IL-VERĠNI MQADDSA TA’ GUADALUPE

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Bażilika ta’ San Pietru

It-Tnejn 12 ta’ Diċembru 2022

 

Alla tagħna jmexxi l-istorja tal-umanità, xejn ma jibqa’ barra minn taħt is-setgħa tiegħu, li hi ħlewwa u mħabba providenti. Hu preżenti permezz ta’ ġest, ġrajja, persuna. Ma jieqaf qatt iħares lejn id-dinja tagħna, li hi fil-bżonn, midruba, anzjuża, biex hu jgħinha bil-kompassjoni u l-ħniena tiegħu. Il-mod tiegħu ta’ kif jidħol, il-mod tiegħu ta’ kif juri ruħu, dejjem jissorprendina, u jimliena bil-ferħ. Iqanqal fina sens ta’ stagħġib, u dan jagħmlu bl-istil tiegħu.

 

Il-Qari mill-Ittra lill-Galatin joffrilna indikazzjoni preċiża li tgħinna nikkontemplaw, bi gratitudni, it-triq tal-fidwa li tagħmilna wlied addottivi tiegħu: “Meta waslet il-milja taż-żmien, Alla bagħat lil Ibnu, imwieled minn mara” (Gal 4:4).

 

U hekk hu, il-miġja tal-Iben f’ġisem ta’ bniedem hija l-aqwa espressjoni tal-metodu divin tiegħu għas-salvazzjoni tagħna. Alla, li tant ħabb lid-dinja, bagħtilna lil Ibnu, “imwieled minn mara”, biex “kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem” (Ġw 3:16). Hekk, f’Ġesù, imwieled minn Marija, isir għal dejjem, b’mod li ma jerġa’ qatt lura minnu, “Alla-magħna”, u jimxi minkeb ma’ minkeb magħna bħala ħuna u sieħeb tagħna. Ġie biex jibqa’. Xejn minn dak li hu tagħna ma hu barrani għalih għax hu bħal “wieħed minna”, qarib, ħabib, bħalna f’kollox, minbarra fid-dnub.

 

U xi ħaġa simili, ta’ din il-bixra, seħħet kważi ħames sekli ilu: f’dak iż-żmien ikkumplikat u diffiċli għan-nies tad-dinja l-ġdida, il-Mulej ried jibdel it-taqlib li qanqlet il-laqgħa bejn żewġ dinjiet differenti, jibdlu f’sens ġdid miksub, ta’ dinjità, fi ftuħ għall-Vanġelu, jibdlu f’laqgħa. U dan għamlu billi bagħat lil Santa Marija, Omm, fil-loġika li l-Vanġelu tal-lum ifakkarna fiha: wara t-tħabbira tal-anġlu, “Marija qamet u marret tħaffef lejn l-għoljiet, f’belt” (Lq 1:39). Il-Verġni li tmur tħaffef. U hekk waslet fl-Art tal-Amerika l-Verġni tagħna ta’ Guadalupe, ippreżentat ruħha bħal l-“Omm tal-veru Alla li bih ngħixu” (ara Nican Mopohua); u ġiet biex tfarraġ, tissodisfa l-ħtiġijiet tal-aktar ċkejkna, mingħajr ma teskludi lil ħadd, biex bħal omm kollha għożża tgeżwirhom fil-preżenza, l-imħabba u l-faraġ tagħha. Hija l-Omm tagħna ta’ razza mħallta.

 

U din is-sena qed niċċelebraw lil Guadalupe f’mument iebes għall-umanità. Hu perjodu qares, mimli bl-istorbju tal-gwerra, b’inġustizzji, ġuħ, faqar u tbatijiet dejjem jiżdiedu. Hemm il-ġuħ. U mqar jekk dan ix-xefaq jidher mudlam u tal-biża’, b’teħbir ta’ iktar tiġrif u qerda, xorta waħda l-fidi, l-imħabba u l-kondixxendenza divini jgħallmuna u jgħidulna li anki dan hu ż-żmien it-tajjeb tas-salvazzjoni, li fih il-Mulej, permezz tal-Verġni Marija, ta’ razza mħallta, ikompli jagħtina lil Ibnu, li jsejħilna biex inkunu aħwa, biex inwarrbu l-egoiżmu, l-indifferenza u l-antagoniżmu, u jistedinna nerfgħu “malajr” ir-responsabbiltà tal-oħrajn, u mmorru niltaqgħu ma’ ħutna minsija u mormija mis-soċjetajiet tagħna konsumisti u indifferenti, ħutna mwarrba għall-ġenb. U dan “tiġri” tagħmlu: hija l-Omm li għandha għożża, li tħaffef, l-Omm attenta.

 

Illum bħal dari, Santa Marija ta’ Guadalupe tixtieq tiltaqa’ magħna, kif darba waħda ltaqgħet ma’ Juan Diego fuq l-għolja tat-Tepeyac. Trid tibqa’ magħna. Titlobna nħalluha tkun omm tagħna, tiftħilna ħajjitna għal Binha Ġesù u nilqgħu l-messaġġ tagħha biex nitgħallmu nħobbu bħalu. Hi ġiet biex issieħeb il-poplu Amerikan f’din il-mixja tant iebsa tal-faqar, l-isfruttament, il-kolonjaliżmi soċjo-ekonomiċi u kulturali. Hi tinsab qalb il-karwani li, f’tiftixa għal-libertà u l-benessri, jimxu lejn it-tramuntana. Hija qalb dak il-poplu Amerikan mhedded fl-identità tiegħu minn paganiżmu selvaġġ u li jisfrutta, midrub mill-predikazzjoni attiva ta’ ateiżmu prattiku u pragmatiku. U hi tinsab hemm. “Jiena l-Omm tiegħek”, tgħidilna. L-Omm tal-imħabba li biha ngħixu.

 

Illum, 12 ta’ Diċembru, tibda fil-kontinent Amerikan in-Novena Interkontinentali ta’ Guadalupe, mixja li tippreparana għaċ-ċelebrazzjoni tal-V Ċentinarju tal-Ġrajja ta’ Guadalupe fl-2031. Inħeġġeġ lill-membri kollha tal-Knisja pellegrina fl-Amerika, ragħajja u fidili, biex jieħdu sehem f’din il-mixja ċelebrattiva. Imma, nitlobkom, dan agħmluh bi spirtu veru ta’ Guadalupe. Iħassbuni l-proposti ideoloġiċi-kulturali ta’ diversi xejriet li jridu jaħkmu fuq il-laqgħa ta’ poplu ma’ Ommu, li jridu jeqirdu kull ħjiel ta’ razez imħallta, jirtukkjaw lill-Omm. Nitlobkom, tħallux li l-messaġġ jixxejjen minn mudelli mondani u ideoloġiċi. Il-messaġġ hu sempliċi, hu ħelu: “Forsi mhux hawn ninsab jien, li jien Omm tiegħek?”. U lill-Omm ma rridux nideoloġizzawha.

 

Ġesù Kristu, il-mixtieq mill-ġnus kollha, bl-interċessjoni tal-Omm tagħna ta’ Guadalupe, jagħtina jiem ta’ ferħ u ta’ serenità, biex is-sliem tal-Mulej jgħammar fi qlubna u f’dawk tal-bnedmin kollha ta’ rieda tajba.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

 

______________________________________

L’Osservatore Romano, Anno CLXII n. 284, martedì 13 dicembre 2022, p. 8.