-  Filmat oriġinali ....

IS-60 ANNIVERSARJU MILL-FTUĦ TAL-KONĊILJU VATIKAN II

QUDDIESA

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Bażilika ta’ San Pietru

It-Tlieta 11 ta’ Ottubru 2022

Tifkira ta’ San Ġwanni XXIII, Papa

 

“Tħobbni int?”. Din hi l-ewwel frażi li Ġesù jlissen lil Pietru fil-Vanġelu li għadna kemm smajna (Ġw 21:15). Waqt li l-aħħar waħda hi: “Irgħa n-nagħaġ tiegħi” (v. 17). Fl-anniversarju mill-ftuħ tal-Konċilju Vatikan II nisimgħu jingħadu lilna wkoll, lilna bħala Knisja, dawn il-kelmiet tal-Mulej: Tħobbni int? Irgħa n-nagħaġ tiegħi.

 

1. QabelxejnTħobbni int? Hija mistoqsija, għax l-istil ta’ Ġesù mhuwiex daqstant dak li jagħti tweġibiet, imma li jagħmel mistoqsijiet, mistoqsijiet li jipprovokaw lill-ħajja. U l-Mulej, li “fl-imħabba kbira tiegħu jitkellem mal-bnedmin bħal ħbieb u jgħix magħhom” (Dei Verbum, 2), mill-ġdid qed jistaqsi, jistaqsi dejjem lill-Knisja, l-għarusa tiegħu: “Tħobbni int?”. Il-Konċilju Vatikan II kien tweġiba kbira għal din il-mistoqsija: hu biex tħeġġeġ mill-ġdid imħabbtu li l-Knisja, għall-ewwel darba fl-istorja, iddedikat Konċilju sħiħ biex tistaqsi dwarha nfisha, biex tirrifletti fuq in-natura tagħha u fuq il-missjoni tagħha. U skopriet mill-ġdid li hi misteru ta’ grazzja mnissel mill-imħabba: reġgħet skopriet li hi Poplu ta’ Alla, Ġisem ta’ Kristu, tempju ħaj tal-Ispirtu s-Santu!

 

Din hija l-ewwel ħarsa li għandu jkollna fuq il-Knisja, il-ħarsa mill-għoli. Iva, il-Knisja qabelxejn għandna nħarsu lejha mill-għoli, bl-għajnejn innamrati ta’ Alla. Ejjew nistaqsu lilna nfusna jekk fil-Knisja nibdewx minn Alla, mill-ħarsa nnamrata tiegħu fuqna. Dejjem hemm it-tentazzjoni li nibdew minna nfusna pjuttost milli minn Alla, li nqiegħdu l-aġendi tagħna qabel tal-Vanġelu, li nħallu r-riħ tal-mondanità jkaxkarna miegħu biex niġru wara l-moda taż-żmien jew li narmu ż-żmien li l-Providenza qed tislifna biex noqogħdu nħarsu lura. Imma ejjew niftħu għajnejna sew: la l-progressiżmu li jiġri wara dak li hu tad-dinja, u lanqas it-tradizzjonaliżmu – jew l-“indjetriżmu” – li joqgħod jibki dinja tal-imgħoddi, ma huma provi ta’ mħabba, imma ta’ infedeltà. Huma egoiżmi Pelaġjani, li jpoġġu l-gosti tagħna u l-pjanijiet tagħna qabel l-imħabba li togħġob lil Alla, dik sempliċi, umli u fidila li Ġesù talab minn Pietru.

 

Imma inti tħobbni? Ejjew niskopru mill-ġdid il-Konċilju biex irroddu l-primat lura lil Alla, lil dak li hu essenzjali: lil Knisja li hi miġnuna bl-imħabba għal Sidha u għall-bnedmin kollha, minnu maħbuba; lil Knisja li hi għanja b’Ġesù u fqira fil-mezzi; lil Knisja li hi ħielsa u teħles. Il-Konċilju juri lill-Knisja din ir-rotta: ireġġagħha lura, bħal Pietru fil-Vanġelu, lejn il-Galilija, lejn l-għejun tal-ewwel imħabba, biex fil-faqar tagħha terġa’ tiskopri l-qdusija ta’ Alla (ara Lumen gentium, 8c; kap. V). Aħna wkoll, kull wieħed u waħda minna għandna l-Galilija tagħna, il-Galilija tal-ewwel imħabba, u żgur li anki kull wieħed u waħda minna llum hu mistieden jerġa’ lura fil-Galilija tiegħu biex jisma’ leħen il-Mulej: “Ejja warajja”. U hemm, biex fil-ħarsa tal-Mulej imsallab u rxoxt jerġa’ jsib il-ferħ li tilef, biex jikkonċentra fuq Ġesù. Nerġgħu nsibu l-ferħ: Knisja li tilfet il-ferħ, tilfet l-imħabba. Lejn tmiem jiemu fuq din l-art il-Papa Ġwanni kiteb hekk: “Din il-ħajja tiegħi li riesqa lejn l-għabex tagħha ma tistax tasal għal tmiem aħjar minn dak li nikkonċentra kollox f’Ġesù, bin Marija… intimità kbira u kontinwa ma’ Ġesù, ikkontemplat fix-xbieha: tarbija, imsallab, meqjum fis-Sagrament” (Il-Ġurnal tar-Ruħ, 977-978). Din hi l-ħarsa għolja tagħna, din hi l-għajn tagħna dejjem ħajja: Ġesù, il-Galilija tal-imħabba, Ġesù li jsejħilna, Ġesù li jistaqsina: “Tħobbni int?”.

 

Ħuti, ejjew nerġgħu lura lejn l-għejun safja ta’ mħabba tal-Konċilju. Nerġgħu nsibu l-passjoni tal-Konċilju u nġeddu l-passjoni għall-Konċilju! Mgħaddsa fil-misteru tal-Knisja omm u għarusa, ejjew ngħidu aħna wkoll, ma’ San Ġwanni XXIII: Gaudet Mater Ecclesia! (Diskors tal-ftuħ tal-Konċilju, 11 ta’ Ottubru 1962). Ħa tkun il-Knisja mimlija bil-ferħ. Jekk ma tifraħx tkun tgiddeb lilha nfisha, għax tinsa l-imħabba li ħalqitha. Imma kemm hawn fostna li ma jirnexxilhomx jgħixu l-fidi bil-ferħ, mingħajr ma jgemgmu u mingħajr ma jikkritikaw? Knisja nnamrata ma’ Ġesù ma għandhiex żmien għat-tilwim, għall-veleni u għall-polemiċi. Ħa jeħlisna Alla milli nkunu kritiċi u intolleranti, qarsa u rrabjati. Din mhix biss kwistjoni ta’ stil, imma ta’ mħabba, għax min iħobb, kif jgħallem l-Appostlu Pawlu, jagħmel kollox bla tgemgim (ara Fil 2:14). Mulej, għallimna l-ħarsa tiegħek mill-għoli, biex inħarsu lejn il-Knisja kif taraha inti. U meta nkunu kritiċi u qatt m’aħna kuntenti, fakkarna illi li nkunu Knisja jfisser nagħtu xhieda tal-ġmiel ta’ mħabbtek, li ngħixu fi tweġiba għall-mistoqsija tiegħek: Tħobbni int? Ma jfissirx li ngħixu bħallikieku konna xi funeral.

 

2. Tħobbni int? Irgħa n-nagħaġ tiegħi. It-tieni kelma: Irgħa. Ġesù b’dan il-verb jesprimi l-imħabba li jixtieq minn Pietru. Ejjew naħsbu proprju f’Pietru: kien sajjied tal-ħut u Ġesù kien bidlu f’sajjied tal-bnedmin (ara Lq 5:10). Issa jagħtih mestier ġdid, dak ta’ ragħaj, li hu qatt ma kien ħaddem qabel. U hija bidla, għax waqt li s-sajjied jieħu għalih, jiġbed lejh, ir-ragħaj jieħu ħsieb tal-oħrajn, jirgħa lill-oħrajn. Iżjed minn hekk, ir-ragħaj jgħix mal-merħla, jitma’ lin-nagħaġ, jintrabat magħhom. Ma joqgħodx fuqhom, bħas-sajjied, imma f’nofshom. Ir-ragħaj jimxi quddiem il-poplu biex jurihom it-triq, f’nofs il-poplu bħal wieħed minnhom, u wara l-poplu biex ikun qrib tagħhom jekk jaqgħu lura. Ir-ragħaj ma joqgħodx fuqhom, bħas-sajjied, imma f’nofshom. Din hi t-tieni ħarsa li jgħallimna l-Konċilju, il-ħarsa min-nofs: noqogħdu fid-dinja mal-oħrajn u mingħajr qatt ma nħossuna fuq l-oħrajn, bħala qaddejja tal-ikbar Saltna ta’ Alla (ara Lumen gentium, 5); inwasslu l-aħbar it-tajba tal-Vanġelu qalb il-ħajja u l-ilsna tal-bnedmin (ara Sacrosanctum Concilium, 36), u naqsmu magħhom il-ferħ u t-tamiet tagħhom (ara Gaudium et spes, 1). Noqogħdu f’nofs il-poplu, mhux fuq il-poplu: dan hu l-ikreh dnub tal-klerikaliżmu li joqtol lin-nagħaġ, mhux imexxihom, mhux jgħinhom jikbru, imma joqtolhom. Kemm hu attwali l-Konċilju: jgħinna niċħdu t-tentazzjoni li ningħalqu bejn il-ħitan tal-kumditajiet u l-konvinzjonijiet tagħna, biex nixbhu l-istil ta’ Alla, li fissrilna llum il-profeta Eżekjel: “infittxu l-mitlufa, inreġġgħu lura fil-maqjel l-imxerrda, ninfaxxaw il-ġrieħi tal-miġrugħa, u nqawwu l-marida” (ara Eżek 34:16).

 

Irgħa: il-Knisja ma ċċelebratx il-Konċilju biex toqgħod tammira lilha nfisha, imma biex tingħata. Fil-fatt l-Omm imqaddsa ġerarkika tagħna, ħierġa mill-qalb tat-Trinità, teżisti biex tħobb. Hija poplu saċerdotali (ara Lumen gentium, 10ss): ma tridx tispikka f’għajnejn id-dinja, imma taqdi lid-dinja. Ma ninsewhx dan: il-Poplu ta’ Alla jitwieled estrovert u iktar ma jingħata iktar isir żagħżugħ, għax huwa sagrament ta’ mħabba, “sinjal u strument tal-għaqda intima ma’ Alla u tal-unità tal-ġens tal-bnedmin kollu” (Lumen gentium, 1). Ħuti, ejjew nerġgħu lura għall-Konċilju, li reġa’ skopra x-xmara ħajja tat-Tradizzjoni mingħajr ma staġna fit-tradizzjonijiet; li reġa’ sab l-għajn tal-imħabba mhux biex jibqa’ fuq il-muntanja, imma biex il-Knisja tinżel fil-wied u tkun kanal ta’ ħniena għal kulħadd. Ejjew nerġgħu lura għall-Konċilju biex noħorġu minna nfusna u negħlbu t-tentazzjoni tal-awtoreferenzjalità, li hu mod ta’ kif inkunu mondani. Irgħa, itenni l-Mulej lill-Knisja tiegħu; u int u tirgħa, egħleb in-nostalġiji tal-passat, toqgħodx tibki għax tlift ir-relevanza, irbaħ fuq ir-rabta mal-poter, għax int, Poplu qaddis ta’ Alla, int poplu pastorali: ma teżistix biex tirgħa lilek innifsek, biex tixxabbat miegħek innifsek, imma biex tirgħa lill-oħrajn, l-oħrajn kollha, bi mħabba. U, jekk hu sewwa li nuru xi attenzjoni partikulari, ħa tkun din għall-aktar maħbubin minn Alla, jiġifieri l-foqra, l-imwarrbin (ara Lumen gentium, 8c; Gaudium et spes, 1); biex inkunu, kif qal il-Papa Ġwanni, “il-Knisja ta’ kulħadd, u partikularment il-Knisja tal-foqra” (Radjumessaġġ lill-fidili tad-dinja kollha xahar qabel il-Konċilju Vatikan II, 11 ta’ Settembru 1962).

 

3. Tħobbi? Irgħa – jagħlaq il-Mulej – in-nagħaġ tiegħi. Mhux qed jifhem biss xi wħud, imma kollha, għax lil kollha jħobbhom, lil kollha bi mħabba jsejħilhom “tiegħi”. Ir-Ragħaj it-tajjeb jara u jrid lill-merħla tiegħu magħquda, taħt il-gwida tar-Ragħajja li taha. Irid – it-tielet ħarsa – il-ħarsa ta’ flimkien: kollha, kollha flimkien. Il-Konċilju jfakkarna li l-Knisja, fuq is-sura tat-Trinità, hi komunjoni (ara Lumen gentium, 4, 13). Imma x-xitan irid jiżra’ s-sikrana tal-firda. Ejjew ma nċedux għall-ħajriet tiegħu, ma nċedux għat-tentazzjoni tal-polarizzazzjoni. Kemm drabi, wara l-Konċilju, l-Insara fittxew li jagħżlu parti fil-Knisja, mingħajr ma ntebħu li kienu qed iċarrtu l-qalb tal-Omm tagħhom! Kemm drabi ppreferew ikunu “sapporters tal-grupp tagħhom” flok qaddejja ta’ kulħadd, progressisti u konservazzjonisti pjuttost milli aħwa, “tal-lemin” jew “tax-xellug” iżjed milli ta’ Ġesù; għamluha ta’ “ħarriesa tal-verità” jew “solisti tal-ġdid”, flok għarfu li huma wlied umli u grati tal-Omm tagħhom il-Knisja mqaddsa. Ilkoll, ilkoll kemm aħna wlied ta’ Alla, ilkoll aħwa fil-Knisja, ilkoll Knisja, ilkoll. Il-Mulej ma jridniex hekk: aħna n-nagħaġ tiegħu, il-merħla tiegħu, u dan nistgħu nkunu biss jekk inkunu flimkien, magħqudin. Ejjew negħlbu l-polarizzazzjoni u nħarsu l-komunjoni, insiru dejjem iżjed “ħaġa waħda”, kif Ġesù talab qabel ma ta ħajtu għalina (ara Ġw 17:21). Tgħinna f’dan Marija, Omm il-Knisja. Ħa żżid fina x-xenqa għall-għaqda, ix-xewqa li nħabirku għall-komunjoni sħiħa bejn dawk kollha li jemmnu fi Kristu. Inwarrbu għall-ġenb l-“iżmi”: lill-poplu ta’ Alla ma togħġbux din il-polarizzazzjoni. Il-poplu ta’ Alla huwa l-poplu qaddis u fidil ta’ Alla: din hija l-Knisja. Kemm hu sabiħ li llum, bħal fi żmien il-Konċilju, għandna magħna rappreżentanti ta’ Komunitajiet Insara oħra. Grazzi! Grazzi li ġejtu, grazzi ta’ din il-preżenza.

 

Irroddulek ħajr, Mulej, għad-don tal-Konċilju. Inti li tħobbna, eħlisna mill-preżunzjoni tal-awtosuffiċjenza u mill-ispirtu tal-kritika mondana. Eħlisna mill-esklużjoni tagħna nfusna mill-għaqda. Int, li tirgħana bil-ħlewwa, oħroġna barra mill-ħitan tal-awtoreferenzjalità. Inti, li trid merħla magħquda, eħlisna mill-manuvra djabolika tal-polarizzazzjoni, mill-“iżmi”. U aħna, il-Knisja tiegħek, ma’ Pietru u bħal Pietru ngħidulek: “Mulej, int taf kollox; int taf li aħna nħobbuk” (ara Ġw 21:17).

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard