JUM DINJI DEDIKAT LILL-FQAR

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Bażilika Vatikana
XXXIII Ħadd taż-Żmien matul is-sena,

15 ta’ Novembru 2020

 

Il-parabbola li smajna għandha bidu, ċentru u tmiem, li jagħtuna dawl fuq il-bidu, iċ-ċentru u t-tmiem ta’ ħajjitna.

Il-bidu. Kollox jibda minn ġid kbir: is-sid ma jżommx il-ġid tiegħu għalih innifsu, imma jagħtih lill-qaddejja; lil min tah ħamsa, lil min tnejn, lil min talent wieħed, “skont il-ħila ta' kull wieħed” ( Mt 25:15). Jikkalkulaw li talent wieħed jiswa daqs il-paga ta’ madwar għoxrin sena xogħol: kien ġid kbir wisq, li kien biżżejjed biex iserviehom ħajjithom kollha. Hawn hu l-bidu: għalina wkoll kollox beda bil-grazzja ta’ Alla – kollox u dejjem jibda bil-grazzja, mhux bil-ħila tagħna - bil-grazzja ta’ Alla li hu Missier u li ħalla tant ġid f’idejna, billi afda lil kull wieħed b’talenti differenti. Aħna dawk li nġorru magħna ġid kbir, li ma jiddependix minn kemm għandna affarijiet, imma minn dak li aħna: mill-ħajja li rċevejna, mit-tajjeb li hemm fina, mis-sbuħija kbira li biha Alla żejjinna, għax aħna xbieha tiegħu, kull wieħed minna huwa prezzjuż f'għajnejh, kull wieħed minna huwa uniku u irripetibbli fl-istorja! Hekk iħares lejna Alla, hekk iħossu magħna Alla.

Kemm huwa importanti li niftakruh dan: bosta drabi, meta nħarsu lejn ħajjitna, naraw biss dak li jonqosna u ngergru dwar dak li jonqosna. Mela ejjew ma nċedux għat-tentazzjoni tal- “kieku! ... : “kieku kelli dak ix-xogħol, kieku kelli dik id-dar, kieku kelli l-flus u s-suċċess, kieku ma kellix dik il-problema, kieku kelli nies aħjar madwari! ... Imma l-illużjoni tal- “kieku” ma tħalliniex naraw it-tajjeb, u ġġiegħelna ninsew it-talenti li għandna. Iva veru, inti m'għandekx dak , imma għandek dan, u l- “kieku” iġagħlek tinsa dan. Imma Alla fdahom f’idejna għax jaf lil kull wieħed minna u jaf x’aħna kapaċi nagħmlu; huwa jafda fina, minkejja d-dgħufijiet tagħna. Jafda wkoll f’dak il-qaddej li jaħbi t-talent: Alla jittama li, minkejja l-biża’tiegħu, hu wkoll juża tajjeb dak li rċieva. Insomma, il-Mulej jitlobna biex nużaw iż-żmien li għandna f’idejna issa, mingħajr ma noqogħdu naħsbu fil-passat, u hekk nistennew ħabrieka li hu jiġi lura. Li noqogħdu naħsbu fil-passat hija bħal burdata kerha, burdata sewda li tivvelena r-ruħ u li ġġiegħlna dejjem inħarsu lura, dejjem inħasu lejn ħaddieħor, imma qatt ma nħasu lejn idejna stess, lejn l-opportunitajiet ta’ xogħol li tana l-Mulej, skont iċ-ċirkustanzi tagħna ..., anke fil-faqar tagħna.

Hekk wasalna fiċ- ċentru tal-parabbola: li huwa xogħol il-qaddejja, jiġifieri  il-qadi. Xogħolna huwa li naqdu, għax il-qadi jġiegħel lit-talenti jħallu l-frott u jagħti sens lil ħajjitna: fil-fatt, min ma jgħix biex jaqdi, ftit ikun jiswa f’din il-ħajja. Irridu nirrepetuh dan, u niirrepetuh ta’ spiss: dawk li ma jgħixux biex jaqdu, ftit jiswew f’din il-ħajja. Jeħtieġ nimmeditaw fuq dan: dawk li ma jgħixux biex jaqdu ftit jiswew f’din il-ħajja. Imma x’inhu l-istil tal-qadi? Fil-Vanġelu, il-qaddejja tajbin huma dawk li jirriskjaw. Ma joqogħdux b’idejhom fuq żaqqhom jew dejjem iħarsu, ma jżommux għalihom dak li rċevew, iżda jużawh. Għax it-tajjeb, jekk ma tinvestihx, jintilef; għax il-kobor ta’ ħajjitna ma jiddependix fuq kemm inwarrbu ġid, imma fuq kemm nagħmlu frott. Kemm nies igħaddu ħajjithom dejjem iġemmgħu, jaħsbu biss biex ikunu komdi huma iktar milli biex jagħmlu l-ġid lill-oħrajn . Imma kemm hi vojta l-ħajja ta’ min moħħu biss fil-bżonnijiet tiegħu,  mingħajr ma jħares lejn dawk in-nies li huma fil-bżonn! Jekk aħna għandna talenti u doni, dan biex aħna nsiru don għal ħaddieħor. U hawn, għeżież ħuti, ejjew nistaqsu lilna nfusna l-mistoqsija: jien moħħi bil-bżonnijiet tiegħi biss, jew kapaċi nħares lejn in-nies li huma fil-bżonn? U min hu l-bniedem fil-bżonn? Idejja huma hekk [jiftaħ idejh] jew hekk [jagħlaq idejh]?

Nixtieq nenfasizza li dawk il-qaddejja li jinvestu, li jirriskjaw, jissejħu “fidili” għal erba’ darbiet (Vv. 21.23). Skont il-Vanġelu m’hemm l-ebda fedeltà mingħajr riskju. “Imma, father, li tkun Nisrani jfisser li tirriskja?” - “Iva, għeżież, tirriskja. Jekk ma tirriskjax, tispiċċa bħala t-tielet wieħed: tidfen il-kapaċitajiet tiegħek, ir-rikkezzi spiritwali u materjali tiegħek, kollox”. Tirriskja: m’hemm l-ebda fedeltà mingħajr riskju. Li tkun fidil lejn Alla huwa li tiddedika ħajtek, huwa li tħalli l-pjanijiet tiegħek jitħawdu minħabba dawk li inti taqdi. “Jien ippjanajt hekk, imma jekk hemm bżonn naqdi ...”. Ħalli l-pjanijiet tiegħek jitħawdu, biss inti aqdi. Hija ħasra meta tara nisrani jilgħab fuq id-difiża, billi jżomm biss mar-regoli u josserva l-kmandamenti. Dawk l-insara li moħħhom biex ikejlu, li qatt ma joħorġu ʼl barra mir-regola, qatt, għax jibżgħu mir-riskju. U dawn, ippermettuli l-kelma, dawn li moħħhom biss fihom infushom u qatt  ma jirriskjaw, dawn jibdew fil-ħajja proċess ta’ mummifikazzjoni tar-ruħ, u jispiċċaw qishom mummji. Imma dan mhux biżżejjed, mhux biżżejjed li tosserva r-regoli; il-fedeltà lejn Ġesù mhijiex biss ma tagħmilx żbalji, din hija xi ħaġa negattiva. Hekk ħaseb il-qaddej għażżien tal-parabbola: nieqes mill-inizjattiva u l-kreattività, inħeba  wara biża’ għal xejn, u difen, ħeba t-talent li rċieva. Is-sid lil dan il-qaddej iddeskrivih bħala qaddej “ħażin” (v. 26). Madankollu fir-realtà hu m’għamel xejn ħażin! Iva, veru, imma ma għamel xejn tajjeb. Huwa pprefera li jidneb billi ma jagħmel xejn, milli jirriskja li jagħmel l-iżbalji. Ma kienx fidil lejn Alla, li jħobb jagħti lilu nnifsu; u għamel l-agħar offiża: li jagħtih lura t-telent li rċieva. “Int tajtni dan, jiena nagħtik dan”, u xejn iżjed. Minflok, il-Mulej jistedinna biex nagħtu lilna nfusna b’mod ġeneruż, biex nirbħu l-biża’ bil-kuraġġ tal-imħabba, biex negħilbu l-passività li mbagħad issir kompliċità. Illum, f’dawn iż-żminijiet ta’ inċertezza, f’dawn iż-żminijiet ta’ dgħufija, ma naħlux ħajjitna naħsbu biss fina nfusna, b’dik l-attitudni ta’ indifferenza. U ma nilludux ruħna billi ngħidu: “Sliem u mistrieħ!” (1 Tess 5.3). San Pawl jistedinna nħarsu wiċċ imb’wiċċ lejn ir-realtà, biex ma nħallux lilna nfusna niġu nfettati mill-indifferenza.

Allura kif se naqdu skont kif jixtieq Alla? Is-sid jispjega dan lill-qaddej infidil: “Kien imissek mort tqiegħed flusi fil-bank, biex meta niġi lura kont immur niġbidhom bl-imgħax” (v. 27). U min huma dawn il-“bankiera” għalina, li kapaċi jagħtuna imgħax li jibqa’ għal dejjem? Dawn huma l -fqar. Tinsewx: il-fqar jinsabu fiċ-ċentru tal-Vanġelu; ma tistax tifhem il-Vanġelu mingħajr il-fqar. Il-fqar jinsabu fl-istess persuna ta’ Ġesù, li, hu li kien għani, ġab fix-xejn lilu nnifsu, għamel lilu nnifsu fqir, għamel lilu nnifsu dnub, li huwa l-agħar faqar.  Il-fqar jiggarantulna li jkollna dħul anke fl-eternità, u li sa minn issa stess insiru iktar sinjuri fl-imħabba. Għax l-ikbar faqar li għandna niġġieldu huwa l-faqar tagħna ta’ mħabba. L-ikbar faqar li għandna niġġieldu huwa l-faqar tagħna ta’ mħabba. Il-Ktieb tal-Proverbji jfaħħar lil dik il-mara ħabrieka fl-imħabba, li l-valur tagħha huwa akbar mill-perli; għandna nimitawha lil din il-mara, li kif tgħid il-Bibbja, “tiftaħ idha lejn il-fqir” ( Prov 31.20): dan huwa l-ġid kbir li għandha din il-mara. Iftaħ idek lejn dawk li huma fil-bżonn, minflok li toqgħod tippretendi li jkollok dak li m'għandekx: b’hekk int tkattar it-talenti li rċevejt.

Riesaq żmien il-Milied, iż-żmien tal-festi. Ħafna drabi, il-mistoqsija li jistaqsu ħafna nies hija: “X’se nixtri? X’jista’ jkolli aktar? Għandi bżonn immur fil-ħwienet biex nixtri ”. Ejjew ngħidu l-kelma l-oħra: “X'nista’ nagħti lil ħaddieħor?”. Biex tkun bħal Ġesù, li ta lilu nnifsu u twieled f’dak il-presepju.

B’hekk wasalna fit-tmiem tal-parabbola: se jkun hemm min ikollu ħafna, u se jkun hemm min kellu ħafna imma ħela ħajtu, u jibqa’ fqir (ara v. 29). Fl-aħħar ta’ ħajjitna naraw ir-realtà: il-pretensjonijiet tad-dinja kollha jisparixxu, għax id-dinja tgħidlek li s-suċċess, il-poter u l-flus jagħtu sens lil ħajjitna. Mentri mbagħad nindunaw li hija l-imħabba, dak li nkunu tajna, li narawh bħala l-vera ġid li jkollna. Dawk l-affarijiet kollha jispiċċaw, l-imħabba biss tibqa’. Wieħed mill-Missirijiet kbar tal-Knisja kiteb: “Hekk jiġri fil-ħajja: wara li tkun waslet il-mewt u jintemm l-ispettaklu, kulħadd ineħħi l-maskra tar-rikkezza u tal-faqar u kulħadd iħalli din id-dinja. U jkunu ġudikati biss fuq dak li jkunu għamlu, uħud verament sinjuri, oħrajn fqar”. (San Ġwann Kriżostmu, Diskorsi dwar il-fqir Lazzru, II, 3). Jekk ma rridux ngħixu fil-faqar, nitolbu l-grazzja li naraw lil Ġesù fil-fqar, li naqdu lil Ġesù fil-fqar.

Nixtieq nirringrazzja lil ħafna qaddejja leali ta’ Alla, li ħadd ma jitkellem dwarhom, imma jgħixu hekk, jaqdu. Qed naħseb, pereżempju, f'Don Roberto Malgesini. Dan is-saċerdot ma kienx jgħix fit-teoriji; huwa sempliċement ra lil Ġesù fil-fqar u ra kemm fiha sens il-ħajja meta taqdi. Kien jixxotta d-dmugħ bil-ħlewwa, u dan għamlu f’isem Alla li jfarraġ. Il-bidu tal-ġurnata tiegħu kien it-talb, biex jilqa’ d-don ta’ Alla; iċ-ċentru tal-ġurnata tiegħu kienet il-karità, biex l-imħabba li hu rċieva tħalli l-frott; it-tmiem, kien xhieda ċara tal-Vanġelu. Dan ir-raġel fehem li kellu jiftaħ idu ma’ tant fqar li kien jiltaqa’ magħhom kuljum, għax f’kull wieħed minnhom kien jara lil Ġesù. Ħuti, ejjew nitolbu l-grazzja li ma nkunux insara bil-paroli, imma bil-fatti. Biex nagħtu l-frott, kif jixtieq Ġesù. Hekk ikun.

 

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Fr Roy Galdes