QUDDIESA “IN CŒNA DOMINI

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Bażilika ta’ San Pietru – Altar tal-Katedra

Ħamis ix-Xirka, 9 ta’ April 2020

L-Ewkaristija, il-qadi, id-dilka

 

Ir-realtà li qed ngħixu llum, f’din iċ-ċelebrazzjoni: il-Mulej li jrid jibqa’ magħna fl-Ewkaristija. U aħna nsiru dejjem tabernakli tal-Mulej, inġorru lill-Mulej magħna; sal-punt li hu nnifsu jgħidilna li, jekk ma niklux ġismu u ma nixorbux demmu, ma nidħlux fis-Saltna tas-Smewwiet. Dan hu l-Misteru tal-ħobż u tal-inbid, tal-Mulej magħna, fina, ġewwa fina.

 

Il-qadi. Dak il-ġest li hu kundizzjoni biex nidħlu fis-Saltna tas-Smewwiet. Naqdu, iva, ilkoll kemm aħna. Imma l-Mulej, f’dak id-djalogu li kellu ma’ Pietru (ara Ġw 13:6-9), ifiehmu li biex nidħlu fis-Saltna tas-Smewwiet jeħtieġ inħallu lill-Mulej jaqdina, li l-Qaddej ta’ Alla jsir qaddej tagħna. U din hi ħaġa iebsa biex nifhmuha. Jekk jien ma nħallix lill-Mulej isir il-qaddej tiegħi, lill-Mulej jaħsilni, jgħinni nikber, jaħfirli, ma nistax nidħol fis-Saltna tas-Smewwiet.

 

U s-saċerdozju. Illum nixtieq inkun qrib tas-saċerdoti, is-saċerdoti kollha, mill-aħħar wieħed li ġie ordnat sal-Papa. Ilkoll aħna saċerdoti. L-isqfijiet, ilkoll… Aħna midluka, midluka mill-Mulej; midluka biex nagħmlu l-Ewkaristija, midluka biex naqdu.

 

Illum ma kellniex il-Quddiesa taż-Żjut – nittama li nkunu nistgħu nagħmluha qabel Għid il-Ħamsin, inkella jkollna nħalluha għas-sena d-dieħla –, imma ma nistax inħalli din il-Quddiesa tgħaddi mingħajr ma niftakar fis-saċerdoti. Is-saċerdoti li joffru ħajjithom għall-Mulej, is-saċerdoti li huma qaddejja. F’dawn il-jiem mietu aktar minn sittin hawn, fl-Italja, fis-servizz lill-morda fl-isptarijiet, u anki mat-tobba, mal-infermiera… Huma “l-qaddisin tal-bieb ta’ maġenbna”, saċerdoti li taw ħajjithom huma u jaqdu. U jiġuni f’moħħi dawk li huma mbiegħda. Illum irċivejt ittra ta’ saċerdot, kappillan ta’ ħabs, imbiegħed, li jirrakkonta kif qed jgħix din il-Ġimgħa Mqaddsa mal-ħabsin. Franġiskan. Saċerdoti li jmorru ’l bogħod biex iwasslu l-Vanġelu u jmutu hemm. Kien jgħidli wieħed isqof li l-ewwel ħaġa li kien jagħmel, meta kien jasal f’dawn il-postijiet tal-missjoni, kienet li jmur iċ-ċimiterju, fuq il-qabar tas-saċerdoti li taw ħajjithom hemm, żgħażagħ, għall-pesta tal-post [il-mard lokali]: ma kinux ippreparati, ma kellhomx l-immunità, dawn. Ħadd ma jaf b’isimhom: is-saċerdoti anonimi. Il-kappillani tal-kampanja, li huma kappillani ta’ erba’, ħames, seba’ rħula, fil-muntanja, u jmorru minn wieħed għall-ieħor, biex jiltaqgħu man-nies… Darba, wieħed qalli li kien jaf l-ismijiet tan-nies kollha tal-irħula. “Veru?”, għidtlu jien. U hu qalli: “Anki l-ismijiet tal-klieb!”. Jafu lil kulħadd. Il-qrubija saċerdotali. Bravi, saċerdoti bravi.

 

Illum qed inġorrkom fil-qalb tiegħi u ntellagħkom fuq l-altar. Saċerdoti kkalunnjati. Tant drabi jiġri llum, ma jistgħux jgħaddu mit-triq għax jibdew jaqilgħu fuqhom ħwejjeġ koroh, minħabba t-traġedja li għexna bl-iskoperta tas-saċerdoti li għamlu ħwejjeġ koroh. Xi wħud qaluli li ma jistgħux joħorġu mid-dar bil-clergyman għax jinsultawhom; u huma jibqgħu għaddejjin. Saċerdoti midinbin, li flimkien mal-isqfijiet u mal-Papa midneb ma jinsewx jitolbu maħfra, u jitgħallmu jaħfru, għax huma jafu li għandhom bżonn jitolbu maħfra u jaħfru. Ilkoll aħna midinbin. Saċerdoti li jbatu mill-kriżijiet, li ma jafux x’ħa jaqbdu jagħmlu, jinsabu fid-dalma…

 

Illum ilkoll kemm intom, ħuti saċerdoti, tinsabu miegħi fuq l-altar, intom, ikkonsagrati. Ngħidilkom biss ħaġa waħda: tkunux raskom iebsa bħal Pietru. Ħallu lil min jaħslilkom riġlejkom. Il-Mulej huwa l-qaddej tagħkom, hu jinsab qrib tagħkom biex jagħtikom il-qawwa, biex jaħslilkom riġlejkom.

 

U hekk, b’dan l-għarfien tal-ħtieġa li tiġu maħsula, aħfru ħafna! Aħfru! Qalb kbira ta’ ġenerożità fil-maħfra. Huwa l-kejl li bih għad niġu mkejla. Kif inti ħfirt, tiġi maħfur: l-istess kejl. Tibżgħux taħfru. Xi drabi jiġuna d-dubji… Ħarsu lejn Kristu [iħares lejn il-Kurċifiss]. Hemm il-maħfra ta’ kulħadd. Kunu qalbiena; anki billi tirriskjaw, billi taħfru, billi tfarrġu. U jekk ma tistgħux tagħtu l-maħfra sagramentali f’dak il-ħin, tal-inqas agħtu l-faraġ ta’ min bħal aħwa jsieħeb u jħalli l-bieb tiegħu miftuħ biex [dik il-persuna] tirritorna.

 

Irrodd ħajr lil Alla għall-grazzja tas-saċerdozju, ilkoll kemm aħna [irroddu ħajr]. Irrodd ħajr lil Alla għalikom, saċerdoti. Ġesù jħobbna! Nitlobkom biss li tħalluh jaħslilkom riġlejkom.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard