QUDDIESA U KANONIZZAZZJONI

TAL-BEATA MARIA ANTONIA TA’ SAN ĠUŻEPP DE PAZ Y FIGUEROA

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Bażilika ta’ San Pietru

Is-VI Ħadd ta’ Matul is-Sena, 11 ta’ Frar 2024

 

L-Ewwel Qari (ara Lev 13:1-2,45-46) u l-Vanġelu (ara Mk 1:40-45) jitkellmu fuq il-lebbra: marda li ġġib magħha l-qerda progressiva tal-ġisem tal-persuna u li spiss, b’xorti ħażina, għad hemm marbuta magħha llum ukoll, f’xi postijiet, atteġġjamenti ta’ emarġinazzjoni. Lebbra u emarġinazzjoni: huma żewġ xorta ta’ deni li minnhom Ġesù jrid jeħles lir-raġel li miegħu jiltaqa’ fil-Vanġelu. Ħa naraw x’kienet is-sitwazzjoni tiegħu.

 

Dak il-lebbruż kellu jgħix barra mill-belt. Dgħajjef minħabba l-marda tiegħu, flok ma ġie megħjun miċ-ċittadini sħabu, ġie abbandunat waħdu, anzi, midrub iktar għax imbiegħed u rrifjutat. Għaliex? Qabelxejn minħabba l-biża’ li jittieħdu minnu u jispiċċaw bħalu: “Ma jmurx jiġri hekk lilna wkoll! Ma nirriskjawx, noqogħdu attenti!”. Il-biża’. Imbagħad minħabba l-preġudizzju: “Jekk għandu marda hekk tal-biża’ – din kienet l-opinjoni komuni – dan ċertament għax Alla qed jikkastigah għal xi ħażen li għamel: u allura ħaqqu, ħa joqgħod!”. Dan huwa l-preġudizzju. U fl-aħħar minħabba r-reliġjożità falza: fil-fatt, f’dak iż-żmien kienu jaħsbu li jekk tmiss mejjet se titniġġes, u l-lebbrużi kienu nies li l-laħam ta’ ġisimhom kien “imut fuqhom”. Allura, kienu jaħsbu, jekk tmisshom kont se titniġġes bħalhom: araw x’reliġjożità mgħawġa, li ttella’ l-ħitan u tidfen it-tjieba.

 

Biża’, preġudizzju u reliġjożità falza: dawn huma tliet kawżi ta’ inġustizzja kbira, tliet “lebbri tar-ruħ” li jġagħlu lil xi ħadd dgħajjef ibati, u jarmuh bħal skart. Ħuti, ma naħsbux li dawn huma biss affarijiet tal-passat. Kemm persuni li qed ibatu niltaqgħu magħhom fuq il-bankini tal-bliet tagħna! U kemm biżgħat, preġudizzji u inkoerenzi, imqar fost dawk li jemmnu u jistqarru li huma Nsara, għadhom ikomplu jferuhom iktar! Anki fi żmienna għandna tant emarġinazzjoni, għandna ħitan xi nwaqqgħu, “lebbri” xi nfejqu. Imma kif? Kif nistgħu nagħmluh dan? X’jagħmel Ġesù? Ġesù jagħmel żewġ ġesti: imiss u jfejjaq.

 

L-ewwel ġest: imiss. Ġesù, mal-karba ta’ dak ir-raġel għall-għajnuna (ara v. 40), tiġih ħniena, jieqaf, jifrex driegħu u jmissu (ara v. 41) imqar jekk jaf li, xħin jagħmel dan, se jsir hu wkoll “irrifjutat”. Anzi, paradossalment, in-naħat jinqalbu: il-marid, meta jfiq, jista’ jmur għand il-qassisin biex jerġa’ jitħalla jidħol fil-komunità; imma Ġesù ma jistax jidħol iktar f’ebda post fejn jgħixu n-nies (ara v. 45). Allura l-Mulej seta’ kieku ried jevita li jmiss lil dik il-persuna, biżżejjed kieku “fejjaqha mill-bogħod”. Imma Kristu ma huwiex hekk, it-triq tiegħu hi dik tal-imħabba li tersaq qrib ta’ min qed ibati, li tidħol f’kuntatt, li tmiss il-ġrieħi tiegħu. Il-qrubija ta’ Alla. Ġesù hu qrib, Alla hu qrib. Alla tagħna, għeżież ħuti, ma baqax bogħod fis-sema, imma f’Ġesù sar bniedem biex imiss il-faqar tagħna. U quddiem il-“lebbra” l-aktar gravi, dik tad-dnub, ma ddejjaqx imut fuq is-salib, barra mill-ħitan tal-belt, irrifjutat bħal wieħed midneb, bħal lebbruż, biex imiss sal-qiegħ nett ir-realtà umana tagħna. Kien hemm qaddis li kiteb: “Sar lebbruż għalina”.

 

U aħna, li nħobbu lil Ġesù u nimxu warajh, nafu nagħmlu tagħna l-“mess” tiegħu? Mhuwiex faċli u rridu ngħassu meta fil-qalb tagħna jitfaċċaw l-istinti kuntrarji għall-mod kif hu “jsir qrib” u “jsir don”: ngħidu aħna, meta nżommu bogħod mill-oħrajn biex naħsbu fina nfusna, meta nirriduċu d-dinja għall-ħitan ta’ “kemm qegħdin sew” aħna, meta nemmnu li l-problema huma dejjem u biss l-oħrajn… F’dawn il-każi noqogħdu attenti, għax id-djanjosi hi ċara, hi “lebbra tar-ruħ”: marda li tagħmilna insensibbli għall-imħabba, għall-kompassjoni, li teqridna permezz tal-“kankrena” tal-egoiżmu, tal-prekunċett, tal-indifferenza u tal-intolleranza. Attenti, ħuti, anki għax, bħall-ewwel tbajja’ żgħar ta’ lebbra, li jidhru fuq il-ġilda fil-fażi inizjali tal-ħsara, jekk ma naqbdux u nagħmlu xi ħaġa minnufih, l-infezzjoni tikber u ssir devastanti. Quddiem dan ir-riskju, quddiem il-possibbiltà ta’ din il-marda tar-ruħ tagħna, liema hi l-kura?

 

Jgħinna t-tieni ġest ta’ Ġesù, li jfejjaq (ara v. 42). Il-“mess” tiegħu fil-fatt ma jindikax biss qrubija, imma hu l-bidu tal-fejqan. U l-qrubija hija l-istil ta’ Alla: Alla dejjem hu qrib tagħna, twajjeb u ħanin. Qrubija, kompassjoni u ħlewwa. Dan hu l-istil ta’ Alla. U aħna miftuħin għal dan? Għaliex huwa biss meta nħallu lil Ġesù jmissna li nistgħu nfiqu minn ġewwa, fil-qalb. Jekk inħalluh imissna fit-talb, fl-adorazzjoni, jekk inħalluh jaġixxi fina permezz tal-Kelma tiegħu u tas-Sagramenti, il-kuntatt miegħu jibdilna tabilħaqq, ifejjaqna mid-dnub, jeħlisna mill-għeluq, jibdilna lil hemm minn kemm nistgħu nagħmlu aħna waħidna, bl-isforzi tagħna. Il-partijiet miġruħa tagħna – dawk tal-qalb u tar-ruħ tagħna – il-mard tar-ruħ jieħdu fuqu Ġesù: it-talb hekk jagħmel; imma mhux talba astratta, magħmula biss minn formuli li nirrepetu, imma talba sinċiera u ħajja, li tqiegħed f’riġlejn Kristu l-miżerji, id-dgħufijiet, il-qerq, il-biżgħat. Ejjew naħsbu ftit u nistaqsu lilna nfusna: jiena qed inħalli lil Ġesù jmiss il-“lebbri” tiegħi biex ifejjaqni minnhom?

 

Fil-fatt, meta Ġesù “jmissna”, joħroġ l-aħjar li hemm fina: it-tessuti tal-qalb jieħdu ħajja ġdida; id-demm tal-enerġija kreattiva li hemm fina jerġa’ jibda jiġri, mimli mħabba; il-ġrieħi tal-iżbalji tal-passat jagħlqu u l-ġilda tar-relazzjonijiet terġa’ ssib il-konsistenza sana u naturali tagħha. Hekk jirritorna l-ġmiel li għandna, il-ġmiel li aħna; il-ġmiel li aħna maħbuba minn Kristu, niskopru mill-ġdid il-ferħ tal-għotja lil xulxin, bla biża’ u bla preġudizzji, ħielsa minn forom ta’ reliġjożità li jilluppjawna u ma għandhomx il-laħam ta’ ħutna; terġa’ tikseb il-qawwa fina l-ħila li nħobbu, lil hemm minn kull kalkolu u konvenjenza.

 

Allura, kif tgħid paġna sabiħa tal-Iskrittura (ara Eżek 37:1-14), minn dak li kien jidher wied ta’ għadam niexef jerġgħu jqumu iġsma ħajjin u jitwieled mill-ġdid poplu ta’ mifdija, komunità ta’ aħwa. Imma nkunu nitqarrqu jekk naħsbu li dan il-miraklu jitlob forom grandjużi u spettakolari biex iseħħ. Dan iseħħ qabelxejn fil-karità moħbija ta’ kuljum: dik li ngħixu fil-familja, fuq il-post tax-xogħol, fil-parroċċa u fl-iskola; fit-triq, fl-uffiċċji u fil-ħwienet; dik li ma tfittixx pubbliċità u ma għandhiex bżonn ta’ applawsi, għax għall-imħabba hi biżżejjed l-imħabba (Santu Wistin, Enarr. in Ps. 118, 8, 3). Dan jagħfas fuqu Ġesù llum, meta jordna lill-bniedem imfejjaq biex “ma jgħid xejn lil ħadd” (v. 44): qrubija u diskrezzjoni. Ħuti, Alla hekk iħobbna u jekk inħalluh imissina, aħna wkoll, bil-qawwa tal-Ispirtu tiegħu, nistgħu nsiru xhieda tal-imħabba li ssalva!

 

U llum ejjew naħsbu f’María Antonia de San José, “Mama Antula”. Kienet vjaġġatriċi tal-Ispirtu. Terrqet eluf ta’ kilometri bil-mixi, għaddiet minn deżerti u toroq perikolużi, biex twassal lil Alla. Illum hi għalina mudell ta’ ħeġġa u kuraġġ appostoliku. Meta l-Ġiżwiti ġew imkeċċija, l-Ispirtu kebbes fiha fjamma missjunarja msejsa fuq il-fiduċja fil-Providenza u fuq il-perseveranza. Talbet l-interċessjoni ta’ San Ġużepp u, biex ma tegħjiehx iżżejjed, anki dik ta’ San Gejtanu ta’ Thiene. Għal din ir-raġuni daħħlet id-devozzjoni lejn dan tal-aħħar, u l-ewwel xbieha tiegħu waslet Buenos Aires fis-seklu 18. Grazzi għal Mama Antula dan il-qaddis, interċessur tal-Providenza Divina, daħal fid-djar, fil-postijiet fejn jgħixu n-nies, fuq il-mezzi tat-trasport, fil-ħwienet, fil-fabbriki, u fil-qlub, biex joffri ħajja dinjituża permezz tax-xogħol, il-ġustizzja, il-ħobża ta’ kuljum fuq il-mejda tal-foqra. Nitolbu llum lil María Antonia, Santa María Antonia de Paz de San José, biex tgħinna ħafna. Il-Mulej iberikna lkoll.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard