QUDDIESA FIS-SENA INJAZJANA U FL-OKKAŻJONI TAR-IV ĊENTINARJU MILL-KANONIZZAZZJONI TA’ SANT’INJAZJU TA’ LOYOLA, SAN FRANĠISK SAVERJU, SANTA TEREŻA TA’ ĠESÙ, SAN ISIDORU L-BIDWI U SAN FILIPPU NERI

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Chiesa del Gesù f’Ruma

Is-Sibt 12 ta’ Marzu 2022

 

Il-Vanġelu tat-Trasfigurazzjoni li għadna kemm smajna fih erba’ azzjonijiet ta’ Ġesù. Nagħmlu tajjeb insegwu x’jagħmel il-Mulej, biex fil-ġesti tiegħu nsibu l-indikazzjonijiet għall-mixja tagħna.

 

L-ewwel verb – l-ewwel waħda minn dawn l-azzjonijiet ta’ Ġesù – hu ħa miegħu: Ġesù, jgħid it-test, “ħa miegħu lil Pietru, lil Ġwanni u lil Ġakbu” (Lq 9:28). Huwa hu li jieħu lid-dixxipli, u huwa hu li ħadna miegħu: ħabbna, għażilna u sejħilna. Fil-bidu hemm il-misteru ta’ grazzja, ta’ għażla. Qabelxejn mhux aħna li konna li ħadna deċiżjoni, imma kien hu li sejħilna, mingħajr ebda merti tagħna. Qabel ma aħna dawk li għamlu minn ħajjithom don, aħna dawk li rċivew don b’xejn: id-don tal-imħabba b’xejn ta’ Alla. Il-mixja tagħna, ħuti, għandha bżonn ta’ kuljum terġa’ tibda minn hawn, mill-grazzja tal-bidu. Ġesù għamel magħna dak li għamel ma’ Pietru, Ġakbu u Ġwanni: sejħilna b’isimna u ħadna miegħu. Qabdilna jdejna. Biex jeħodna fejn? Fuq l-għolja mqaddsa tiegħu, fejn diġà sa minn issa qed jarana għal dejjem miegħu, ittrasfigurati minn imħabbtu. ’L hemm tmexxina l-grazzja, din il-grazzja tal-bidu. Allura, meta nduqu l-imrar u d-delużjonijiet, meta nħossuna mċekkna jew mhux mifhuma, ejjew ma noqogħdux nintilfu fil-krib u n-nostalġiji. Huma tentazzjonijiet li jipparalizzaw il-mixja, mogħdijiet li ma jwasslu mkien. Imma ejjew nieħdu ħajjitna f’idejna billi nibdew mill-grazzja, mis-sejħa. U nilqgħu r-rigal li ngħixu kull ġurnata bħala biċċa mit-triq lejn id-destinazzjoni.

 

Ħa miegħu lil Pietru, lil Ġwanni u lil Ġakbu: il-Mulej jieħu lid-dixxipli flimkien, jeħodhom bħala komunità. Is-sejħa tagħna għandha l-għeruq tagħha fil-komunjoni. Biex ta’ kuljum nerġgħu nibdew, minbarra l-misteru tal-għażla tagħna, hemm bżonn nerġgħu ngħixu l-grazzja li ġejna meħuda fil-Knisja, l-Omm qaddisa ġerarkika tagħna, u għall-Knisja, l-għarusa tagħna. Aħna ta’ Ġesù, u aħna hekk bħala Kumpanija. Ejjew ma negħjew qatt nitolbu l-qawwa li nibnu u nħarsu l-komunjoni, li nkunu ħmira ta’ fraternità għall-Knisja u għad-dinja. M’aħniex solisti li qed infittxu min jismagħna, imma aħwa lesti li nkunu f’kor. Inħossu mal-Knisja, inwarrbu t-tentazzjoni li niġru wara s-suċċessi personali u li noħolqu l-partiti. Ma nħallux jibilgħuna fihom il-klerikaliżmu li jwebbes u l-ideoloġiji li jifirdu. Il-qaddisin li qed infakkru llum kienu pilastri ta’ komunjoni. Ifakkruna li fis-Sema, minkejja d-differenzi tagħna ta’ karattri u ta’ veduti, aħna msejħin noqogħdu flimkien. U jekk għad inkunu għal dejjem magħqudin flimkien hemm fuq, għaliex ma nibdewx sa minn issa minn hawn isfel? Nilqgħu l-ġmiel li ġejna meħuda flimkien minn Ġesù, imsejħin flimkien minn Ġesù. Dan hu l-ewwel verb: ħa.

 

It-tieni verb: titla’. Ġesù “tala’ fuq il-muntanja” (v. 28). It-triq ta’ Ġesù mhix niżla, hija telgħa. Id-dawl tat-trasfigurazzjoni ma jasalx fi pjanura, imma wara mixja ta’ taħbit. Biex nimxu wara Ġesù allura hemm bżonn inħallu l-pjanuri tal-medjokrità u n-niżliet tal-kumditajiet; hemm bżonn inħallu d-drawwiet rassiguranti tagħna biex nidħlu f’moviment ta’ eżodu. Fil-fatt, meta tela’ fuq il-muntanja, Ġesù deher jitħaddet ma’ Mosè u Elija sewwasew fuq “it-tmiem ta’ ħajtu li kellu jseħħ f’Ġerusalemm” (v. 31). Mosè u Elija kienu telgħu fuq is-Sinaj jew il-Ħoreb wara żewġ eżodi fid-deżert (ara Eż 19: 1 Slat 19); issa qed jitkellmu ma’ Ġesù fuq l-eżodu defenittiv, dak tal-Għid tiegħu. Ħuti, it-telgħa tas-salib biss tista’ twassalna għad-destinazzjoni tal-glorja. Din hija t-triq: mis-salib għall-glorja. It-tentazzjoni mondana hi li nfittxu l-glorja mingħajr ma ngħaddu mis-salib. Aħna kieku nixtiequ toroq li nafuhom, dritti u għall-wita, imma biex insibu d-dawl ta’ Ġesù hemm bżonn kontinwament noħorġu minna nfusna u nitilgħu warajh. Il-Mulej li, kif smajna, sa mill-bidu “ħareġ” lil Abram (Ġen 15:5), qed jistieden lilna wkoll biex noħorġu u nitilgħu.

 

Għalina l-Ġiżwiti l-ħruġ u t-tlugħ jiġu wara mixja speċifika, li l-muntanja tissimbolizza wisq tajjeb. Fl-Iskrittura l-quċċata tal-muntanji tirrappreżenta l-estremità, il-limitu, il-konfini bejn sema u art. U aħna msejħin noħorġu biex immorru proprju hemm, fil-konfini bejn sema u art, hemm fejn il-bniedem bi tbatija “jaffronta” lil Alla; biex naqsmu fit-tiftix skomdu tiegħu u fid-dubju reliġjuż tiegħu. Hemm irridu nkunu, u biex nagħmlu dan hemm bżonn noħorġu u nitilgħu. Waqt li l-għadu tan-natura umana jrid jikkonvinċina nerġgħu lura dejjem fuq l-istess passi, dawk tar-repetittività sterili, tal-kumdità, ta’ dak li diġà rajna, l-Ispirtu qed jissuġġerilna l-ftuħ, jagħtina l-paċi mingħajr ma jħallina qatt fil-paċi, jibgħat lid-dixxipli fit-trufijiet l-aktar imbiegħda. Biżżejjed naħsbu fi Franġisku Saverju.

 

U jiġini f’moħħi li biex nagħmlu din it-triq, din il-mixja, hemm bżonn nitqabdu. Naħsbu fl-imsejken xwejjaħ Abram: hemm, bis-sagrifiċċju, jeħodha mal-għasafar tal-priża li riedu jieklu l-offerta (ara Ġen 15:7-11). U hu, bil-ħatar, igerixxhom. Ix-xwejjaħ imsejken. Ejjew naraw dan: nitqabdu biex niddefendu din il-mixja, din it-triq, din il-konsagrazzjoni tagħna lill-Mulej.

 

Id-dixxiplu ta’ kull siegħa jsib ruħu f’dan salib it-toroq. U jista’ jagħmel bħal Pietru, li waqt li Ġesù qed jitkellem fuq it-tluq tiegħu, jgħidlu: “Kemm hu sew li aħna hawn!” (v. 33). Dejjem hemm il-periklu ta’ fidi statika, “ipparkjata”. Nibża’ mill-fidi “pparkjata” jien. Ir-riskju hu dak li nqisu ruħna dixxipli “tajba”, li fir-realtà mhumiex mexjin wara’ Ġesù imma jibqgħu weqfin, passivi u, bħat-tlieta tal-Vanġelu, bla ma jintebħu, jeħodhom in-ngħas u jorqdu. Anki fil-Ġetsemani, dawn l-istess dixxipli, jorqdu. Ħuti, għal min miexi wara Ġesù dan mhux żmien biex jorqod, biex iħalli r-ruħ titħeddel, biex iħalli tilluppjah il-klima konsumistika u individwalistika tal-lum, fejn il-ħajja sejra sew jekk sejjer sew jien; fejn nitkellmu u nitteorizzaw, imma nitilfu minn taħt il-ħarsa tagħna l-ġisem ta’ ħutna, il-konkretezza tal-Vanġelu. Traġedja ta’ żmienna hi li nagħlqu għajnejna għar-realtà u nduru nħarsu band’oħra. Santa Tereża tgħinna noħorġu minna nfusna u nitilgħu fuq il-muntanja ma’ Ġesù, biex nintebħu li hu juri ruħu wkoll fil-pjagi ta’ ħutna, fit-taħbit tal-umanità, fis-sinjali taż-żminijiet. Ma nibżgħux immissu l-pjagi: huma l-pjagi tal-Mulej.

 

Ġesù tela’ fuq il-muntanja, jgħid il-Vanġelu, “biex jitlob” (v. 28). Dan hu t-tielet verb, nitolbu. U “ġara li huwa u jitlob”, ikompli t-test, “id-dehra ta’ wiċċu tbiddlet” (v. 29). It-trasfigurazzjoni titwieled mit-talb. Nistaqsu lilna nfusna, forsi wara tant snin ta’ ministeru, x’inhu għalina llum, x’inhu għalija llum, it-talb. Forsi l-qawwa tad-drawwa u ċerta ritwalità wassluna biex nemmnu li t-talb ma jibdilx lill-bniedem u l-istorja. Imma t-talb kapaċi jibdilha r-realtà. Hija missjoni attiva, interċessjoni kontinwa. Ma jfissirx titbiegħed mid-dinja, imma tibdel id-dinja. Meta nitolbu, qed inwasslu l-polz tal-ġrajjiet lil Alla biex il-ħarsa tiegħu titwessa’ fuq l-istorja. Xi jfisser għalina li nitolbu?

 

U nagħmlu tajjeb illum nistaqsu lilna nfusna jekk it-talb hux qed idaħħalna f’din il-bidla; jekk hux jixħet dawl ġdid fuq il-persuni u jittrasfigura s-sitwazzjonijiet. Għax jekk it-talb hu ħaj tassew, “jagħmel ħerba minn ġewwa”, ikebbes mill-ġdid in-nar tal-missjoni, jerġa’ jħeġġeġ il-ferħ, iqanqalna l-ħin kollu biex inħallu tinkwetana l-karba sofferenti tad-dinja. Nistaqsu lilna nfusna: kif qed inġorru fit-talb tagħna l-gwerra li għaddejja bħalissa? U naħsbu fit-talb ta’ San Filippu Neri, li wessagħlu qalbu u ġagħlu jiftaħ il-bibien għat-tfal tat-triq. Jew f’San Isidoru, li kien jitlob fl-għelieqi u jġorr ix-xogħol tal-art fit-talb.

 

Nieħdu f’idejna ta’ kuljum is-sejħa personali tagħna u l-istorja komunitarja tagħna; nitilgħu lejn il-konfini li jurina Alla u hekk noħorġu minna nfusna; nitolbu biex nibdlu d-dinja li fiha aħna mgħaddsin. Fl-aħħar nett hemm ir-raba’ verb, li jidher fl-aħħar vers tal-Vanġelu tal-lum: “Baqa’ Ġesù waħdu” (v. 36). Baqa’ hu, waqt li l-bqija kollu kien għadda ħlief l-eku waħdu bit-“testment” tal-Missier: “Lilu isimgħu” (v. 35). Il-Vanġelu jagħlaq billi jħallilna l-essenzjal. Spiss aħna ttentati, fil-Knisja u fid-dinja, fl-ispiritwalità kif ukoll fis-soċjetà, li nagħmlu primarji ħafna bżonnijiet li huma sekondarji. Hija tentazzjoni ta’ kuljum li nagħmlu primarji tant bżonnijiet sekondarji. Nirriskjaw, fi kliem ieħor, li nikkoċentraw fuq prattiċi, drawwiet u tradizzjonijiet li l-qalb isammrulha ħarsitha fuq dak li jgħaddi u jnessuha dak li jibqa’. Kemm hu importanti li naħdmu fuq il-qalb, biex tagħraf tagħżel dak li jrid Alla, u jibqa’, minn dak li trid id-dinja, u jgħaddi!

 

Għeżież ħuti, il-qaddis missierna Injazju jgħinna nieħdu ħsieb tad-dixxerniment, il-wirt prezzjuż tagħna, teżor dejjem attwali biex insawbuh fuq il-Knisja u fuq id-dinja. Dan jgħinna “naraw f’dawl ġdid kollox fi Kristu”. Hu essenzjali, għalina nfusna u għall-Knisja, biex, kif kiteb Pietru Favre, “il-ġid kollu li nistgħu nagħmlu, naħsbu jew norganizzaw, isir bi spirtu tajjeb u mhux b’dak ħażin” (Memorial, Paris 1959, n. 51). Hekk ikun.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard