QUDDIESA, TBERIK U TQEGĦID TAR-RMIED

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Bażilika ta’ Santa Sabina

L-Erbgħa 14 ta’ Frar 2024

 

Meta tagħmel karità, meta titlob, meta ssum, ara li dan isir fil-moħbi: fil-fatt, il-Missier jara dak li hu fil-moħbi (ara Mt 6:4). Idħol fil-kamra ta’ ġewwa: din hi l-istedina li Ġesù jagħmel lil kull wieħed u waħda minna fil-bidu tal-mixja tar-Randan.

 

Tidħol fil-moħbi jfisser tirritorna lejn il-qalb, kif iwissi l-profeta Ġoel (ara Ġl 2:12). Hu vjaġġ minn barra għal ġewwa, biex dak kollu li ngħixu, anki r-relazzjoni tagħna ma’ Alla, ma jirriduċix ruħu għal dak li jidher minn barra, għal gwarniċ mingħajr kwadru, għal qoxra li tgħatti r-ruħ, imma jitnissel minn ġewwa u jikkorrispondi maċ-ċaqliq tal-qalb, jiġifieri max-xewqat tagħna, mal-ħsibijiet tagħna, ma’ dak li nħossu, mal-qalba li hi l-għajn tal-persuna tagħna.

 

Allura r-Randan jgħaddasna f’banju ta’ tisfija u ta’ tneżżigħ: irid jgħinna ninżgħu kull “irtokk”, dak kollu li bih nitgħattew biex nidhru kif imiss, aħjar minn kif fil-verità aħna. Nerġgħu lura għall-qalb ifisser nirritornaw għall-veru jien tagħna u nippreżentawh hekk kif inhu, għeri u mneżża’, quddiem Alla. Ifisser inħarsu ġewwa fina u nagħrfu min aħna tassew, ninżgħu l-maskri li spiss nilbsu, innaqqsu r-ritmu mgħaġġel tal-ġenn tagħna, inħaddnu l-ħajja u l-verità tagħna nfusna. Il-ħajja mhijiex reċta, u r-Randan jistedinna ninżlu minn fuq il-palk tal-finzjoni, biex nerġgħu lura għall-qalb, għall-verità ta’ dak li aħna. Nerġgħu lura għall-qalb, nerġgħu lura għall-verità.

 

Għalhekk, illejla, bi spirtu ta’ talb u ta’ umiltà, ħa nilqgħu fuq rasna l-irmied. Huwa ġest li jrid ireġġagħna lura għar-realtà essenzjali tagħna nfusna: aħna rmied, ħajjitna hi bħal nifs (ara Salm 39:6; 144:4), imma l-Mulej – hu u hu biss, ħadd iżjed – ma jħallix li dan jgħib fix-xejn; hu jiġbor u jsawwar it-trab li minnu aħna magħmula, biex ma jixteridx mal-irjieħ qalila tal-ħajja u ma jintemmx fl-abbiss tal-mewt.

 

L-irmied imqiegħed fuq rasna jistedinna niskopru mill-ġdid is-sigriet tal-ħajja. Qed jgħidilna: sakemm iddum tilbes l-armatura li tgħatti l-qalb, sakemm tibqa’ titgħatta bil-maskra tal-apparenzi, tesebixxi dawl artifiċjali biex tidher invinċibbli, se tibqa’ battal u niexef. Imma meta ssib il-kuraġġ li tbaxxi rasek biex tħares ġewwa fik, hemm tkun tista’ tiskopri l-preżenza ta’ Alla li jħobbok u dejjem ħabbek; sa fl-aħħar isiru bċejjeċ il-korazzi li int bnejt għalik innifsek u tkun tista’ tħossok maħbub minn imħabba dejjiema.

 

Ħuti, jiena, int, kull wieħed u waħda minna, aħna maħbubin minn imħabba dejjiema. Aħna rmied li fuqu Alla nefaħ in-nifs tiegħu tal-ħajja, aħna art li hu għaġen b’idejh (ara Ġen 2:7; Salm 119:73), aħna trab li minnu għad inqumu għal ħajja bla tmiem imħejjija sa minn dejjem għalina (ara Iż 26:19). U jekk, fl-irmied li aħna, iħeġġeġ in-nar tal-imħabba ta’ Alla, allura niskopru li minn din l-imħabba aħna magħġuna u li għall-imħabba aħna msejħin: inħobbu lil ħutna li għandna qrib tagħna, inkunu attenti għall-oħrajn, ngħixu l-mogħdrija, nitħarrġu fil-ħniena, naqsmu dak li aħna u dak li għandna ma’ min hu fil-bżonn. Għalhekk il-karità, it-talb u s-sawm ma jistgħux jirriduċu ruħhom għal prattika esterjuri, imma huma toroq li jreġġugħna lura għall-qalb, għall-essenzjal tal-ħajja Nisranija. Jgħinuna niskopru li aħna rmied maħbub minn Alla u jagħtuna l-ħila nifirxu l-istess imħabba fuq l-“irmied” ta’ tant sitwazzjonijiet ta’ kuljum, biex fihom jitwieldu mill-ġdid it-tama, il-fiduċja, il-ferħ.

 

Sant’Anselmu ta’ Aosta ħallielna din l-eżortazzjoni, li llejla nistgħu nagħmluha tagħna: “Aħrab għal ftit tal-ħin mit-taħbit tiegħek, ħalli għal ftit il-ħsibijiet imqallba tiegħek. Biegħed bħalissa t-taħbit serju tiegħek u warrab għall-ġenb il-ħidmiet li jħabbtuk. Oqgħod għal ftit ma’ Alla u strieħ fih. Idħol fil-ġewwieni ta’ ruħek, ħalli barra kollox ħlief lil Alla u dak li jgħinek tfittxu, u, xħin terġa’ tagħlaq il-bieb, fittxu. O qalb tiegħi, lissen issa b’dak kollu li int, għid issa lil Alla: Jiena wiċċek infittex. Wiċċek jiena nfittex, Mulej” (Proslogion, 1).

 

Mela ejjew nisimgħu, f’dan ir-Randan, il-leħen tal-Mulej li ma jegħjiex itennilna: idħol fil-moħbi. Idħol fil-kamra ta’ ġewwa, erġa’ lura għall-qalb. Hija stedina li tagħmlilna l-ġid, lilna li spiss ngħixu fuq il-qoxra, li nitħarrku biex niġu nnutati, li dejjem għandna bżonn li niġu ammirati u apprezzati. Bla ma nintebħu, nerġgħu nsibu ruħna mingħajr iżjed post fil-moħbi li fih nistgħu nieqfu u nieħdu ħsieb tagħna nfusna, mgħaddsa kif aħna f’dinja fejn kollox, imqar l-emozzjonijiet u s-sentimenti l-iżjed intimi, irid isir “social” – imma kif jista’ jkun soċjali dak li ma joħroġx mill-qalb? –. Saħansitra l-esperjenzi l-iżjed traġiċi u ta’ tbatija qed jirriskjaw li ma jifdlilhomx post fil-moħbi li jħarishom: kollox irid jiġi espost, esebit, mogħti b’ikel f’ħalq is-seksik tal-mument. U l-Mulej jgħidilna: idħol fil-moħbi, erġa’ lura għall-qalba tiegħek innifsek. Proprju hemm, fejn hemm ukoll tant biżgħat, sens ta’ ħtija u dnubiet, hemm il-Mulej niżel, niżel biex ifejqek u jsaffik. Nidħlu fil-kamra tagħna ta’ ġewwa: hemm jgħammar il-Mulej, id-dgħufija tagħna hi milqugħa u aħna maħbuba bla kundizzjonijiet.

 

Nerġgħu lura, ħuti. Nerġgħu lura lejn Alla b’qalbna kollha. F’dawn il-ġimgħat tar-Randan ejjew nagħmlu wisa’ għat-talb ta’ adorazzjoni fis-skiet, li fih nibqgħu fis-smigħ tal-preżenza tal-Mulej, bħal Mosè, bħal Elija, bħal Marija, bħal Ġesù. Intbaħna li tlifna s-sens tal-adorazzjoni? Ejjew nerġgħu lura għall-adorazzjoni. Innewlu l-widna ta’ qalbna lil Dak li, fis-skiet, irid jgħidilna: “Jiena Alla tiegħek: Alla ta’ ħniena u mogħdrija, Alla tal-maħfra u tal-imħabba, Alla tal-ħlewwa u tal-għożża. […] La tiġġudikax lilek innifsek. La tikkundannax lilek innifsek. La tirrifjutax lilek innifsek. Ħalli l-imħabba tiegħi tmiss il-qigħan l-aktar fondi u moħbija ta’ qalbek u turik l-istess ġmiel tiegħek, ġmiel li int ma bqajtx tara, imma li għad terġa’ tibda tara fid-dawl tal-ħniena tiegħi”. Il-Mulej isejħilna: “Ejja, ejja, ħallini nixxuttalek id-dmugħ tiegħek u ħalli lil fommi joqrob lejn widintek u jgħidlek: Jiena nħobbok, inħobbok, inħobbok” (H. Nouwen, Fit-triq lejn iż-żerniq, Brescia 1997, 233). Nemmnu aħna li l-Mulej iħobbna, li l-Mulej iħobbni?

 

Ħuti, ejjew ma nibżgħux ninżgħu mill-għatiet mondani u nerġgħu lura lejn il-qalb, nirritornaw lejn l-essenzjal. Ejjew naħsbu f’San Franġisk, li wara li neża’, ħaddan b’dak kollu li kien lill-Missier tas-Smewwiet. Ejjew nagħrfu min aħna: trab maħbub minn Alla, imsejjaħ ikun trab innamrat ma’ Alla. Grazzi għalih, nerġgħu nitwieldu mill-irmied tad-dnub għall-ħajja ġdida f’Ġesù Kristu u fl-Ispirtu s-Santu.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard