QUDDIESA FIS-SOLENNITÀ

TAL-ĠISEM U D-DEMM IMQADDES TAL-MULEJ

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

 

Bażilika ta’ San Pietru Altar tal-Katedra

Il-Ħadd 14 ta’ Ġunju 2020

 

“Ftakar fil-mixja kollha li mexxiek il-Mulej, Alla tiegħek” (Dewt 8:2). Ftakar: b’din l-istedina ta’ Mosè fetħet illum il-Kelma ta’ Alla. Ftit wara Mosè reġa’ qal: “Qis li ma tinsiex il-Mulej, Alla tiegħek” (ara v. 14). L-Iskrittura ngħatatilna biex ma ninsewx lil Alla. Kemm hu importanti nagħmlu memorja meta nitolbu! Kif jgħallimna s-Salm, li jgħid: “Imbagħad niftakar f’għemilek, Mulej; naħseb fl-għeġubijiet li għamilt fl-imgħoddi” (77:12). Anki l-għemejjel kbar u l-għeġubijiet li l-Mulej għamel fl-istess ħajja tagħna.

 

Essenzjali li niftakru fil-ġid li rċivejna: jekk ma nagħmlux memorja, insiru barranin għalina nfusna, “passiġġiera” fil-ħajja; jekk ma nagħmlux memorja, ninqalgħu mill-għeruq tal-art li tagħtina l-ħajja u nħallu r-riħ ikaxkarna miegħu bħal weraq. Imma meta nagħmlu memorja nkunu nerġgħu ningħaqdu mar-rabtiet l-aktar qawwija, inkunu nħossuna parti minn storja, u nieħdu n-nifs flimkien ma’ poplu. Il-memorja mhijiex xi ħaġa privata, hija t-triq li tgħaqqadna ma’ Alla u mal-oħrajn. Għalhekk fil-Bibbja t-tifkira tal-Mulej tgħaddi minn nisel għall-ieħor, tiġi rrakkontata minn missier lil ibnu, kif tgħid silta sabiħa ħafna: “‘X’inhuma dawn il-preċetti […] li takom il-Mulej, Alla tagħna?’, int twieġeb lil ibnek: ‘Konna lsiera […]’ – l-istorja kollha tal-jasar – u l-Mulej għamel quddiem għajnejna sinjali u għeġubijiet kbar’” (Dewt 6:20-22). Int tgħaddi din il-memorja lil ibnek.

 

Imma hemm problema: u jekk il-katina tat-trasmissjoni tat-tifkiriet titkisser? U mbagħad, kif jista’ wieħed ifakkar dak li sema’ bih, imma qatt ma għamel esperjenza tiegħu? Alla jaf kemm hu diffiċli, jaf kemm hi dgħajfa l-memorja tagħna, u għalina wettaq xi ħaġa li qatt ma dehret bħalha qabel: ħallielna memorjal. Ma ħallilniex biss kliem, għax faċli wieħed jinsa dak li jkun sema’. Ma ħallilniex biss l-Iskrittura, għax faċli ninsew dak li nkunu qrajna. Ma ħallilniex biss sinjali, għax tista’ tinsa mqar dak li tkun rajt. Tana Ikel, għax togħma tajba diffiċli ninsewha. Ħallielna Ħobż li fih hemm hu, ħaj u veru, bit-togħma kollha ta’ mħabbtu. Aħna u nirċevuh nistgħu ngħidu: “Dan hu l-Mulej, ftakar fija!”. Għalhekk Ġesù  talabna: “Agħmlu dan b’tifkira tiegħi” (1 Kor 11:24). Agħmlu: l-Ewkaristija mhijiex sempliċi tifkira, hija fatt: hija l-Għid tal-Mulej li jerġa’ jgħixu għalina. Fil-Quddiesa l-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù qegħdin quddiem għajnejna. Agħmlu dan b’tifkira tiegħi: inġabru u bħala komunità, bħala poplu, bħala familja, iċċelebraw l-Ewkaristija biex tiftakru fija. Ma nistgħux ma nagħmluhx dan, huwa l-memorjal ta’ Alla. U jfejjaq il-memorja miġruħa tagħna.

 

Ifejjaq fuq kollox il-memorja ltima tagħna. Aħna qed ngħixu fi żmien ta’ tant nies iltiema. Hu jfejjaq il-memorja ltima. Ħafna għandhom il-memorja tagħhom immarkata minn nuqqas ta’ mħabba u minn delużjonijiet qawwija, li rċivewhom minn min messu wriehom imħabba u minflok għamel lil qalbhom iltima. Ikunu jixtiequ jerġgħu lura u jibdlu l-passat, imma ma jistgħux. Imma Alla jista’ jfejjaq dawn il-ġrieħi, billi jqiegħed fil-memorja tagħna mħabba ikbar: dik tiegħu. L-Ewkaristija twasslilna l-imħabba fidila tal-Missier, li jfejjaq il-qagħda tagħna ta’ ltiema. Tagħtina l-imħabba ta’ Ġesù, li qabar, minn post tal-wasla bidlu f’post tat-tluq, u bl-istess mod jista’ jaqleb ħajjitna ta’ taħt fuq. Issawwab fina l-imħabba tal-Ispirtu s-Santu, li jfarraġ, għax ma jitlaqna qatt waħidna, u jdewwi l-ġrieħi tagħna.

 

Bl-Ewkaristija l-Mulej ifejjaq ukoll il-memorja negattiva tagħna, dik in-negattività li ħafna drabi tiġi tinfed lil qlubna. Il-Mulej ifejjaq din il-memorja negattiva, li dejjem tonfoħ l-affarjiet li mhumiex sejrin sew u tħallilna ġo rasna l-idea kerha li m’aħna tajbin għal xejn, li żbalji biss nagħmlu, li aħna “żbaljati”. Ġesù jiġi biex jgħidilna li mhuwiex hekk. Hu kuntent li jidħol f’intimità magħna u, kull darba li nirċevuh, ifakkarna li aħna prezzjużi: aħna l-mistednin mistennija għall-ikla tiegħu, dawk li jixtieq mal-mejda tiegħu. U dan mhux biss għax hu ġeneruż, imma għax hu tassew innamrat magħna: jara u jħobb is-sabiħ u t-tajjeb li aħna. Il-Mulej jaf li l-ħażen u d-dnubiet mhumiex l-identità tagħna; huma mardiet, infezzjonijiet. U jiġi jikkurahom bl-Ewkaristija, li fiha l-fejqan għall-memorja marida bin-negattività. Ma’ Ġesù nistgħu nsibu immunità għad-dwejjaq tagħna. Dejjem ħa jkollna quddiem għajnejna l-waqgħat tagħna, it-taħbit, il-problemi tad-dar u fuq ix-xogħol, il-ħolm li ma rnexxilniex inwettqu. Imma l-piż tagħhom ma jibqax jgħaffiġna għax, iktar ’l isfel, hemm Ġesù li qed jagħmlilna l-qalb bl-imħabba tiegħu. Araw fejn hi l-qawwa tal-Ewkaristija, li tibdilna f’persuni li nwasslu lil Alla: inwasslu l-ferħ, mhux in-negattività. Nistgħu nistaqsu lilna nfusna, aħna li mmorru l-quddiesa, x’qed inwasslulha lid-dinja? Id-dwejjaq tagħna, l-imrar tagħna jew il-ferħ tal-Mulej? Nitqarbnu u mbagħad nibqgħu ngergru, nikkritikaw u nibku lilna nfusna? Imma dan ma jtejjeb xejn, waqt li l-ferħ tal-Mulej jibdel il-ħajja.

 

Fl-aħħar nett, l-Ewkaristija tfejjaq il-memorja magħluqa tagħna. Il-ġrieħi li nġorru fina ma joħolqux problemi għalina biss, imma anki għall-oħrajn. Dawn jagħmluna beżżiegħa u suspettużi: għall-bidu magħluqin, imbagħad nibqgħu ċiniċi u indifferenti. Iwassluna biex fil-konfront tal-oħrajn nirreaġixxu b’distakk u arroganza, u nilludu ruħna li b’dan il-mod nistgħu nikkontrollaw is-sitwazzjonijiet. Imma dan hu ingann: l-imħabba biss tista’ tfejjaq mill-għeruq il-biża’ tagħna u teħlisna mill-għeluq li jżommna mjassra. Hekk jagħmel Ġesù, meta jiġi jiltaqa’ magħna bi ħlewwa, fid-dgħufija tal-Ostja li żżarmana; hekk jagħmel Ġesù, Ħobż maqsum biex iqaxxar l-iskorċa tal-egoiżmi tagħna; hekk jagħmel Ġesù, li jingħata għalina biex jgħidilna li huwa biss jekk niftħu qalbna li nistgħu ninħelsu minn dak li jimblukkana minn ġewwa, mill-paraliżi tal-qalb. Il-Mulej, meta joffri lilu nnifsu lilna b’mod sempliċi bħala l-ħobż, jistedinna wkoll biex ma naħlux ħajjitna niġru wara elf ħaġa bla siwi li joħolqu dipendenzi u ġewwa l-qalb iħallu biss vojt. L-Ewkaristija xxejjen fina l-ġuħ għall-oġġetti u tkebbisna bix-xewqa li naqdu. Tqajjimna mit-telqa komda tagħna, tfakkarna li m’aħniex biss ħluq x’wieħed jitma’, imma anki d-dirgħajn tiegħu biex intaffu l-ġuħ tal-proxxmu. Issa huwa urġenti li nieħdu ħsieb ta’ min hu bil-ġuħ għall-ikel u għad-dinjità, ta’ min ma jaħdimx u qed isibha bi tqila biex jibqa’ għaddej. U dan nagħmluh b’mod konkret, bħalma konkret huwa l-Ħobż li Ġesù jagħtina. Hemm bżonn ta’ qrubija vera, hemm bżonn ta’ ktajjen veri ta’ solidarjetà. Ġesù fl-Ewkaristija jiġi qrib tagħna: ejjew ma nħallux waħdu lil min hu qrib tagħna!

 

Għeżież ħuti, inkomplu niċċelebraw il-Memorjal li jfejjaq il-memorja tagħna – niftakru: infejqu l-memorja, il-memorja hija l-memorja tal-qalb –, dan il-memorjal huwa l-Quddiesa. Huwa t-teżor li għandna nqiegħdu fl-ewwel post fil-Knisja u fil-ħajja. U fl-istess ħin niskopru mill-ġdid l-adorazzjoni, li tissokta fina l-opra tal-Quddiesa. Tagħmlilna l-ġid, tfejjaqna minn ġewwa. Fuq kollox issa, tassew għandna bżonnha.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard