QUDDIESA FL-OKKAŻJONI TAL-500 SENA

TAL-EVANĠELIZZAZZJONI TAL-FILIPPINI

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Bażilika ta’ San Pietru

Il-Ħadd 14 ta’ Marzu 2021

 

“Alla hekk ħabb id-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni” (Ġw 3:16). Hawnhekk hawn il-qalba tal-Vanġelu, hawn il-bażi tal-ferħ tagħna. Fil-fatt, il-kontenut tal-Vanġelu mhuwiex xi idea jew duttrina, imma huwa Ġesù, l-Iben li l-Missier tana biex fih ikollna l-ħajja. Ġesù huwa l-bażi tal-ferħ tagħna, mhuwiex xi teorija ħelwa fuq kif inkunu ferħana, imma hu li nduqu li aħna msieħba u maħbuba fil-mixja tal-ħajja. “Hekk ħabb id-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni”. Ħuti, ejjew nieqfu ftit fuq dawn iż-żewġ aspetti: “hekk ħabb id-dinja” u “ta”.

 

Qabelxejn, Alla hekk ħabb id-dinja. Dawn il-kelmiet, li Ġesù jgħid lil Nikodemu – anzjan Lhudi li ried jaf lill-Imgħallem – jgħinuna nilmħu l-wiċċ veru ta’ Alla. Hu sa minn dejjem ħares lejna bi mħabba u għal din l-imħabba ġie għandna fil-ġisem ta’ Ibnu. Fih huwa ġie jfittixna fil-postijiet fejn intlifna; fih ġie jerġa’ jqajjimna mill-waqgħat tagħna; fih beka d-dmugħ tagħna u fejjaq il-ġrieħi tagħna; fih bierek għal dejjem il-ħajja tagħna. Kull min jemmen fih, jgħid il-Vanġelu, ma jintilifx (ibid.). F’Ġesù, Alla lissen l-aħħar kelma fuq ħajjitna: inti m’intix mitluf, int maħbub. Dejjem maħbub.

 

Jekk is-smigħ tal-Vanġelu u l-prattika tal-fidi tagħna ma jwessgħulniex qalbna biex nilqgħu fiha l-kobor ta’ din l-imħabba, u forsi niżolqu f’reliġjożità serja, imdejqa, magħluqa, allura dan ikun sinjal li rridu nieqfu ftit u nisimgħu mill-ġdid it-tħabbira tal-bxara t-tajba: Alla jħobbok tant li qed jagħtik ħajtu kollha. Mhuwiex xi alla li jħares lejna b’mod indifferenti mill-għoli, imma huwa Missier, Missier innamrat li jidħol fl-istorja tagħna; mhuwiex alla li jieħu pjaċir bil-mewt tal-midneb, imma Missier inkwetat li ħadd ma jintilef; mhuwiex alla li jikkundanna, imma Missier li jsalvana bit-tgħanniqa tal-barka ta’ mħabbtu.

 

U niġu għat-tieni kelma: Alla “ta” lil Ibnu. Proprju għax iħobbna daqstant, Alla jagħti lilu nnifsu u joffrilna ħajtu. Min iħobb, joħroġ dejjem minnu nnifsu – tinsewhx dan: min iħobb, dejjem joħroġ minnu nnifsu. L-imħabba dejjem toffri lilha nfisha, tingħata, tinħela għall-oħrajn. Il-qawwa tal-imħabba hija proprju din: tkisser il-qoxra tal-egoiżmu, tfarrak il-kenn taċ-ċertezzi umani kkalkulati żżejjed, iġġarraf il-ħitan u tegħleb il-biżgħat, biex tista’ tingħata. Din hija d-dinamika tal-imħabba: li ssir don, tingħata. Min iħobb huwa hekk: jippreferi jirriskja u jingħata, milli jinħela billi jżomm kollox għalih. Għalhekk Alla joħroġ minnu nnifsu, għax “hekk ħabb”. Imħabbtu hi hekk kbira li ma tistax għajr tingħata lilna. Meta l-poplu li kien miexi fid-deżert ġie attakkat mis-sriep velenużi, Alla qabbad lil Mosè jagħmel serp tal-bronż; imma f’Ġesù merfugħ fuq is-salib, hu nnifsu ġie jfejjaqna mill-velenu tal-mewt, sar dnub biex isalvana mid-dnub. Mhux bil-paroli jħobbna Alla: hu jagħtina lil Ibnu biex kull min iħares lejh u jemmen fih, isalva (ara Ġw 3:14-15).

 

Iktar ma nħobbu, iktar insiru kapaċi nagħtu. Dan hu wkoll il-muftieħ biex nifhmu l-ħajja tagħna. Sabiħ li niltaqgħu ma’ persuni li jinħabbu, li jridu l-ġid lil xulxin u jaqsmu ħajjithom flimkien; dwarhom nistgħu ngħidu bħalma ngħidu għal Alla: tant jinħabbu li jagħtu ħajjithom. Ma jiswiex biss dak li nistgħu nipproduċu jew niggwadanjaw, imma fuq kollox tiswa l-imħabba li nafu nagħtu.

 

U din hija l-għajn tal-ferħ! Alla tant ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu. Minn hawn tikseb sens l-istedina li l-Knisja tagħmlilna f’dan il-Ħadd: “Ifirħu […]. Aqbżu bil-ferħ, intom ilkoll li qsamtu swied il-qalb magħha; hekk intom tifirħu u timtlew bil-faraġ tagħha” (Antifona tad-dħul; ara Iż 66:10-11). F’moħħi jerġa’ jiġini dak li għexna ġimgħa ilu fl-Iraq: poplu ta’ martri jaqbeż bil-ferħ; nirringrazzjaw lil Alla, u lill-ħniena tiegħu.

 

Xi kultant infittxu l-ferħ fejn mhuwiex, infittxuh fl-illużjonijiet li jgħibu fix-xejn, fil-ħolm kbir tal-jien tagħna, f’dik li tidher bħala ċertezza li jagħtuna l-ħwejjeġ materjali, fil-kult tal-immaġni tagħna, u tant ħwejjeġ oħra… Imma l-esperjenza tal-ħajja tgħallimna li l-veru ferħ hu li nħossuna maħbuba b’xejn, inħossuna msieħba, ikollna xi ħadd li jaqsam magħna l-ħolm tagħna u li, meta nkun ħa negħrqu, jiġi jagħtina l-ewwel għajnuna u jdaħħalna f’port żgur.

 

Għeżież ħuti, għaddew ħames mitt sena minn meta għall-ewwel darba t-tħabbira Nisranija waslet fil-Filippini. Irċivejtu l-ferħ tal-Vanġelu: li Alla hekk ħabbna li ta lil Ibnu għalina. U dan il-ferħ jidher fil-poplu tagħkom, jidher f’għajnejkom, fl-uċuħ tagħkom, fil-kant tagħkom u fit-talb tagħkom. Il-ferħ li bih twasslu l-fidi tagħkom f’artijiet oħra. Kemm-il darba għidt li hawn f’Ruma n-nisa Filippini huma “kontrabandisti” tal-fidi! Għax fejn imorru jaħdmu, jaħdmu, imma jiżirgħu wkoll il-fidi. Din hi – ippermettuli l-kelma – marda ġenerazzjonali [ġenetika], imma marda mbierka! Ħudu ħsiebha! Wasslu l-fidi, din it-tħabbira li intom irċivejtu 500 sena ilu, u qed iġġorru magħkom illum. Irrid ngħidilkom grazzi tal-ferħ li twasslu fid-dinja kollha u fil-komunitajiet Insara. Kif għidt, jiġuni f’moħħi tant esperjenzi sbieħ fil-familji Rumani – imma dan jiġri fid-dinja kollha –, fejn il-preżenza diskreta u ħabrieka tagħkom saret ukoll xhieda ta’ fidi. Bl-istil ta’ Marija u ta’ Ġużeppi: Alla jħobb iwassal il-ferħ tal-fidi bil-qadi umli u moħbi, qalbieni u perseveranti.

 

F’din it-tifkira hekk importanti għall-poplu qaddis ta’ Alla fil-Filippini rrid ukoll nistedinkom biex ma tehdewx fl-opra tal-evanġelizzazzjoni – li mhijiex proselitiżmu, imma ħaġa oħra. Dik it-tħabbira Nisranija li rċivejtu dejjem għandha titwassal lill-oħrajn; il-vanġelu tal-qrubija ta’ Alla jitlob minna li nesprimuh fl-imħabba lejn ħutna; ix-xewqa ta’ Alla li ħadd ma jintilef titlob mill-Knisja li tieħu ħsieb ta’ min hu midrub u qed jgħix fit-trufijiet. Jekk Alla tant ħabb id-dinja li tana lilu nnifsu, anki l-Knisja għandha din il-missjoni: mhijiex mibgħuta biex tiġġudika, imma biex tilqa’; mhux biex timponi imma biex tiżra’; il-Knisja hi msejħa mhux biex tikkundanna imma biex twassal lil Kristu li hu s-salvazzjoni.

 

Naf li dan hu l-programm pastorali tal-Knisja tagħkom: l-impenn missjunarju li jinvolvi lil kulħadd u jasal għand kulħadd. Taqtgħu qalbkom qatt intom u timxu din it-triq. La tibżgħux tħabbru l-Vanġelu, taqdu, tħobbu. U bil-ferħ tagħkom tistgħu tgħinu biex anki għall-Knisja jingħad: “hekk ħabbet id-dinja!”. Hija sabiħa u attraenti Knisja li tħobb lid-dinja mingħajr ma tiġġudikaha u li għad-dinja lesta tagħti lilha nfisha. Għeżież ħuti, nawgura li jkun hekk, kemm fil-Filippini u kemm f’kull rokna tad-dinja.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard