JUM DINJI TAL-FOQRA

QUDDIESA

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Bażilika ta’ San Pietru

It-XXXIII Ħadd ta’ Matul is-Sena, 13 ta’ Novembru 2022

 

Waqt li xi wħud qed kienu jitkellmu fuq il-ġmiel tat-Tempju minn barra u jammiraw il-ġebel tiegħu, Ġesù ġibdilhom l-attenzjoni dwar il-ġrajjiet imqallba u drammatiċi li jimmarkaw l-istorja tal-bnedmin. Fil-fatt, waqt li t-tempju mibni b’idejn il-bniedem jgħaddi, kif jgħaddu l-ħwejjeġ kollha ta’ din id-dinja, importanti nagħrfu ngħarblu ż-żmien li qed ngħixu, biex nibqgħu dixxipli tal-Vanġelu anki qalb it-taqlib tal-istorja.

 

U, biex jurina kif għandna niddixxernu, il-Mulej joffrilna żewġ eżortazzjonijiet: la titqarrqux u agħtu xhieda.

 

L-ewwel ħaġa li Ġesù jgħid lis-semmiegħa tiegħu, imħassbin fuq “meta” u “kif” se jseħħu dawn il-fatti tal-biża’ li fuqhom qed jitkellem, hi: “Araw li ma titqarrqux. Għax għad jiġu ħafna f’ismi u jgħidu: ‘Jien hu’, u: ‘Iż-żmien wasal’. Tmorrux warajhom!” (Lq 21:8). U jżid: “Meta tisimgħu min jitkellem fuq gwerer u taqlib fil-pajjiżi, tinħasdux” (v. 9). U dan idoqq ħafna għaż-żmien li qegħdin fih. Mela Ġesù minn liema ingann irid jeħlisna? Mit-tentazzjoni li naqraw il-fatti l-iżjed drammatiċi b’mod superstizzjuż jew katastrofiku, bħallikieku issa ninsabu qrib it-tmiem tad-dinja u ma hemmx għalfejn noqogħdu nitħabtu iżjed u f’xejn għal dak li hu tajjeb. Jekk naħsbu b’dan il-mod, inħallu l-biża’ jmexxina, u forsi mbagħad infittxu tweġibiet b’kurżità ossessiva fil-qerq tas-sħaħar jew l-oroskopji, li qatt mhuma neqsin – u llum tant Insara jmorru għand is-sħaħar, ifittxu l-oroskopju bħallikieku kien il-vuċi ta’ Alla –; jew inkella nafdaw ruħna f’teoriji fantastiċi li jbellgħalna xi “messija” tal-aħħar siegħa, normalment dejjem b’xi disfatta jew komplott – anki l-psikoloġija tal-komplott hi ħażina, ħsara tagħmlilna –. Hawnhekk ma hemmx l-Ispirtu tal-Mulej: la meta mmorru nfittxu l-“guru” u lanqas f’dan l-ispirtu ta’ komplott; ma hemmx il-Mulej hemm. Ġesù jwissina: “Araw li ma titqarrqux”, titkaxkrux mill-kurżitajiet qarrieqa, la taffaċċjawx il-ġrajjiet imqanqlin mill-biża’, imma pjuttost tgħallmu aqrawhom bl-għajnejn tal-fidi, żguri li jekk tibqgħu qrib ta’ Alla, “xagħra waħda minn raskom ma tintilifx” (v. 18).

 

Jekk l-istorja umana hi miżgħuda bi ġrajjiet drammatiċi, sitwazzjonijiet ta’ tbatija, gwerer, rivoluzzjonijiet u traġedji naturali, daqstant ieħor hu minnu – jgħid Ġesù – li dan kollu mhuwiex it-tmiem (ara v. 9); mhijiex raġuni tajba biex inħallu l-biża’ jwaħħalna jew inċedu għad-disfattiżmu ta’ min jaħseb li issa kollox hu mitluf u inutli nħabirku fil-ħajja. Id-dixxiplu tal-Mulej ma jintelaqx fir-rassenjazzjoni, ma jċedix għall-qtigħ il-qalb lanqas fis-sitwazzjonijiet l-aktar diffiċli, għax Alla tiegħu hu Alla tal-qawmien u tat-tama, li dejjem jerfa’ mill-ġdid: miegħu dejjem tista’ terġa’ terfa’ ħarstek, tibda mill-ġdid, terġa’ titlaq. Allura n-Nisrani quddiem il-prova – kull prova, kulturali, storika jew personali – jistaqsi: “X’qed jgħidilna l-Mulej permezz ta’ dan il-mument ta’ kriżi?”. Jiena wkoll nagħmilha din il-mistoqsija llum: x’qed jgħidilna l-Mulej, quddiem din it-tielet gwerra dinjija? X’qed jgħidilna l-Mulej? U wara li jseħħu fatti ta’ ħażen li jikkawżaw faqar u tbatija, in-Nisrani jistaqsi: “Konkretement, x’nista’ nagħmel ta’ ġid jiena?”. Taħrabx, agħmilha l-mistoqsija: x’qed jgħidli l-Mulej u x’nista’ nagħmel ta’ ġid jiena?

 

Mhux ta’ b’xejn li t-tieni eżortazzjoni ta’ Ġesù, wara “araw li ma titqarrqux”, hija fil-pożittiv. Hu jgħid: “Dan ikun jiswielkom biex tistgħu tagħtu xhieda” (v. 13). Okkażjoni biex nagħtu xhieda. Nixtieq nagħfas fuq din il-kelma sabiħa: okkażjoni. Tfisser li għandek l-opportunità li tagħmel xi ħaġa tajba ibda miċ-ċirkustanzi tal-ħajja, anki meta ma jkunux ideali. Hija arti sabiħa tipikament Nisranija: ma nibqgħux vittmi ta’ dak li jiġrilna – in-Nisrani mhuwiex vittma u l-psikoloġija tal-vittimiżmu hi ħażina, ħsara tagħmlilna –, imma jaħtaf l-opportunità li hemm moħbija f’dak kollu li jiġrilna, it-tajjeb li hu possibbli, dak il-ftit tajjeb li nistgħu nagħmlu, u jibni mqar fuq is-sitwazzjonijiet negattivi. Kull kriżi hi possibbiltà u toffrilna okkażjonijiet biex nikbru. Għax kull kriżi hi miftuħa għall-preżenza ta’ Alla, għall-preżenza tal-umanità. Imma l-ispirtu ħażin x’jagħmlilna? Irid li aħna nibdlu l-kriżi f’kunfitt, u l-kunflitt hu dejjem magħluq, bla xefaq u bla triq mnejn nistgħu noħorġu. Le. Irridu ngħixu l-kriżi bħala persuni umani, bħala Nsara, mhux billi nibdulha f’kunflitt, għax kull kriżi hi possibbiltà u toffrilna okkażjoni biex nikbru. Nintebħu b’dan jekk nerġgħu naqraw il-ġrajja personali tagħna: fil-ħajja, spiss, il-passi l-iżjed importanti ’l quddiem isiru proprju f’ċerti kriżijiet, sitwazzjonijiet ta’ prova, ta’ telf ta’ kontroll, ta’ nuqqas ta’ sigurtà. U hemm nifhmu l-istedina li Ġesù llum qed jagħmel direttament lili, lilek, lil kull wieħed u waħda minna: waqt li madwarek qed tara affarijiet li jħawduk, meta qed jerfgħu rashom gwerer u kunflitti, waqt li qed iseħħu terremoti, ġuħ u pestilenzi, int x’ħa tagħmel, jien x’ħa nagħmel? Taljena rasek biex ma toqgħodx taħseb? Tiddeverti biex ma ċappasx idejk? Tagħżel it-triq tal-mondanità, li ma tiħux f’idejk u f’qalbek dawn is-sitwazzjonijiet drammatiċi? Tħares band’oħra biex ma tarax? Tadegwa ruħek, iċċedi u tirrassenja ruħek, għal dak li jiġri? Jew dawn is-sitwazzjonijiet isiru okkażjonijiet biex tagħti xhieda tal-Vanġelu? Illum kull wieħed u waħda minna għandu jistaqsi lilu nnifsu, quddiem tant diżastri naturali, quddiem din it-tielet gwerra dinjija hekk kiefra, quddiem il-ġuħ ta’ tant tfal, ta’ tant nies: jiena nista’ naħli, naħli flusi, naħli ħajti, naħli s-sens ta’ ħajti, mingħajr ma nagħmel kuraġġ u nimxi ’l quddiem?

 

Ħuti, f’dan il-Jum Dinji tal-Foqra l-Kelma ta’ Ġesù hi twissija qawwija biex ma nibqgħux torox ġewwa fina, kif xi ftit ilkoll aħna, ħaġa li żżommna milli nisimgħu l-karba fgata tat-tbatija tal-iżjed dgħajfa. Anki llum qed ngħixu f’soċjetajiet midruba u qed nassistu, proprju kif qalilna l-Vanġelu, għal xenarji ta’ vjolenza – biżżejjed naħsbu fil-kefrija li qed ibati l-poplu Ukren –, ta’ inġustizzja u ta’ persekuzzjoni; iżjed minn hekk, irridu naffrontaw il-kriżi ġġenerata mill-bidliet fil-klima u mill-pandemija, li ħallitilna warajha ħafna tbatijiet mhux biss fiżiċi, imm anki psikoloġiċi, ekonomiċi u soċjali. Illum ukoll, ħuti, qed naraw poplu jqum kontra poplu u b’għafsa ta’ qalb qed nassistu għat-twessigħ kbir ta’ kunflitti, għat-traġedja tal-gwerra, li ġġib il-mewt ta’ tant innoċenti u tkattar is-semm tal-mibegħda. Illum ukoll, ħafna iżjed mill-bieraħ, tant ħutna, imġarrba u qalbhom maqtugħa, qed jemigraw f’tiftixa għat-tama, u tant persuni qed jgħixu fil-prekarjetà minħabba n-nuqqas ta’ xogħol jew kundizzjonijiet ta’ xogħol inġusti u li ma jixirqulhomx. U llum ukoll, ħuti, il-foqra huma l-vittmi l-iktar ippenalizzati ta’ kull kriżi. Imma, jekk il-qalb tagħna hi minfuħa jew indifferenti, mhux sa jirnexxilna nisimgħu l-karba xipli tagħhom ta’ tbatija, jew nibku magħhom u għalihom, u naraw kemm solitudni u tbatija hemm moħbija mqar fl-irkejjen minsija tal-bliet tagħna. Hemm bżonn immorru fl-irkejjen tal-ibliet, dawk l-irkejjen moħbija, mudlama: hemm naraw tant miżerja u tant tbatija u tant faqar mormi.

 

Ejjew nagħmlu tagħna l-istedina qawwija u ċara tal-Vanġelu biex naraw li ma nitqarrqux. Ma nagħtux widen għall-profeti tal-isfortuna; ma nħallux isaħħruna warajhom is-sireni tal-populiżmu, li jiddobba bil-ħtiġijiet tal-poplu biex jipproponi soluzzjonijiet wisq faċli u ta’ malajr. Ma niġrux wara “messiji” foloz li, f’isem il-gwadann, jipproklamaw riċetti li tajbin biss biex ikabbru l-għana tal-ftit, u jikkundannaw lill-foqra għall-emarġinazzjoni. Bil-maqlub, ejjew nagħtu xhieda: inkebbsu dwal ta’ tama qalb id-dlam; fis-sitwazzjonijiet drammatiċi naħtfu l-okkażjoni biex nagħtu xhieda tal-Vanġelu tal-ferħ u nibnu dinja fraterna, tal-inqas xi ftit iżjed fraterna; inħabirku bil-kuraġġ kollu għall-ġustizzja, il-legalità u l-paċi, waqt li nkunu dejjem qrib tal-iżjed dgħajfa. Ma naħarbux biex niddefendu ruħna mill-istorja, imma nitqabdu biex nagħtu lil din l-istorja li qed ngħixu wiċċ differenti.

 

U fejn ħa nsibu l-qawwa għal dan kollu? Fil-Mulej. Fil-fiduċja f’Alla, li hu Missier, li jħares fuqna. Jekk niftħulu qalbna, ħa tikber fina l-ħila li nħobbu. Din hija t-triq: nikbru fl-imħabba. Fil-fatt, Ġesù, wara li tkellem fuq xenarji ta’ vjolenza u ta’ terrur, jagħlaq billi jgħid: “Imma xagħra waħda minn raskom ma tintilifx” (v. 18). Imma dan xi jfisser? Li huwa magħna, huwa l-ħarries tagħna, huwa jimxi magħna. Jiena għandi din il-fidi? Inti għandek din il-fidi li l-Mulej miexi miegħek? Dan irridu ntennuh lilna nfusna dejjem, speċjalment fil-mument tal-ikbar tbatija: Alla hu Missier u jinsab qrib tiegħi, jafni u jħobbni, iħares fuqi, ma jongħosx, jieħu ħsiebi u miegħu lanqas xagħra waħda minn rasi ma tintilef. U jien kif inwieġeb għal dan? Billi nieħu ħsieb ta’ ħuti li huma fil-bżonn, nagħti kas ta’ din il-kultura tal-iskart li tarmi lill-foqra, li tarmi lill-persuni b’inqas possibbiltajiet, li tarmi lix-xjuħ, li tarmi lil min għadu ħa jitwieled… Meta nħares lejn dan kollu, xi nħoss jien li għandi nagħmel bħalissa bħala Nisrani?

 

Maħbubin minnu, ejjew niddeċiedu li nħobbu lill-ulied l-iżjed mormija. Il-Mulej jinsab hemm. Hemm tradizzjoni qadima, anki hawn fl-irħula tal-Italja, għad hemm min iżommha: fl-ikla tal-Milied, iħallu post vojt għall-Mulej li żgur f’xi ħin jew ieħor se jħabbat il-bieb, fil-persuna ta’ xi ħadd fqir fil-bżonn. U l-qalb tiegħek, għandha dejjem post liberu għal dawn in-nies? Qalbi għandha post vojt għal dawn in-nies? Jew tant aħna mħabbtin bil-ħbieb tagħna, bl-impenji soċjali, bl-obbligi tagħna? Imma għandna post għal dawn in-nies? Ejjew nieħdu ħsieb tal-foqra, li fihom hemm Kristu, hu li għalina sar fqir (ara 2 Kor 8:9). Hu jidentifika ruħu mal-fqir. Ħa nħossuna responsabbli li lanqas xagħra waħda minn rashom ma tintilef. Ma nistgħux, bħal dawk li dwarhom jitkellem il-Vanġelu, noqogħdu nammiraw il-ġebel sabiħ tat-tempju, mingħajr ma nagħrfu l-veru tempju ta’ Alla, il-bniedem, ir-raġel u l-mara, speċjalment il-fqir, li fil-wiċċ tiegħu, fl-istorja tiegħu, fil-ġrieħi tiegħu hemm Ġesù. Dan hu stess qalhulna. Ma ninsewh qatt.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard