QUDDIESA TAL-ĦNIENA DIVINA

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Knisja ta’ Santo Spirito in Sassia

It-II Ħadd tal-Għid (jew tal-Ħniena Divina), 11 ta’ April 2021

 

Kristu Rxoxt jidher lid-dixxipli kemm-il darba. Bis-sabar kollu jfarraġ il-qlub maqtugħa tagħhom. Hekk, wara l-qawmien tiegħu jwettaq il-“qawmien tad-dixxipli”. U huma, imħeġġa minn Ġesù, jibdlu ħajjithom. Qabel, il-ħafna kliem u l-ħafna eżempji tal-Mulej ma kinux waslu biex jibdluhom. Issa, fl-Għid, isseħħ xi ħaġa ġdida. U jseħħ is-sinjal tal-ħniena. Ġesù jerġa’ jerfagħhom bil-ħniena – jerfagħhom bil-ħniena – u huma, li magħhom intweriet ħniena, isiru dawk li juru l-ħniena. Diffiċli ħafna nuru ħniena jekk ma nintebħux l-ewwel li din intweriet magħna.

 

1. Qabelxejn tintwera ħniena magħhom, permezz ta’ tliet doni: l-ewwel nett Ġesù joffrilhom l-paċi, imbagħad l-Ispirtu, u fl-aħħar il-pjagi. Dawk id-dixxipli kienu mbeżżgħin. Bil-biża’ li kellhom fuqhom kienu ngħalqu ġewwa, għax beżgħu li jiġu arrestati u jispiċċaw bħall-Imgħallem tagħhom. Mhux biss kienu nqaflu ġewwa, kienu ngħalqu wkoll fir-rimors tagħhom. Kienu abbandunaw u ċaħdu lil Ġesù. Kienu qed iħossuhom bla ħila, mhuma tajbin għal xejn, fl-iżball. Jasal Ġesù u jtennilhom: “Is-sliem għalikom!”. Ma jġibilhomx paċi li tneħħi l-problemi minn barra, imma paċi li timla bil-fiduċja minn ġewwa. Mhux paċi ta’ barra, imma l-paċi tal-qalb. Jgħidilhom: “Is-sliem għalikom! Kif Missieri bagħat lili, hekk jien nibgħat lilkom” (Ġw 20:21). Qisu ried jgħidilhom: “Qed nibgħatkom għax nemmen fikom”. Dawk id-dixxipli qalbhom maqtugħa jiġu mill-ġdid f’paċi magħhom infushom. Il-paċi ta’ Ġesù tgħaddihom mir-rimors għall-missjoni. Il-paċi ta’ Ġesù fil-fatt twassal għall-missjoni. Mhijiex trankwillità, mhijiex kumdità, imma tfisser li noħorġu minna nfusna. Il-paċi ta’ Ġesù teħlisna mill-għeluq li jipparalizzana, tkisser il-ktajjen li jżommuna lsiera ta’ qalbna. U d-dixxipli jħossu li ntweriet ħniena magħhom: iħossu li Alla ma jikkundannahomx, ma jbaxxihomx, imma jemmen fihom. Iva, jemmen fina iżjed minn kemm aħna nemmnu fina nfusna. “Iħobbna iktar milli aħna nħobbu lilna nfusna” (ara San J.H. Newman, Meditations and Devotions, III,12,2). Għal Alla ħadd ma hu żbaljat, ħadd ma hu bla siwi, ħadd ma hu eskluż. Ġesù llum itennilna mill-ġdid: “Il-paċi miegħek, int prezzjuż f’għajnejja. Il-paċi miegħek, int importanti għalija. Il-paċi miegħek, int għandek missjoni. Ħadd ma jista’ jwettaqha flokok. Ħadd ma jista’ jeħodlok postok. U jiena nemmen fik”.

 

It-tieni ħaġa, Ġesù juri ħniena mad-dixxipli meta joffrilhom l-Ispirtu s-Santu. Jagħtih għall-maħfra tad-dnubiet (ara vv. 22-23). Id-dixxipli kellhom tort, kienu ħarbu u telqu lill-Imgħallem waħdu. U d-dnub jitturmenta, il-ħażen għandu l-prezz tiegħu. Id-dnub tagħna, jgħid is-Salm (ara 51:5), jinsab dejjem quddiemna. Waħidna ma nistgħux inneħħuh. Alla biss jeqirdu, hu biss bil-ħniena tiegħu joħroġna mill-miżerji l-aktar profondi tagħna. Bħal dawk id-dixxipli, għandna bżonn inħalluh jaħfrilna, u ngħidulu minn qalbna: “Maħfra, Mulej”. Niftħu qalbna biex inħalluh jaħfrilna. Il-maħfra fl-Ispirtu s-Santu hija d-don tal-Għid biex iqajjimna minn ġewwa. Nitolbu l-grazzja li nilqgħuh, li nħaddnu s-Sagrament tal-maħfra. U li nifhmu li fiċ-ċentru tal-Qrar ma hemmx aħna bid-dnubiet tagħna, imma Alla bil-ħniena tiegħu. Ma mmorrux inqerru biex inkissru lilna nfusna, imma biex nerġgħu nqumu. Għandna tant bżonn tiegħu, ilkol kemm aħna. Għandna bżonnu l-istess kif it-tfal żgħar, kull darba li jaqgħu, ikollhom bżonn li missierhom jerġa’ jerfagħhom. Aħna wkoll naqgħu spiss. U d-driegħ tal-Missier ikun lest biex jerġa’ jqajjimna fuq riġlejna u jmexxina ’l quddiem. Din l-id żgura u affidabbli hija l-Qrar. Huwa s-Sagrament li jerġa’ jqajjimna, li ma jitlaqniex mal-art nibku fuq il-madum iebes tal-waqgħat tagħna. Huwa s-Sagrament tal-qawmien, huwa ħniena pura. U min iqarar irid idewwaq il-ħlewwa tal-ħniena. U din hija t-triq ta’ dawk li jqarru lin-nies: li jdewquhom il-ħniena ta’ Ġesù li taħfer kollox. Alla kollox jaħfer.

 

Wara l-paċi li terġa’ tilqa’ u l-maħfra li terfa’ mill-ġdid, għandna t-tielet don li bih Ġesù juri ħniena mad-dixxipli: hu joffrilhom il-pjagi. B’dawk il-pjagi aħna mfejqa (ara 1 Piet 2:24; Iż 53:5). Imma kif tista’ ġerħa tfejjaqna? Bil-ħniena. F’dawk il-pjagi, bħal Tumas, immissu b’idejna kif Alla jħobbna għall-aħħar, tant li għamel tiegħu l-ġrieħi tagħna, li ġarr fuq ġismu stess id-dgħufijiet tagħna. Il-pjagi huma kanali miftuħa bejnu u bejna, li jsawbu l-ħniena fuq il-miżerji tagħna. Il-pjagi huma t-toroq li Alla fetħilna beraħ biex aħna nidħlu fil-ħlewwa tiegħu u mmissu b’idejna hu min hu. U ma niddubitawx iżjed mill-ħniena tiegħu. Aħna u nqimu u nbusu l-pjagi tiegħu niskopru li kull dgħufija tagħna hi milqugħa fil-ħniena tiegħu. Dan iseħħ f’kull quddiesa, fejn Ġesù joffrilna Ġismu miġruħ u rxoxt: immissuh u hu jmiss il-ħajja tagħna. U jniżżel ġewwa fina l-Ġenna. Il-pjagi mdawla tiegħu jċarrtu d-dalma li nġorru fina. U aħna, bħal Tumas, insibu lil Alla, niskopruh ġewwa fina u qrib tagħna, u ngħidulu mqanqlin: “Mulej tiegħi u Alla tiegħi!” (Ġw 20:28). U kollox jitwieled minn hawn, mill-grazzja li ssir ħniena magħna. Minn hawn tibda l-mixja Nisranija. Jekk minflok aħna nibnu fuq il-ħiliet tagħna, fuq l-effiċjenza tal-istrutturi tagħna u tal-proġetti tagħna, ma tantx ħa mmorru ’l bogħod. Huwa biss jekk nilqgħu l-imħabba ta’ Alla li nistgħu nagħtu xi ħaġa ġdida lid-dinja.

 

2. Hekk għamlu d-dixxipli: wara li rċivew ħniena, saru huma wkoll ħanina. Dan narawh fl-Ewwel Qari. L-Atti tal-Appostli jirrakkontaw li “ħadd minnhom ma kien jgħid li l-ġid li kellu kien tiegħu, iżda kellhom kollox flimkien” (4:32). Dan mhuwiex komuniżmu, hu Kristjaneżmu fl-istat pur tiegħu. Hu jissorprendina ħafna iżjed meta naħsbu li dawk l-istess dixxipli ftit qabel kienu tlewmu bejniethom fuq premijiet u unuri, fuq min kien l-ikbar fosthom (ara Mk 10:37; Lq 22:24). Issa qed jaqsmu kollox ma’ xulxin, għandhom “qalb waħda u ruħ waħda” (Atti 4:32). Kif saret fihom din il-bidla kollha? Raw fl-oħrajn l-istess ħniena li bidlet il-ħajja tagħhom. Skoprew li għandhom komuni bejniethom il-missjoni, li għandhom komuni l-maħfra u l-Ġisem ta’ Ġesù: għalhekk dehritilhom konsegwenza naturali li jaqsmu flimkien il-ġid ta’ din l-art. It-test imbagħad jgħid li “ħadd minnhom ma kien jonqsu xejn” (v. 34). Il-biżgħat tagħhom kienu ġew fix-xejn meta messew il-pjagi tal-Mulej, issa m’għadhomx jibżgħu jikkuraw il-ġrieħi ta’ min hu fil-bżonn. Għax hemm jaraw lil Ġesù. Għax hemmhekk hemm Ġesù, fil-pjagi ta’ min hu fil-bżonn.

 

Oħti, ħija, trid prova ta’ kemm Alla mess lil ħajtek? Ara intix tmil fuq il-pjagi tal-oħrajn. Illum huwa l-jum li nistaqsu lilna nfusna: “Jien, li tant drabi rċivejt il-paċi ta’ Alla, li tant drabi rċivejt il-maħfra tiegħu u l-ħniena tiegħu, qed nuri ħniena mal-oħrajn? Jien, li tant drabi trejjaqt bil-Ġisem ta’ Ġesù, qed nagħmel xi ħaġa biex nitma’ lil min hu fqir?”. Ejjew ma nibqgħux indifferenti. Ma ngħixux fidi ta’ nofs kedda, li tirċievi imma ma tagħtix, li tilqa’ d-don imma ma ssirx don hi. Magħna ntweriet ħniena, allura ejjew nuru ħniena. Għax jekk l-imħabba tieqaf magħna, il-fidi tinxef f’intimiżmu sterili. Mingħajr l-oħrajn tispiċċa tinqata’ mir-realtà. Mingħajr l-opri ta’ ħniena tmut (ara Ġak 2:17). Ħuti, ejjew inħallu jirxuxtawna l-paċi, il-maħfra u l-pjagi ta’ Ġesù ħanin. U nitolbu l-grazzja li nsiru xhieda tal-ħniena. Hekk biss il-fidi tkun ħajja. U l-fidi tkun magħquda. Hekk biss inxandru l-Vanġelu ta’ Alla, li hu Vanġelu tal-ħniena.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard