FESTA TAL-MAGĦMUDIJA TAL-MULEJ

ĊELEBRAZZJONI TAL-QUDDIESA U MAGĦMUDIJA TA’ XI TRABI

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Kappella Sistina

Il-Ħadd 9 ta’ Jannar 2022

 

Illum aħna nfakkru l-Magħmudija tal-Mulej. Hemm innu liturġiku sabiħ ħafna, fil-festa tal-lum, li jgħid li l-poplu ta’ Iżrael kien imur fil-Ġordan “b’riġlejh ħafja u r-ruħ ħafja”, jiġifieri ruħ li riedet tiġi maħsula minn Alla, li ma kellha ebda għana, li kellha bżonn ta’ Alla. Dawn it-trabi llum ġew hawn huma wkoll b’“ruħhom ħafja” biex jirċievu l-ġustifikazzjoni ta’ Alla, il-qawwa ta’ Ġesù, il-qawwa li jibqgħu mexjin ’il quddiem fil-ħajja. Ġew biex jirċievu l-identità Nisranija. Sempliċiment dan. Uliedkom illum se jirċievu l-identità Nisranija. U intom, ġenituri u parrini, tridu tħarsu din l-identità. Din hi l-missjoni tagħkom matul ħajjitkom: li tħarsu l-identità Nisranija ta’ wliedkom. Huwa impenn ta’ kuljum: li tgħinuhom jikbru bid-dawl li llum qed jirċievu. Dan biss xtaqt ngħidilkom, dan huwa l-messaġġ tal-lum: ħarsu l-identità Nisranija li llum intom ġibtuhom hawn illum lil uliedkom biex jirċevuha.

 

Din iċ-ċerimonja hi xi ftit twila, it-trabi mbagħad iħossuhom strambi hawn f’ambjent li ma jafuhx. Nitlobkom, huma l-protagonisti: araw li ma jħossux wisq sħana, li jħossuhom komdi… U jekk jagħtihom il-ġuħ, reddgħuhom bil-kalma kollha hawnhekk, quddiem il-Mulej, m’hemmx problema. U jekk jibdew jibku, ħalluhom jibku, għax huma għandhom spirtu ta’ komunità, biex ngħidu hekk “spirtu ta’ banda”, spirtu ta’ flimkien, u biżżejjed biex jibda wieħed – għax kollha huma mużikali – u dritt tiġi l-orkestra! Ħalluhom jibku bla nkwiet ta’ xejn, ħa jħossuhom liberi. Basta ma jħossux wisq sħana, u jekk bil-ġuħ, ma jibqgħux bil-ġuħ.

 

U hekk, b’din il-paċi, nibqgħu mexjin fiċ-ċerimonja. U tinsewx: se jirċievu l-identità Nisranija, u xogħolkom sa jkun li tħarsuha din l-identità Nisranija. Grazzi.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard