|
ĊELEBRAZZJNI TA’ ĦADD IL-PALM U L-PASSJONI TAL-MULEJ
OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA FRANĠISKU
MOQRIJA MILL-KARDINAL LEONARDO SANDRI
Pjazza San Pietru
Il-Ħadd 13 ta’ April 2025
“Imbierek is-Sultan, li ġej f’isem il-Mulej!” (Lq 19:38). Huwa b’dan il-mod li l-folla ssellem lil Ġesù, huwa u dieħel Ġerusalemm. Il-Messija jgħaddi mill-bieb tal-belt il-qaddisa, miftuħ beraħ biex jilqa’ lil Dak li ftit tal-jiem wara kellu joħroġ minnu misħut u kkundannat, mgħobbi bis-salib.
Illum aħna wkoll imxejna wara Ġesù, l-ewwel b’korteo ta’ festa u mbagħad fi triq it-tbatija, u nedejna l-Ġimgħa Mqaddsa li tħejjina biex niċċelebraw il-passjoni, il-mewt u l-qawmien tal-Mulej.
Aħna u nħarsu, qalb il-folla, lejn l-uċuħ tas-suldati u d-dmugħ tan-nisa, l-attenzjoni tagħna tinġibed lejn wieħed li ma nafuhx, li ismu jidħol fil-Vanġelu ħabta u sabta: Xmun minn Ċireni. Dan ir-raġel iqabbduh is-suldati, li “għabbewh is-salib biex iġorru wara Ġesù” (Lq 23:26). Kien għadu kemm wasal dak il-ħin mill-kampanja, kien għaddej minn hemm, u spiċċa daħal f’biċċa li tifxlu, bħall-injam tqil fuq spallejh.
Aħna u mexjin lejn il-Kalvarju, ejjew nirriflettu għal ftit fuq il-ġest ta’ Xmun, infittxu l-qalb tiegħu, nimxu fuq il-pass tiegħu maġenb Ġesù.
Qabelxejn il-ġest tiegħu, li hu hekk ambivalenti. Fil-fatt, minn naħa ċ-Ċirinew jiġi obbligat iġorr is-salib: ma jgħinx lil Ġesù b’konvinzjoni, imma għax imġiegħel. Min-naħa l-oħra, hu jsib ruħu jieħu sehem hu stess fil-passjoni tal-Mulej. Is-salib ta’ Ġesù jsir is-salib ta’ Xmun. Imma mhux ta’ dak Xmun imsejjaħ Pietru li kien wiegħed li jimxi dejjem wara l-Imgħallem. Dak Xmun sparixxa fil-lejl tat-tradiment, wara li kien ipprokalma: “Mulej, jiena lest li miegħek niġi saħansitra l-ħabs, lest li nieħu l-mewt ukoll” (Lq 22:33). Wara Ġesù issa ma hemmx miexi d-dixxiplu, imma dan iċ-Ċirinew. Imma l-Imgħallem kien għallimhom b’mod ċar: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu kuljum, u jimxi warajja” (Lq 9:23). Xmun tal-Galilija jgħid, imma ma jagħmilx. Xmun minn Ċireni jagħmel, imma ma jgħid xejn: bejnu u bejn Ġesù ma hemm ebda djalogu, ma tiġi mlissna ebda kelma. Bejnu u bejn Ġesù hemm biss l-injam tas-salib.
Biex inkunu nafu jekk iċ-Ċirinew għenx jew stkerrahx lill-imsejken Ġesù, li miegħu kellu jaqsam il-kastig, biex nifhmu jekk iġorrx jew sempliċiment jissaportix is-salib, irridu nħarsu fil-qalb tiegħu. Meta waslet biex tinfetaħ il-qalb ta’ Alla, mifuda minn uġigħ li juri l-ħniena tiegħu, il-qalb tal-bniedem tibqa’ magħluqa. Ma nafux x’kien hemm fil-qalb taċ-Ċirinew. Ejjew inpoġġu lilna nfusna floku: inħossu rabja jew mogħdrija, niket jew fastidju? Jekk niftakru x’għamel Xmun għal Ġesù, niftakru wkoll x’għamel Ġesù għal Xmun – kif ukoll għalija, għalik, għal kull wieħed u waħda minna –: hu feda d-dinja. Is-salib tal-injam, li ċ-Ċirinew jissaporti, hu dak ta’ Kristu, li jġorr id-dnub tal-bnedmin kollha. Iġorru għall-imħabba tagħna, f’ubbidjenza lejn il-Missier (ara Lq 22:42), huwa u jbati magħna u għalina. Hu proprju dan il-mod, mhux mistenni u li jħawwadna, li bih iċ-Ċirinew jidħol fl-istorja tas-salvazzjoni, fejn ħadd mhu barrani, ħadd mhu barrani.
Ejjew mela nimxu wara l-pass ta’ Xmun, biex jgħallimna li Ġesù jiġi jiltaqa’ ma’ kulħadd, f’kull sitwazzjoni. Meta nilmħu l-kotra ta’ rġiel u nisa li jixħtu biss mibegħda u vjolenza fit-triq tal-Kalvarju, ejjew niftakru li Alla jibdel din it-triq f’post ta’ fidwa, għax hu mxieha billi ta ħajtu għalina. Kemm Ċirinej iġorru s-salib ta’ Kristu! Qed narawh dan? Nilmħu lill-Mulej fl-uċuħ tagħhom, imbiċċra mill-gwerra u mill-faqar? Quddiem l-inġustizzja attroċi tal-ħażen, qatt mhu għalxejn li nġorru s-salib ta’ Kristu, anzi, huwa l-aktar mod konkret kif naqsmu fl-imħabba salvifika tiegħu.
Il-passjoni ta’ Ġesù ssir kompassjoni meta nnewlu l-id tagħna lil min ma jiflaħx iżjed, meta nerfgħu lil min waqa’, meta ngħannqu lil min qalbu maqtugħa. Ħuti, biex induqu dan il-miraklu kbir tal-ħniena, ejjew matul din il-Ġimgħa Mqaddsa nagħżlu kif ħa nġorru s-salib: mhux ma’ għonqna, imma f’qalbna. Mhux biss tagħna, imma anki dak ta’ min qed ibati maġenbna; forsi ta’ dik il-persuna li ma nafuhiex li b’kumbinazzjoni – imma tgħid b’kumbinazzjoni? – iltqajna magħha. Inħejju ruħna għall-Għid tal-Mulej billi nsiru Ċirinej għal xulxin.
miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard