JUM DINJI TAL-FOQRA

QUDDIESA

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Bażilika ta’ San Pietru

It-XXXIII Ħadd ta’ Matul is-Sena, 14 ta’ Novembru 2021

 

Ix-xbihat li uża Ġesù, fl-ewwel parti tal-Vanġelu tal-lum, iħalluna mifxula: ix-xemx tiddallam, il-qamar ma jibqax jitfa’ dawl, il-kwiekeb jaqgħu u l-qawwiet tas-sema jitħawdu  (ara Mk 13:24-25). Imma ftit wara l-Mulej jiftħilna qalbna għat-tama: proprju f’dak il-mument ta’ dalma sħiħa, jiġi l-Iben ta’ Alla (ara v. 26); u fil-preżent diġà nistgħu nikkontemplaw is-sinjali tal-miġja tiegħu, bħal meta naraw siġra tat-tin li tibda tarmi l-weraq għax is-sajf hu fil-qrib (ara v. 28).

 

Dan il-Vanġelu allura jgħinna naqraw l-istorja minn żewġ aspetti: it-tbatija tal-lum u t-tama ta’ għada. Minn naħa, hemm evokati l-kontradizzjonijiet kollha ta’ tbatija li fihom ir-realtà umana tibqa’ mgħaddsa f’kull żmien; mill-oħra, hemm il-futur ta’ salvazzjoni li hemm jistennieha, jiġifieri l-laqgħa mal-Mulej li ġej, biex jeħlisna minn kull ħażen. Ejjew inħarsu lejn dawn iż-żewġ aspetti bil-ħarsa ta’ Ġesù.

 

L-ewwel aspett: it-tbatija tal-lum. Ninsabu fi storja mmarkata minn tiġrib, vjolenzi, tbatijiet u inġustizzji, fl-istennija ta’ ħelsien li donnu mhu se jasal qatt. Fuq kollox, il-miġruħa, il-magħkusa u xi kultant l-imgħaffġa huma l-foqra, il-ħoloq l-aktar dgħajfa tal-katina. Il-Jum Dinji tal-Foqra, li qed niċċelebraw, jitlobna ma ndawrux wiċċna band’oħra, ma nibżgħux inħarsu mill-qrib f’wiċċ it-tbatija tal-iktar dgħajfa, li għalihom il-Vanġelu tal-lum hu attwali ħafna: ix-xemx ta’ ħajjithom spiss hi mdallma mis-solitudni, il-qamar tat-tamiet tagħhom hu mitfi; il-kwiekeb tal-ħolm tagħhom waqgħu fir-rassenjazzjoni u l-istess ħajja tagħhom hi mqallba ta’ taħt fuq. Dan kollu minħabba l-faqar li spiss ikollhom iġarrbu, vittmi tal-inġustizzja u tan-nuqqas ta’ ugwaljanza f’soċjetà tal-iskart, li għaddejja mgħaġġla mingħajr ma tarahom u li titlaqhom bla ebda skruplu għad-destin tagħhom.

 

Mill-banda l-oħra, imma, hemm it-tieni aspett: it-tama ta’ għada. Ġesù jrid jiftħilna qalbna għat-tama, jeħlisna mit-tbatija u mill-biża’ quddiem l-uġigħ tad-dinja. Għalhekk jistqarr li, proprju waqt li x-xemx tiddallam u kollox donnu ħa jispiċċa, hu jinsab qrib tagħna. Fl-uġigħ tal-istorja ta’ tbatija tagħna, hemm futur ta’ salvazzjoni li qed tibda twarrad. It-tama ta’ għada twarrad fit-tbatija tal-lum. Iva, is-salvazzjoni ta’ Alla mhijiex biss wegħda għall-ħajja l-oħra, imma tikber diġà minn issa fl-istorja miġruħa tagħna – għandna qalbna marida, kollha kemm aħna –, issib triqtha qabel l-oppressjonijiet u l-inġustizzji tad-dinja. Proprju qalb l-ilfiq tal-foqra, is-Saltna ta’ Alla twarrad bħall-weraq irqiq ta’ siġra u twassal lill-istorja lejn id-destinazzjoni tagħha, lejn il-laqgħa aħħarija mal-Mulej, is-Sultan tal-Univers li se jeħlisna darba għal dejjem.

 

U hawn nistaqsu: x’inhu mitlub minna l-Insara quddiem din ir-realtà? Hu mitlub minna li nżommu ħajja t-tama ta’ għada billi nfejqu t-tbatija tal-lum. Dawn huma marbuta ma’ xulxin: jekk int ma tfittixx li tfejjaq it-tbatijiet tal-lum, diffiċilment se jkollok it-tama ta’ għada. It-tama li titwieled mill-Vanġelu, fil-fatt, ma tikkonsistix f’li noqogħdu nistennew passivament li għada l-affarijiet ikunu aħjar, għax dan mhux possibbli, imma tfisser li nagħmlu konkreta llum il-wegħda ta’ salvazzjoni ta’ Alla. Illum, ta’ kuljum. It-tama Nisranija fil-fatt mhijiex l-ottimiżmu hieni, jew aħjar, l-ottimiżmu adolexxenzjali, ta’ min jittama li l-affarijiet ħa jinbidlu u sadattant jibqa’ għaddej b’ħajtu, imma tfisser li ta’ kuljum nibnu, b’ġesti konkreti, is-Saltna tal-imħabba, tal-ġustizzja u tal-fraternità li nieda Ġesù. It-tama Nisranija, ngħidu aħna, ma ġietx miżrugħa mil-Levita jew mis-saċerdot li baqgħu għaddejjin minn quddiem dak ir-raġel midrub mill-ħallelin. Inżergħet minn barrani, minn Samaritan li waqaf u għamel dak il-ġest (ara Lq 10:30-35). U llum qisha l-Knisja qed tgħidilna: “Ieqaf u iżra’ t-tama qalb il-faqar. Ersaq qrib tal-foqra u iżra’ t-tama”. It-tama ta’ dik il-persuna, it-tama tiegħek u t-tama tal-Knisja. Dan li hu mitlub minna: li nkunu, qalb it-tifrik ta’ kuljum tad-dinja, bennejja bla heda tat-tama; li nkunu dawl meta x-xemx tiddallam; li nkunu xhieda ta’ ħniena meta madwarna ssaltan id-distrazzjoni; li nkunu nies li nħobbu u aħna attenti qalb tant indifferenza mifruxa. Xhieda tal-ħniena. Qatt ma nistgħu nagħmlu l-ġid mingħajr ma ngħaddu għall-ħniena. L-iktar l-iktar inkunu qed nagħmlu affarijiet tajbin, imma li ma jmissux it-triq Nisranija għax ma jmissux il-qalb. Dak li jmiss il-qalb hija l-ħniena: nersqu qrib, inħennu u nagħmlu ġesti ta’ ħlewwa. Dan hu sewwasew l-istil ta’ Alla: qrubija, ħniena u ħlewwa. Dan hu mitlub minna llum.

 

Dan l-aħħar reġa’ ġie f’moħħi dak li kien iħobb jirrepeti Isqof qrib tal-foqra, u fqir fl-ispirtu hu stess, Dun Tonino Bello: “Ma nistgħux nillimitaw ruħna għal li noqogħdu nittamaw, jeħtieġ norganizzaw it-tama”. Jekk it-tama tagħna ma titlaħħamx f’għażliet u ġesti konkreti ta’ attenzjoni, ġustizzja, solidarjetà, għożża għad-dar komuni, ma nkunux nistgħu nserrħu lill-foqra mit-tbatijiet tagħhom, l-ekonomija tal-iskart li qed iġġagħalhom jgħixu fit-trufijiet ma tistax tinbidel, it-tamiet tagħhom ma jistgħux iwarrdu mill-ġdid. Lilna, speċjalment lilna l-Insara, imissna li norganizzaw it-tama – sabiħa din l-espressjoni ta’ Tonino Bello: norganizzaw it-tama –, nittraduċuha f’ħajja konkreta ta’ kuljum, fir-relazzjonijiet umani, fl-impenn soċjali u politiku. Qed naħseb fil-ħidma li jwettqu tant Insara bl-opri ta’ karità, ix-xogħol tal-Elemożinerija Appostolika… X’jagħmlu hemm? Jorganizzaw it-tama. Mhux iqassmu l-muniti, le, jorganizzaw it-tama. Din hi dinamika li llum qed titlob minna l-Knisja.

 

Hemm xbieha tat-tama li Ġesù qed joffrilna llum. Hija sempliċi u indikattiva fl-istess ħin: hija x-xbieha tal-weraq tas-siġra tat-tin, li tikber bla ma tagħmel storbju, u hekk juru li s-sajf hu fil-qrib. U dawn il-weraq jidhru, jgħid Ġesù, meta l-fergħa tibda tirtab (ara Mk 13:28). Ħuti, hawn hi l-kelma li twarrad it-tama fid-dinja u ttaffi t-tbatija tal-foqra: il-ħlewwa. Ħniena li twasslek għall-ħlewwa. Minna jrid jiġi li negħlbu l-għeluq, ir-riġidità interjuri, li hi t-tentazzjoni tal-lum, tar-“restawrazzjonisti” li jridu Knisja kollha fl-ordni, kollha riġida: l-Ispirtu s-Santu mhuwiex hekk. U aħna rridu negħlbuh dan, u nwarrdu t-tama qalb din ir-riġidità. U minna jrid jiġi wkoll li negħlbu t-tentazzjoni li nagħtu kas biss tal-problemi tagħna, biex inrattbu qlubna quddiem it-traġedji tad-dinja, biex nikkumpatixxu t-tbatija. Bħall-weraq tas-siġra, aħna msejħin nassorbu t-tinġis li għandna madwarna u nibdluh f’tajjeb: mhux biżżejjed noqogħdu nitkellmu fuq il-problemi, noħolqu polemiċi, niskandalizzaw ruħna – dan kulħadd jaf jagħmlu –; li hemm bżonn hu li nkunu nixbhu lill-weraq, li bla ma jagħtu fil-għajn, ta’ kuljum jibdlu l-arja maħmuġa f’waħda nadifa. Ġesù jridna “konvertituri tat-tajjeb”: persuni li, mgħaddsa fl-arja peżanti li lkoll nieħdu n-nifs fiha, iwieġeb għall-ħażen bit-tajjeb (ara Rum 12:21). Persuni li jaġixxu: jaqsmu l-ħobż mal-imġewħin, iħabirku għall-ġustizzja, jerfgħu lill-foqra u jroddulhom id-dinjità tagħhom, kif għamel dak is-Samaritan.

 

Kemm tkun sabiħa, evanġelika, żagħżugħa Knisja li toħroġ minnha nfisha u, bħal Ġesù, tħabbar il-Bxara t-tajba lill-foqra (ara Lq 4:18). Ħa nieqaf fuq dak l-aġġettiv, l-aħħar wieħed: hi żagħżugħa Knisja hekk; iż-żgħożija li tiżra’ t-tama. Din hi Knisja profetika, li bil-preżenza tagħha tgħid lil dawk ta’ qalbhom maqtugħa u lill-mormija tad-dinja: “Kuraġġ, il-Mulej hu fil-qrib, anki għalik hemm sajf li jixref fil-qalba tax-xitwa. Minn qalb it-tbatija tiegħek ukoll tista’ terġa’ tfiġġ it-tama”. Ħuti, ejjew inwasslu din il-ħarsa ta’ tama lid-dinja. Inwassluha bil-ħlewwa lill-foqra, bi qrubija, bi ħniena, mingħajr ma niġġudikawhom – aħna li qed niġu ġġudikati –. Għax hemm, qrib tagħhom, qrib tal-foqra hemm Ġesù; għax hemm, fihom hemm Ġesù, li qed jistenniena.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard