VELJA TAL-GĦID FIL-LEJL QADDIS

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Bażilika ta’ San Pietru

Sibt il-Għid, 8 ta’ April 2023

 

Il-lejl wasal biex jintemm u qed ibexbex l-ewwel dawl tas-sebħ, meta n-nisa jimxu lejn il-qabar ta’ Ġesù. Mexjin inċerti, mifxula, bil-qalb tagħhom imċarrta min-niket għal dik il-mewt li ħaditilhom lill-Maħbub. Imma, xħin jaslu f’dak il-post u jaraw il-qabar vojt, ibiddlu r-rotta, ibiddlu t-triq; iħallu l-qabar u jmorru jiġru jħabbru lid-dixxipli triq ġdida: Ġesù qam u qed jistenniehom il-Galilija. Fil-ħajja ta’ dawn in-nisa seħħ l-Għid, li jfisser mogħdija: fil-fatt, huma jgħaddu mill-mixja kiebja lejn il-qabar għall-ġirja hienja lejn id-dixxipli, biex jgħidulhom mhux biss li l-Mulej qam, imma li hemm destinazzjoni li jeħtieġ jilħqu minnufih, il-Galilija. L-appuntament mal-Irxoxt hemm qiegħed. It-twelid mill-ġdid tad-dixxipli, il-qawmien tal-qalb tagħhom jgħaddi mill-Galilija. Ejjew nidħlu aħna wkoll f’din il-mixja tad-dixxipli li mill-qabar tgħaddi għall-Galilija.

 

In-nisa, jgħid il-Vanġelu, “marru jaraw il-qabar” (Mt 28:1). Ħasbu li Ġesù kien jinsab fil-post tal-mewt u li kollox spiċċa għal dejjem. Xi drabi jiġri lilna wkoll li naħsbu li l-ferħ tal-laqgħa ma’ Ġesù hu ħaġa tal-passat, waqt li fil-preżent dak li għandna fuq kollox huma oqbra ssiġillati: dawk tad-delużjonijiet tagħna, tal-imrar tagħna, tal-qtigħ il-qalb tagħna, dawk tal-“m’hemm xejn iżjed x’tagħmel”, “qatt mhu ħa jinbidel xejn”, “aħjar ngħix il-ġurnata” għax “għada ma nafuhx”. Aħna wkoll, jekk aħna marsusa min-niket, mgħattna mid-dwejjaq, umiljati mid-dnub, qalbna sewda minħabba xi falliment jew imħabbta bil-preokkupazzjonijiet, doqna t-togħma morra tal-għeja u rajna jintefa l-ferħ tal-qalb.

 

Xi drabi sempliċiment ħassejna t-taħbit tal-ħajja ta’ kuljum, għajjiena wisq biex nirriskjaw aħna stess quddiem il-ħajt tal-gomma ta’ dinja fejn donnhom huma dejjem iktar b’saħħithom il-liġijiet ta’ min moħħu jilħaqlu l-iżjed u min jiflaħ l-iktar. Drabi oħra, ħassejniena bla saħħa u qalbna maqtugħa quddiem is-setgħa tal-ħażen, il-kunflitti li jċarrtu r-relazzjonijiet, il-loġika tal-kalkolu u tal-indifferenza li donnha hi tmexxiha lis-soċjetà, il-kankru tal-korruzzjoni – għandna ħafna –, l-inġustizzja dejjem tikber, l-irjieħ inġazzati tal-gwerra. U, għal darb’oħra, forsi sibna ruħna wiċċ imb wiċċ mal-mewt, għax serqitilna l-preżenza ħelwa tal-għeżież tagħna jew għax kagħbritna bil-mard jew b’xi diżgrazzja, u faċilment bqajna priża tad-diżillużjoni jew nixfet l-għajn tat-tama. Hekk, minħabba dawn jew sitwazzjonijiet oħra – kull wieħed u waħda jaf tiegħu x’inhuma –, il-mixjiet tagħna jeħlu quddiem xi qabar u nibqgħu ma niċċaqilqux, nibku u ddispjaċuti, waħidna u bla saħħa, intennu l-“għaliex” tagħna. Dik il-katina ta’ “għalixijiet”…

 

Imma, in-nisa fl-Għid ma jibqgħux ipparalizzati quddiem qabar imma, jgħidilna l-Vanġelu, “telqu malajr minn ħdejn il-qabar, kollhom biża’ u ferħ kbir, u marru jiġru jagħtu l-aħbar lid-dixxipli tiegħu” (v. 8). Iwasslu l-aħbar li se tibdel għal dejjem il-ħajja u l-istorja: Kristu qam (ara v. 6)! U, fl-istess waqt, iħarsu u jgħaddu r-rakkomandazzjoni tal-Mulej, l-istedina tiegħu lid-dixxipli: li jmorru l-Galilija, għax hemmhekk se jarawh (ara v. 7). Imma, ħuti, illum nistaqsu: xi jfisser tmur il-Galilija? Żewġ affarijiet: minn naħa toħroġ mill-għeluq taċ-Ċenaklu biex tmur fir-reġjun fejn jgħixu l-ġnus (ara Mt 4:15), toħroġ mill-moħba biex tinfetaħ għall-missjoni, taħrab mill-biża’ biex timxi lejn il-futur. U min-naħa l-oħra – u din hi sabiħa ħafna –, ifisser terġa’ lura għall-oriġni, għax proprju fil-Galilija beda kollox. Hemm il-Mulej kien iltaqa’ u sejjaħ għall-ewwel darba lid-dixxipli. Allura, li tmur il-Galilija jfisser terġa’ lura għall-grazzja tal-bidu, ifisser terġa’ takkwista l-memorja li tnissel mill-ġdid it-tama, il-“memorja tal-futur” li biha aħna ġejna mmarkati mill-Irxoxt.

 

Dan hu, allura, dak li jagħmel l-Għid tal-Mulej: iridna nimxu ’l quddiem, noħorġu mis-sens ta’ telfa, ingerbu l-ġebla tal-oqbra li fihom spiss insakkru t-tama tagħna, inħarsu b’fiduċja lejn il-ġejjieni, għax Kristu qam u bidel id-direzzjoni tal-istorja; imma, biex iseħħ dan, l-Għid tal-Mulej jeħodna lura lejn l-imgħoddi tagħna ta’ grazzja, iridna mmorru lura l-Galilija, hemm fejn bdiet l-istorja tagħna ta’ mħabba ma’ Ġesù, fejn kienet l-ewwel sejħa. Jiġifieri, jitlobna ngħixu mill-ġdid dak il-mument, dik is-sitwazzjoni, dik l-esperjenza li fiha ltqajna mal-Mulej, doqna mħabbtu u rċivejna ħarsa ġdida u mdawla fuqna nfusna, fuq ir-realtà, fuq il-misteru tal-ħajja. Ħuti, biex nerġgħu nqumu, biex nibdew mill-ġdid, biex nerġgħu naqbdu l-mixja, dejjem għandna bżonn nirritornaw il-Galilija, jiġifieri mmorru lura mhux għal Ġesù astratt, ideal, imma għall-memorja ħajja, għall-memorja konkreta u tħabbat tal-ewwel laqgħa tagħna miegħu. Iva, biex nimxu rridu niftakru; biex ikollna t-tama rridu nżommu ħajja l-memorja. U din hija l-istedina: ftakar u imxi! Jekk tikseb mill-ġdid dik l-ewwel imħabba, l-istagħġib u l-ferħ tal-laqgħa ma’ Alla, allura timxi ’l quddiem. Ftakar u imxi.

 

Ftakar fil-Galilija tiegħek u imxi lejn il-Galilija tiegħek. Huwa l-“post” li fih int sirt taf lil Ġesù personalment, fejn għalik ma baqax persunaġġ storiku bħal oħrajn, imma sar il-persuna tal-ħajja: mhux Alla mbiegħed, imma Alla li hu qrib, li jafek iżjed minn kulħadd u jħobbok iżjed minn kulħadd. Ħija, oħti, agħmel memorja tal-Galilija, tal-Galilija tiegħek: tas-sejħa tiegħek, ta’ dik il-Kelma ta’ Alla li f’mument preċiż kellmet sewwasew lilek; ta’ dik l-esperjenza qawwija fl-Ispirtu, tal-ikbar ferħ tal-maħfra li ġarrabt wara dik il-Qrara, ta’ dak il-mument qawwi fit-talb li ma tinsiehx, ta’ dak id-dawl li xegħel fik u bidel ħajtek, ta’ dik il-laqgħa, ta’ dak il-pellegrinaġġ… Kull wieħed u waħda jaf fejn hi l-Galilija tiegħu, kull wieħed u waħda minna jaf il-post tiegħu tal-qawmien interjuri, dak tal-bidu, dak li fuqu nbena kollox, dak li bidel l-affarijiet. Ma nistgħux inħalluh fil-passat, l-Irxoxt jistedinna mmorru hemm biex nagħmlu l-Għid. Ftakar fil-Galilija tiegħek, agħmel memorja tagħha, erġa’ agħtiha l-ħajja llum. Erġa’ lura għal dik l-ewwel laqgħa. Staqsi lilek innifsek kif kienet u meta kienet, erġa’ ibni l-kuntest tagħha, iż-żmien u l-post, erġa’ duq l-emozzjoni u s-sensazzjonijiet ta’ dakinhar, erġa’ għix l-ilwien u t-togħmiet tagħha. Għax inti taf, kien meta inti nsejt dik l-ewwel imħabba, kien meta nsejt dik l-ewwel laqgħa li beda joqgħod l-irmied fuq qalbek. U ħassejt id-diqa u, kif ġralhom id-dixxipli, kollox deher bla perspettiva, bi blata kbira tagħlaq it-tama. Imma llum, ħija, oħti, il-qawwa tal-Għid qed tistedinna ngerbu t-toqol tad-delużjoni u tal-qtigħ il-qalb; il-Mulej, espert kif igerbeb il-blatiet tal-oqbra tad-dnub u tal-biża’, irid idawwal il-memorja qaddisa tiegħek, l-isbaħ tifkira tiegħek, jagħmel attwali dik l-ewwel laqgħa miegħu. Ftakar u imxi: erġa’ lura lejh, erġa’ sib il-grazzja tal-qawmien ta’ Alla fik! Erġa’ lura l-Galilija, erġa’ lura fil-Galilija tiegħek.

 

Ħuti, ejjew nimxu wara Ġesù fil-Galilija, niltaqgħu miegħu u nadurawh hemm fejn hu qed jistenna lil kull wieħed u waħda minna. Nerġgħu ngħixu l-ġmiel ta’ meta, wara li skoprejnieh ħaj, xandarnieh bħala s-Sid ta’ ħajjitna. Nerġgħu lura l-Galilija, fil-Galilija tal-ewwel imħabba: kull wieħed u waħda minna jerġa’ lura l-Galilija tiegħu, dik tal-ewwel laqgħa, u nqumu għal ħajja ġdida!

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard