VELJA TAL-LEJL QADDIS TAL-GĦID

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

 

Bażilika ta’ San Pietru – Altar tal-Katedra

Sibt il-Għid, 11 ta’ April 2020

 

“Meta għadda s-Sibt” (Mt 28:1) in-nisa marru ħdejn il-qabar. Hekk fetaħ il-Vanġelu ta’ din il-Velja qaddisa, bil-jum tas-Sibt. Huwa l-jum tat-Tridu tal-Għid li nittraskuraw l-aktar, imħabbta kif inkunu bl-istennija bla sabar li ngħaddu mis-salib tal-Ġimgħa għall-Hallelujah tal-Ħadd. Din is-sena, imma, qed nifhmu iżjed minn qatt qabel x’inhu Sibt il-Għid, il-jum tas-skiet il-kbir. Nistgħu nilmħu lilna nfusna fis-sentimenti tan-nisa dakinhar. Bħalna, kellhom fi ħbub għajnejhom id-drama tat-tbatija, ta’ traġedja li ma rawhiex ġejja u li seħħet wisq malajr. Kienu raw il-mewt u kellhom il-mewt fil-qalb tagħhom. Man-niket kien hemm ukoll il-biża’: tgħid kienet se tmiss lilhom ukoll l-istess xorti tal-Imgħallem? U mbagħad il-biża’ dwar il-futur, li riedu jerġgħu jibnuh mill-ġdid. Il-memorja midruba, it-tama maħnuqa. Għalihom kienet l-aktar siegħa mudlama, kif inhi din għalina.

 

Imma f’din is-sitwazzjoni n-nisa ma jeħlux hemm. Ma jċedux għall-qawwiet mudlama tad-dispjaċir u tal-biki, ma jingħalqux fil-pessimiżmu, ma jaħarbux mir-realtà. Fil-jum tas-Sibt jagħmlu xi ħaġa sempliċi imma straordinarja: fid-djar tagħhom iħejju l-fwejjaħ għall-ġisem ta’ Ġesù. Ma jagħlqux il-bieb għall-imħabba: fid-dlam tal-qalb jixegħlu l-ħniena. Il-Madonna, is-Sibt, fil-jum li mbagħad ġie ddedikat lilha, titlob u tittama. Fl-isfida tan-niket, tafda fil-Mulej. Dawn in-nisa, bla ma jafu, fid-dalma ta’ dak is-Sibt kienu qed iħejju għaż-“żerniq tal-ewwel jum tal-ġimgħa”, il-jum li kellu jibdel l-istorja. Ġesù, bħal żerriegħa fil-ħamrija, kien wasal biex iwarrad fid-dinja ħajja ġdida; u n-nisa, bit-talb u l-imħabba tagħhom, kienu qed jgħinnu lil din it-tama biex twarrad. Kemm persuni, fil-jiem iebsa li qed ngħixu, għamlu u qed jagħmlu bħal dawk in-nisa, jiżirgħu n-nibbieta tat-tama! B’ġesti żgħar ta’ għożża, ta’ mħabba, ta’ talb.

 

Maż-żerniq in-nisa jmorru lejn il-qabar. Hemmhekk l-anġlu jgħidilhom: “Tibżgħu xejn intom. Mhuwiex hawn, għaliex qam” (vv. 5-6). Quddiem qabar jisimgħu kliem il-ħajja… U mbagħad jiltaqgħu ma’ Ġesù, l-awtur tat-tama, li jikkonferma l-aħbar u jgħidilhom: “Tibżgħu xejn” (v. 10). Tibżgħu xejn: din hi l-bxara tat-tama. Hija għalina, illum. Illum. Huma l-kelmiet li Alla qed itennilna fil-lejl li qed ngħixu.

 

Illejla niksbu jedd fundamentali, li ma jistax jitteħdilna: il-jedd għat-tama. Hija tama ġdida, ħajja, li ġejja minn Alla. Mhix sempliċi ottimiżmu, mhix taptipa fuq l-ispallejn jew inkuraġġiment taċ-ċirkustanza, jew tbissima tal-mument. Le. Hija don tas-Sema, li waħidna ma stajniex niksbuh. Kollox għad ikun sew, qed ngħidu b’ton sod f’dawn il-ġimgħat, waqt li niggranfaw mal-ġmiel tal-umanità tagħna u ngħollu minn ġo qalbna kliem ta’ inkuraġġiment. Imma, aktar ma jgħaddi ż-żmien u jiżdied il-biża’, anki l-aktar tama soda tista’ tgħib fix-xejn. It-tama ta’ Ġesù hi differenti. Tqiegħed fil-qalb iċ-ċertezza li Alla jaf idawwar kollox għall-ġid tagħna, għax imqar mill-qabar hu joħroġ il-ħajja.

 

Il-qabar huwa l-post fejn min jidħol ma jerġax joħroġ. Imma Ġesù ħareġ għalina, qam għalina, biex iġib il-ħajja fejn kien hemm il-mewt, biex jibda storja ġdida hemm fejn kienet tqiegħdet ġebla biex tagħlaq id-daħla. Hu, li gerbeb il-ġebla fid-daħla tal-qabar, jista’ jneħħi l-blat li qed jissiġilla lil qalbna. Għalhekk ejjew ma nċedux għar-rassenjazzjoni, ejjew ma nqegħdux ġebla fuq it-tama. Nistgħu u għandna nittamaw, għaliex Alla hu fidil. Ma telaqniex waħidna, imma ġie jżurna: ġie f’kull sitwazzjoni tagħna, fl-uġigħ, fit-tbatija, fil-mewt. Id-dawl tiegħu dawwal id-dlamijiet tal-qabar: illum irid jilħaq l-iktar irkejjen mudlama tal-ħajja. Oħti, ħija, imqar jekk f’qalbek inti dfint it-tama, la tgħoddx ruħek b’mirbuħ: Alla hu aqwa. Id-dlam u l-mewt m’għandhomx l-aħħar kelma. Kuraġġ, ma’ Alla xejn mhu mitluf!

 

Kuraġġ: hija kelma li fil-Vanġeli dejjem insibuha ħierġa minn fomm Ġesù. Darba waħda biss ilissnuha oħrajn, biex jgħidu lil wieħed fil-bżonn: “Kuraġġ! Qum, [Ġesù] qed isejjaħlek!” (Mk 10:49). Huwa hu, l-Irxoxt, li jerfa’ lilna li aħna fil-bżonn. Jekk inti dgħajjef u fraġli fil-mixja tiegħek, jekk taqa’, tibżax, Alla qed inewwillek idu u jgħidlek: “Kuraġġ!”. Imma int tista’ tgħid, bħal Don Abbondio: “Il-kuraġġ, wieħed ma jistax jagħmlu lilu nnifsu” (I Promessi Sposi, XXV). Ma tistax tagħmlu lilek innifsek, imma tista’ tirċevih, bħala don. Biżżejjed tiftaħ qalbek fit-talb, biżżejjed terfa’ ftit dik il-ġebla mqiegħda fid-daħla ta’ qalbek biex tħalli d-dawl ta’ Ġesù jidħol. Biżżejjed tistiednu: “Ejja, Ġesù, fil-biżgħat tiegħi u għid lili wkoll: Kuraġġ!”. Bik magħna, Mulej, niġu mġarrbin, imma m’aħniex imregħdin. U tkun xi tkun id-diqa li tgħammar fina, inħossu li għandna nittamaw, għax bik magħna s-salib jinbidel f’qawmien, għax inti magħna fid-dalma tal-iljieli tagħna: inti ċertezza fl-inċertezzi tagħna, Kelma fis-skiet tagħna, u xejn ma jista’ qatt jisirqilna l-imħabba li int għandek għalina.

 

Din hi t-tħabbira tal-Għid, tħabbira ta’ tama. Fiha wkoll it-tieni parti, jiġu mibgħuta. “Morru wasslu l-aħbar lil ħuti biex jitilqu lejn il-Galilija” (Mt 28:10), jgħidilhom Ġesù. “Huwa sejjer il-Galilija qabilkom” (v. 7), jgħidilhom l-anġlu. Il-Mulej jimxi qabilna, dejjem jimxi qabilna. Kemm hu sabiħ li nafu li hu jimxi qabilna, li hu żar lill-ħajja tagħna u l-mewt tagħna biex imur qabilna l-Galilija, jiġifieri fil-post li lilu u lid-dixxipli tiegħu kien ifakkarhom fil-ħajja ta’ kuljum, il-familja, ix-xogħol. Ġesù jixtieqna nwasslu t-tama hemm, fil-ħajja ta’ kuljum. Imma l-Galilija għad-dixxipli kienet ukoll il-post tat-tifkiriet, fuq kollox tal-ewwel sejħa. Jerġgħu lura l-Galilija jfisser jiftakru li huma ġew maħbuba u msejħa minn Alla. Kull wieħed u waħda minna għandu l-Galilija tiegħu. Għandna bżonn nerġgħu naqbdu l-mixja, u nfakkru lil xulxin li aħna nitwieldu u nerġgħu nitwieldu minn sejħa b’xejn ta’ mħabba, hemm, fil-Galilija tiegħi. Dan hu mnejn għandna nerġgħu nibdew, dejjem, fuq kollox fil-kriżijiet, fiż-żminijiet ta’ prova. Fil-memorja tal-Galilija tiegħi.

 

Imma hemm iżjed minn hekk. Il-Galilija kienet ir-reġjun l-aktar imbiegħed mnejn kienu huma, minn Ġerusalemm. U mhux biss ġeografikament: il-Galilija kienet l-aktar post imbiegħed mis-sagralità tal-Belt il-qaddisa. Kienet żona li fiha kienu joqogħdu bosta popli li kienu jipprattikaw kemm-il kult: kienet il-“Galilija tal-ġnus” (Mt 4:15). Ġesù hemm jibgħathom, minn hemm jitlobhom jerġgħu jibdew. X’qed jgħidilna dan? Li t-tħabbira tat-tama ma nistgħux inżommuha ’l ġewwa mill-ħitan sagri tagħna, imma għandna neħduha għand kulħadd. Għax kulħadd għandu bżonn il-faraġ tagħna u, jekk dan ma nagħmluhx aħna, li missejna b’idejna l-“Kelma tal-ħajja” (1 Ġw 1:1), min sa jagħmlu? Kemm hi ħaġa sabiħa li nkunu Nsara li jfarrġu, li jerfgħu t-toqol tal-oħrajn, li jagħmlu l-qalb lill-oħrajn: ħabbara tal-ħajja fi żmien il-mewt! F’kull Galilija, f’kull reġjun ta’ dik l-umanità li minnha nagħmlu parti u tagħmel parti minna, għax ilkoll aħna aħwa, ejjew inwasslu l-għanja tal-ħajja! Insikktu l-għajat tal-mewt, daqshekk gwerer! Ħa jieqfu l-produzzjoni u l-kummerċ tal-armamenti, għax tal-ħobż għandna bżonn u mhux tal-ixkubetti. Ħa jieqfu l-aborti, li joqtlu l-ħajja innoċenti. Ħa jinfetħu l-qlub ta’ min għandu, biex jimlew l-idejn vojta ta’ min hu nieqes mill-meħtieġ.

 

In-nisa, fl-aħħar, “qabdulu riġlejh u nxteħtu quddiem” Ġesù (Mt 28:9), dawk ir-riġlejn li biex jiġu jiltaqgħu magħna kienu mxew triq twila, sakemm daħlu u ħarġu mill-qabar. Ħaddnu r-riġlejn li kienu għaffġu taħthom il-mewt u fetħu t-triq tat-tama. Aħna, pellegrini li qed infittxu t-tama, illum nitħaddnu miegħek, Kristu Rxoxt. Nagħtu daharna lill-mewt u niftħu qlubna għalik, int li int il-Ħajja.

  

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard