxottalu d-dmugħ tiegħu. Għeżież ħuti, la tieqfu qatt tħarsu fil-għoli. Ħarsu l-fidi!

 

It-tieni aspett tal-ħarsien: inħarsu l-għaqda. Ġesù jitlob lill-Missier biex lid-dixxipli tiegħu jħarsihom fl-għaqda. Biex ikunu “ħaġa waħda” (Ġw 17:21), familja waħda fejn isaltnu l-imħabba u l-fraternità. Hu kien jafha l-qalb tad-dixxipli tiegħu; kultant kien rahom jiddiskutu fuq min kellu jkun l-ikbar, min kellu jikkmanda. Din hi marda qattiela: il-firda. Induquha fil-qalb tagħna, għax spiss aħna maqsumin anki fina nfusna; induquha fil-familji, fil-komunitajiet, fost il-popli, saħansitra fil-Knisja. Ħafna huma d-dnubiet kontra l-għaqda: il-mibegħda, l-għira, it-tiftix tal-interessi personali flok tal-ġid ta’ kulħadd, il-ġudizzji kontra l-oħrajn. U dawn il-kunflitti żgħar li għandna bejnietna mbagħad jirriflettu fuq il-kunflitti l-kbar, bħal dak li għaddej minnu f’dawn il-jiem pajjiżkom. Meta l-interessi ta’ naħa, l-għatx għall-profitt u għall-poter jieħdu s-sopravvent huma, ifaqqgħu dejjem tilwim u firdiet. L-aħħar rakkomandazzjoni li jagħmel Ġesù qabel l-Għid tiegħu hi dwar l-għaqda. Għax il-firda ġejja mix-xitan li hu dak li jifred u jaqsam, l-ikbar giddieb li dejjem jifred.

 

Aħna msejħin inżommu sħiħa l-għaqda, nieħdu bis-serjetà din it-talba ħerqana ta’ Ġesù lill-Missier: li nkunu ħaġa waħda, insawru familja, ikollna l-kuraġġ ngħixu rabtiet ta’ ħbiberija, ta’ mħabba, ta’ fraternità. U kemm għandna bżonn, fuq kollox illum, tal-fraternità! Naf li xi sitwazzjonijiet politiċi u soċjali huma ikbar minnkom, imma t-tħabrik għall-paċi u l-fraternità dejjem minn isfel jitwieled: kull wieħed u waħda, fiċ-ċokon tiegħu, jista’ jagħmel il-parti tiegħu. Kull wieħed jista’ jħabrek biex ikun, fiċ-ċokon tiegħu, bennej tal-fraternità, biex ikun dak li jiżra’ l-fraternità, jaħseb biex jerġa’ jibni dak li tfarrak flok ma jrewwaħ aktar vjolenza. Aħna dan imsejħin nagħmlu, anki bħala Knisja: nippromovu d-djalogu, ir-rispett għall-oħrajn, il-ħarsien ta’ ħutna, il-komunjoni! U ma nħallux li fil-Knisja tidħol il-loġika tal-partiti, il-loġika li taqsam, il-loġika li tqiegħed fiċ-ċentru lil kull wieħed u waħda minna, u tarmi lill-oħrajn. Dan jeqred: jeqred il-familja, jeqred il-Knisja, jeqred is-soċjetà, jeqred lilna stess.

 

Fl-aħħar nett, it-tielet ħaġa, inħarsu l-verità. Ġesù jitlob lill-Missier jikkonsagra fil-verità lid-dixxipli tiegħu, li hu jibgħat fid-dinja biex ikomplu l-missjoni tiegħu. Inħarsu l-verità ma jfissirx niddefendu l-ideat, jew insiru gwardjani ta’ sistema ta’ duttrini u ta’ dommi, imma li nibqgħu marbutin ma’ Kristu u nkunu kkonsagrati għall-Vanġelu tiegħu. Il-verità, fil-lingwaġġ tal-Appostlu Ġwanni, hija Kristu stess, rivelazzjoni tal-imħabba tal-Missier. Ġesù jitlob biex, għalkemm qed jgħixu fid-dinja, id-dixxipli ma jimxux skont il-kriterji ta’ din id-dinja. Li ma jitkaxkrux mis-seħer tal-idoli, imma jħarsu l-ħbiberija miegħu; li ma jċedux il-Vanġelu għal-loġika umana u mondana, imma jħarsu b’mod integru l-messaġġ tiegħu. Inħarsu l-verità jfisser inkunu profeti fis-sitwazzjonijiet kollha tal-ħajja, jiġifieri nkunu kkonsagrati għall-Vanġelu u nsiru xhieda tiegħu anki meta dan jiswielna l-prezz li mmorru kontra l-kurrent. Xi drabi, aħna l-Insara nfittxu l-kompromess, imma l-Vanġelu jitlob minna li nkunu fil-verità u għall-verità, nagħtu ħajjitna għal xulxin. U fejn hemm il-gwerra, il-vjolenza, il-mibegħda, li nkunu fidili għall-Vanġelu u bennejja tal-paċi jfisser inħabirku, anki bl-għażliet soċjali u politiċi, u nirriskjaw ħajjitna. Hekk biss l-affarijiet jistgħu jinbidlu. Il-Mulej m’għandux bżonn ta’ nies beżżiegħa: iridna kkonsagrati fil-verità u fil-ġmiel tal-Vanġelu, biex nistgħu nagħtu xhieda tal-ferħ tas-Saltna ta’ Alla anki fil-lejl mudlam tat-tbatija u meta l-ħażen jidher iktar b’saħħtu.

 

Għeżież ħuti, illum nixtieq intella’ fuq l-altar tal-Mulej it-tbatijiet tal-poplu tagħkom u nitlob magħkom biex Alla jdawwar il-qlub ta’ kulħadd lejn il-paċi. It-talba ta’ Ġesù tgħinna nħarsu l-fidi anki fil-mumenti ibsin, inkunu bennejja tal-għaqda, nirriskjaw ħajjitna għall-verità tal-Vanġelu. Nitlobkom, la titilfux it-tama: Ġesù llum ukoll jitlob lill-Missier, juri lill-Missier, fit-talb tiegħu, il-pjagi li bihom ħallas għas-salvazzjoni tagħna; b’din it-talba Ġesù jitlob u jinterċedi għalina lkoll, biex iħarisna mill-ħażen u jeħlisna minn taħt is-setgħa tal-ħażen.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard