ĊELEBRAZZJONI TA’ ĦADD IL-PALM

U L-PASSJONI TAL-MULEJ

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA FRANĠISKU

 

Pjazza San Pietru

Il-Ħadd 10 ta’ April 2022

 

Fuq il-Kalvarju jiltaqgħ żewġ mentalitajiet. Fil-fatt, fil-Vanġelu l-kelmiet ta’ Ġesù msallab jistunaw ma’ dawk ta’ min qed isallbu. Dawn tal-aħħar itennu bħal f’ritornell wieħed: “Salva lilek innifsek”. Jgħiduhielu l-kapijiet: “Ħa jsalva lilu nnifsu jekk dan hu l-Messija, il-Maħtur ta’ Alla!” (Lq 23:35). Itennuha s-suldati: “Jekk inti s-sultan tal-Lhud salva lilek innifsek!” (v. 37). U fl-aħħar, anki wieħed mill-imsallbin ta’ miegħu, li kien qed jisma’, irrepeta dan il-kunċett: “Int m’intix il-Messija? Salva lilek innifsek!” (v. 39). Insalvaw lilna nfusna, insalvaw ġildna, naħsbu għalina nfusna; mhux għall-oħrajn, imma biss għal saħħitna, għas-suċċess tagħna, għall-interessi tagħna; għal kemm ħa jkollna, għall-poter, għad-dehra. Salva lilek innifsek: dan hu r-ritornell tal-umanità li sallbet lill-Mulej. Ejjew naħsbu ftit.

 

Imma kontra l-mentalità tal-jien hemm dik ta’ Alla; is-salva lilek innifsek issib ruħha quddiem il-Feddej li joffri lilu nnifsu. Fil-Vanġelu tal-lum fuq il-Kalvarju anki Ġesù jitkellem tliet darbiet, bħal dawk li jeħduha kontrih (ara vv. 34,43,46). Imma ebda darba ma jfittex xi ħaġa għalih innifsu; anzi, lanqas jiddefendi jew jiġġustifika lilu nnifsu. Jitlob lill-Missier u joffri ħniena lill-ħalliel it-tajjeb. Hemm espressjoni tiegħu li b’mod partikulari turi x’differenza tgħaddi mis-salva lilek innifsek: “Missier, aħfrilhom” (v. 34).

 

Ejjew nieqfu fuq dawn il-kelmiet. Meta jlissinhom il-Mulej? F’mument speċifiku: waqt it-tislib, meta qed iħoss l-imsiemer jinfdulu l-polz u r-riġlejn. Nippruvaw nimmaġinaw l-uġigħ tal-biża’ li ġabulu. Hemm, fl-eqqel uġigħ fiżiku tal-passjoni, Kristu jitlob maħfra għal min qed itemmu. F’dawk il-mumenti jiġik biss li tgħajjat bir-rabja u t-tbatija kollha li qed tħoss; imma Ġesù jgħid: Missier, aħfrilhom. B’differenza minn martirji oħra, li dwarhom tirrakkonta l-Bibbja (ara 2 Mak 7:18-19), ma jċanfarx lill-qattiela tiegħu u ma jheddidx b’kastigi f’isem Alla, imma jitlob għan-nies ħżiena. Stirat mal-patibolu tal-umiljazzjoni, iżid fl-intensità tal-għotja tiegħu nnifsu, li ssir maħfra.

 

Ħuti, ejjew naħsbu kif Alla jagħmel hekk anki magħna: meta nikkawżawlu l-uġigħ bl-għemejjel tagħna, hu jbati imma għandu biss xewqa waħda: li jaħfrilna. Biex nintebħu b’dan, ejjew inħarsu lejn il-Kurċifiss. Hu mill-pjagi tiegħu, minn dawk it-toqob tal-uġigħ maħluqa mill-imsiemer tagħna li toħroġ il-maħfra. Ejjew inħarsu lejn Ġesù fuq is-salib u naħsbu kif qatt ma rċivejna kelmiet itjeb minn hekk: Missier, aħfrilhom. Ejjew inħarsu lejn Ġesù fuq is-salib u naraw kif qatt ma rċivejna ħarsa oħla u iktar ħanina. Inħarsu lejn Ġesù fuq is-salib u nifhmu kif qatt ma rċivejna tgħanniqa ta’ mħabba ikbar minn din. Inħarsu lejn il-Kurċifiss u ngħidulu: “Grazzi, Ġesù: inti tħobbni u dejjem taħfirli, anki meta nsibha bi tqila li nħobb u naħfer lili nnifsi”.

 

Hemm, huwa u jiġi msallab, fl-iktar mument diffiċli, Ġesù jlissen il-kmandament l-aktar diffiċli tiegħu: l-imħabba lejn l-għedewa. Ejjew naħsbu f’xi ħadd li weġġagħna, offendiena, iddeludiena; f’xi ħadd li rrabjana, li ma fehemniex jew ma kienx ta’ eżempju tajjeb għalina. Kemm drabi nerġgħu nieqfu naħsbu f’min għamlilna d-deni! Qisna qed inħarsu ġo fina nfusna u nilagħqu l-ġrieħi li għamlulna l-oħrajn, il-ħajja jew l-istorja. Illum Alla qed jgħallimna biex ma nibqgħux imwaħħlin hemm, imma biex nirreaġixxu. Biex inkissru ċ-ċirku vizzjuż tal-ħażen u tal-piena. Biex nirreaġixxu għall-imsiemer tal-ħajja bl-imħabba, għad-daqqiet ta’ ħarta tal-mibegħda biż-żegħila tal-maħfra. Imma aħna, dixxipli ta’ Ġesù, qed nimxu wara l-Imgħallem jew wara l-istint tal-korla tagħna? Hija mistoqsija li għandna nagħmlu lilna nfusna: qed nimxu wara l-Imgħallem jew qed nimxu wara l-istint tal-korla tagħna? Jekk irridu nivverifikaw l-appartenenza tagħna għal Kristu, ejjew naraw kif qed inġibu ruħna ma’ min weġġagħna. Il-Mulej qed jitlobna nwieġbu mhux kif ifettlilna jew kif jagħmel kulħadd, imma kif jagħmel hu magħna. Qed jitlobna nfarrku l-katina tal-“inħobbok jekk tħobbni; jien ħabib tiegħek jekk int ħabib tiegħi; ngħinek jekk tgħinni”. Le, il-kompassjoni u l-ħniena huma għal kulħadd, għax Alla f’kull wieħed u waħda minna jara ibnu u bintu. Ma jaqsamniex bejn tajbin u ħżiena, bejn ħbieb u għedewwa. Dak aħna li nagħmlu hekk, u nġagħluh ibati. Għalih aħna lkoll ulied maħbuba, li hu jixtieq jgħannaq u jaħfer. U hekk ukoll insibu f’dik l-istedina għall-festa tat-tieġ tal-iben, meta dak is-sid jibgħat lill-qaddejja tiegħu f’salib it-toroq u jgħidilhom: “Ġibu lil kulħadd, bojod, suwed, tajbin u ħżiena, lil kulħadd, f’saħħithom, morda, kulħadd…” (ara Mt 22:9-10). L-imħabba ta’ Ġesù hi għal kulħadd, ma hemmx privileġġi f’dan. Kulħadd. Il-privileġġ ta’ kull wieħed u waħda minna hu li aħna maħbuba, maħfura.

 

Missier, aħfrilhom għax ma jafux x’inhuma jagħmlu. Il-Vanġelu jisħaq kif Ġesù “qal” (v. 34) dan: ma qalux darba biss fil-ħin tat-tislib, imma qatta’ s-sigħat fuq is-salib b’dawn il-kelmiet fuq xufftejh u f’qalbu. Alla ma jegħja qatt jaħfer. Dan irridu nifhmuh, imma nifhmuh mhux biss bil-moħħ tagħna, nifhmuh b’qalbna: Alla ma jegħja qatt jaħfer, huwa aħna li negħjew nitolbuh maħfra, imma hu ma jegħja qatt jaħfer. Hu ma jissaportiniex sa ċertu punt biex imbagħad jibdel fehemtu, kif aħna ttentati nagħmlu aħna. Ġesù – jgħallimna l-Vanġelu ta’ Luqa – ġie fid-dinja biex iġibilna l-maħfra ta’ dnubietna (ara Lq 1:77) u fl-aħħar tana struzzjoni preċiża: li nħabbru lil kulħadd, f’ismu, il-maħfra tad-dnubiet (ara Lq 24:47). Ħuti, ejjew ma negħjew qatt mill-maħfra ta’ Alla: aħna l-qassisin biex namministrawha, kull Nisrani biex jirċeviha u jagħti xhieda tagħha. Ma negħjewx mill-maħfra ta’ Alla.

 

Missier, aħfrilhom għax ma jafux x’inhuma jagħmlu. Ħa ninnutaw ħaġa oħra. Ġesù mhux biss jitlob il-maħfra, imma jgħid ukoll għaliex: aħfrilhom għax ma jafux x’inhuma jagħmlu. Imma kif? Dawk li qed isallbuh kienu ħasbu minn qabel il-qtil tiegħu, organizzaw il-qabda tiegħu, il-proċessi, u issa jinsabu fuq il-Kalvarju biex jassistu għat-tmiem tiegħu. Imma Kristu xorta waħda jiġġustifika dawk in-nies vjolenti għax ma jafux. Hekk iġib ruħu magħna Ġesù: isir avukat tagħna. Ma jeħodhiex kontrina, imma hu fuq in-naħa tagħna kontra d-dnub. U interessanti l-argument li juża: għax ma jafux, dik l-injoranza tal-qalb li għandna aħna lkoll il-midinbin. Min juża l-vjolenza ma jibqa’ jaf xejn fuq Alla, li hu Missier, u lanqas fuq l-oħrajn, li huma aħwa. Jinsa għaliex ġie fid-dinja u jasal biex iwettaq kefrija assurda. Dan narawh fil-ġennata tal-gwerra, fejn erġajna qed insallbu lil Ġesù. Iva, Kristu għadu mill-ġdid imsallab mas-salib fl-ommijiet li qed jibku l-mewt inġusta ta’ żwieġhom u ta’ wliedhom. Hu msallab fir-refuġjati li qed jaħarbu mill-bombi bit-trabi f’dirgħajhom. Hu msallab fl-anzjani mitluqa jmutu waħidhom, fiż-żgħażagħ imċaħħda minn futur, fis-suldati mibgħuta joqtlu lil ħuthom. Kristu hemm jinsab imsallab, illum.

 

Missier, aħfrilhom għax ma jafux x’inhuma jagħmlu. Ħafna jisimgħu din il-frażi tal-għaġeb; imma wieħed biss jilqagħha. Hu bniedem li għamel il-ħażen, mislub biswit Ġesù. Nistgħu naħsbu li l-ħniena ta’ Kristu qanqlet fih l-aħħar tama u wasslitu biex ilissen dawk il-kelmiet: “Ġesù, ftakar fija” (Lq 23:42). Qisu ried jgħidlu: “Kulħadd insieni, imma int qed taħseb imqar f’min sallbek. Mela miegħek imqar għalija hemm post”. Il-ħalliel it-tajjeb jilqa’ lil Alla waqt li l-ħajja waslet biex tispiċċa u hekk ħajtu tibda mill-ġdid; fl-infern tad-dinja jilmaħ tinfetaħ quddiemu l-ġenna: “Illum tkun fil-Ġenna miegħi” (v. 43). Dan huwa l-kobor tal-maħfra ta’ Alla, li tibdel l-aħħar talba ta’ kkundannat għall-mewt fl-ewwel kanonizzazzjoni tal-istorja.

 

Ħuti, tul din il-ġimgħa ejjew nilqgħu ċ-ċertezza li Alla jista’ jaħfer kull dnub. Alla jaħfer lil kulħadd, jista’ jaħfer kull distanza, jibdel kull biki tal-għali fi żfin ta’ hena (ara Salm 30:12); iċ-ċertezza li ma’ Kristu dejjem hemm post għal kull wieħed u waħda minna; li ma’ Ġesù qatt ma spiċċa kollox, qatt mhu tard wisq. Ma’ Alla dejjem nistgħu nerġgħu nibdew ngħixu. Kuraġġ, ejjew nimxu lejn l-Għid bil-maħfra tiegħu. Għax Kristu l-ħin kollu jidħol għalina quddiem il-Missier (ara Lhud 7:25) u, meta jħares lejn id-dinja vjolenti tagħna, id-dinja miġruħa tagħna, ma jegħja qatt itenni – u dan issa nagħmluh aħna wkoll bil-qalb tagħna, fis-skiet – itenni: Missier, aħfrilhom, għax ma jafux x’inhuma jagħmlu.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard