ĊELEBRAZZJONI TA’ RIKONĊILJAZZJONI

“24 SIEGĦA GĦALL-MULEJ”

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Knisja parrokkjali ta’ San Piju V f’Ruma

Il-Ġimgħa 8 ta’ Marzu 2024

 

“Hekk aħna nimxu f’ħajja ġdida” (Rum 6:4): hekk jikteb l-Appostlu Pawlu lill-ewwel Insara ta’ din il-Knisja ta’ Ruma. Imma x’inhi l-ħajja ġdida li dwarha jitkellem? Hija l-ħajja li titnissel mill-Magħmudija, li tgħaddasna fil-mewt u fil-qawmien ta’ Ġesù u tagħmilna għal dejjem ulied Alla, ulied il-qawmien iddestinati għall-ħajja ta’ dejjem, orjentati lejn il-ħwejjeġ ta’ hemm fuq. Hija l-ħajja li tmexxina ’l quddiem fl-identità l-aktar vera tagħna, dik li aħna wlied maħbuba tal-Missier, hekk li ebda niket jew tfixkil, ebda taħbit jew tiġrib ma jistgħu jegħlbu lil din ir-realtà meraviljuża li fuqha aħna mibnija: aħna wlied Alla t-twajjeb.

 

Smajna kif San Pawl jassoċja mal-ħajja ġdida dan il-verb: nimxu. Mela l-ħajja ġdida, li bdiet bil-Magħmudija, hija mixja. U ma hemmx pensjoni għaliha! Ħadd f’din il-mixja ma joħroġ bil-pensjoni, għax nibqgħu dejjem mexjin ’il quddiem. U wara tant passi fil-mixja, forsi tlifna l-mira tal-ħajja qaddisa li hemm ġewwa fina: jum wara jum, mgħaddsa f’ritmu ripetittiv, imħabbtin b’elf ħaġa, imgerfxin b’tant messaġġi, infittxu kuljum x’jissodisfana u x’hemm ġdid, stimoli u sensazzjonijiet pożittivi, imma ninsew li diġà hemm ħajja ġdida tiġri ġo fina u li, bħal ġamar taħt l-irmied, qed tistenna li terġa’ taqbad u ddawwal kollox. Meta aħna mħabbtin b’tant ħwejjeġ, qegħdin naħsbu fl-Ispirtu s-Santu li jinsab fina u jġorrna? Lili jiġrili ħafna drabi li ma naħsibx fuq hekk, u hi ħaġa kerha. Meta nkunu hekk, aljenati b’tant ħidmiet, ninsew il-mixja vera li qed nagħmlu fil-ħajja ġdida.

 

Jeħtieġ infittxu l-ġamar taħt l-irmied, dak l-irmied li nġama’ fuq il-qalb u qed jaħbi d-dehra tal-ġmiel tar-ruħ tagħna, jaħbiha. Allura Alla, li fil-ħajja ġdida hu Missier tagħna, jidher għalina bħala sid; flok nafdawh, nidħlu f’kuntratt miegħu; flok inħobbuh, nibżgħu minnu. U l-oħrajn, flok ma huma ħutna, bħala wlied tal-istess Missier, jidhru għalina bħala xkiel u għedewwa. Xi drawwa kerha: dik li nibdlu lil sħabna tal-vjaġġ f’avversarji. U ħafna drabi nagħmluh dan. Id-difetti tal-proxxmu jidhru esaġerati f’għajnejna u l-preġji tagħhom nżommuhom moħbija; kemm drabi ma aħniex flessibbli mal-oħrajn u mbagħad magħna nfusna nittolleraw kollox! Inħossu qawwa kontinwa timbuttana biex nagħmlu l-ħażen li nixtiequ naħarbu. Problema ta’ kulħadd, jekk imqar San Pawl jikteb, dejjem lill-komunità ta’ Ruma: “M’iniex nagħmel it-tajjeb li rrid, imma qiegħed nagħmel il-ħażin li ma rridx” (7:19). Huwa wkoll kien midneb, u anki aħna ħafna drabi nagħmlu l-ħażen li ma rridux. F’kelma waħda, jekk il-wiċċ ta’ Alla jkun imċajpar, jekk l-uċuħ ta’ ħutna huma fid-dlam, jekk il-kobor li nġorru fina jkun sfukat, nibqgħu mexjin, imma għandna bżonn ta’ sinjali ġodda biex juruna t-triq, għandna bżonn nibdlu l-pass, direzzjoni li tgħinna nerġgħu nsibu t-triq tal-Magħmudija, jiġifieri li nġeddu l-ġmiel oriġinali tagħna li jinsab hemm taħt l-irmied, inġeddu s-sens ta’ kif nimxu ’l quddiem. U kemm drabi negħjew nimxu u nitilfu s-sens li nimxu ’l quddiem? Nibqgħu trankwilli, jew lanqas trakwilli, imma weqfin.

 

Ħuti, liema hi t-triq li għandna bżonn biex nerġgħu naqbdu l-mixja tal-ħajja ġdida? Għal dan ir-Randan u biex nerġgħu naqbdu mexjin, liema hi t-triq? Hi t-triq tal-maħfra ta’ Alla. Daħħlu dan f’moħħkom u f’qalbkom: Alla ma jegħja qatt jaħfer. Smajtuha? Kapaċi tirrepetuha miegħi? Flimkien, ilkoll: [ilkoll] Alla ma jegħja qatt jaħfer. Biex inkunu ċerti, darb’oħra: [ilkoll] Alla ma jegħja qatt jaħfer. Imma liema hi t-traġedja? Illi huwa aħna li negħjew nitolbuh maħfra! Imma hu ma jegħja qatt jaħfer. Ma ninsewhx dan. U l-maħfra divina tagħmel proprju dan: iġġeddidna, qisna għadna kemm tgħammidna. Tnaddafna minn ġewwa, treġġagħna lura għall-qagħda tat-twelid mill-ġdid fil-Magħmudija: terġa’ tgelgel l-ilmijiet friski tal-grazzja fil-qalb, imnixxfa mid-diqa u mħammġa bid-dnubiet. Il-Mulej ineħħi l-irmied minn fuq il-ġamar tar-ruħ, inaddaf dawk it-tbajja’ ta’ ġo fina li jżommuna milli nafdaw f’Alla, milli nħaddnu lil ħutna, milli nħobbu lilna nfusna. Hu kollox jaħfer. “Oħ, Dun, jien għandi dnub li żgur ma jinħafirx”. Isma’: Alla jaħfer kollox, għax hu ma jegħja qatt jaħfer. Il-maħfra ta’ Alla tibdilna minn ġewwa: troddilna ħajja u ħarsa ġdida. Mhux ta’ b’xejn fil-Vanġelu li għadna kemm smajna Ġesù jgħid: “Henjin dawk li huma safja f’qalbhom, għax huma jaraw ’l Alla” (Mt 5:8). Tħejjilna għajnejna biex naraw lil Alla. Lil Alla narawh biss jekk il-qalb tiġi msoffija: insaffu qalbna biex naraw lil Alla. Imma min jista’ jagħmel din it-tisfija? L-impenn tagħna hu meħtieġ, imma mhux biżżejjed; mhux biżżejjed, aħna dgħajfa, ma nistgħux; Alla biss jaf u jfejjaq il-qalb. Daħħluh tajjeb f’moħħkom dan: Alla biss kapaċi jagħraf u jfejjaq il-qalb, hu biss jista’ jeħlisha mill-ħażen. Biex iseħħ dan hemm bżonn neħdulu qalbna miftuħa u sogħbiena; nimitaw lill-imġiddem tal-Vanġelu, li jitolbu hekk: “Jekk trid, tista’ tfejjaqni!” (Mk 1:40). Kemm hi sabiħa din! “Jekk trid, tista’ tibdilni minn ġewwa, tista’ tfejjaqni”. Hija talba sabiħa din, u aħna nistgħu ntennuha flimkien, hawn, ilkoll. Flimkien: “Mulej, jekk trid, tista’ tfejjaqni”. Darb’oħra: [ilkoll] “Mulej, jekk trid, tista’ tfejjaqni”. U issa, fis-skiet, kull wieħed ilissinha lill-Mulej, waqt li jara x’inhuma dnubietu. Araw id-dnubiet, araw il-ħwejjeġ koroh li hemm ġo fikom u li għamiltu; fis-skiet għidu lill-Mulej: “Mulej, jekk trid, tista’ tfejjaqni”. U hu jista’. Forsi hemm min jaħseb: “Imma dan id-dnub ikrah wisq, il-Mulej ma jistax…”. Il-Mulej kollox jaħfer, il-Mulej ma jegħjiex jaħfer. Tiftakruha? Tennuha: “Il-Mulej qatt ma jegħja jaħfer”. Ilkoll flimkien: [ilkoll] “Il-Mulej ma jegħja qatt jaħfer”.

 

Il-Mulej dan iridu, għax iridna mġeddin, ħielsa, ħfief minn ġewwa, hienja u mexjin, mhux ipparkjati fit-toroq tal-ħajja. Hu jaf kemm hu faċli għalina li niżbaljaw, naqgħu u nibqgħu mal-art, u jrid jerġa’ jerfagħna. Rajt pittura sabiħa, fejn hemm il-Mulej li jitbaxxa biex iqajjimna. U dan jagħmel il-Mulej kull darba li aħna nersqu nqerru. Ejjew ma nsewdulux qalbu, ma nħallux għal darb’oħra l-laqgħa mal-maħfra tiegħu, għax huwa biss jekk inħalluh ireġġagħna fuq saqajna li nistgħu nerġgħu nibdew mexjin u naraw id-dnub tagħna misħuq, imħassar għal dejjem. Għax id-dnub dejjem hu telfa, imma Hu jirbaħ lid-dnub, Hu r-rebħa. Iktar minn hekk, “f’dak l-istess ħin li fih il-midneb jiġi maħfur, imħaddan minn Alla u mġedded għall-grazzja, id-dnub – ħaġa tal-għaġeb! – isir il-post li fih Alla jidħol f’kuntatt mal-bniedem. […] Hekk Alla jgħarrafna lilu nnifsu billi jaħfrilna” (A. Louf, Sotto la guida dello Spirito, Magnano 1990, 68-69). “Jien lil Alla nafu għax mort id-duttrina…”. Imma ma ssirx tafu biss bil-moħħ: huwa biss meta l-qalb tindem u tmur għandu, u turih il-qalb maħmuġa tiegħek, hemm li ssir tafu lil Alla li jaħfer. “Dnubietek maħfura, mur fis-sliem”. Alla jurina min hu billi jaħfrilna. U “l-midneb, huwa u jmiss l-abbiss tad-dnub tiegħu, min-naħa tiegħu jiskopri l-ħniena bla tarf ta’ Alla” (ibid.). U minn hawn wieħed jista’ jerġa’ jibda miexi lejn ħajja ġdida: bdiet fil-Magħmudija, terġa’ tibda bil-maħfra.

 

Ejjew ma nirrifjutawx il-maħfra ta’ Alla, is-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni: din mhix xi prattika ta’ devozzjoni, imma l-pedament tal-ħajja Nisranija; mhix kwistjoni ta’ kemm nafu nistqarru tajjeb id-dnubiet, imma li nagħrfu li aħna midinbin u ninxteħtu f’dirgħajn Ġesù msallab biex niġu meħlusa; mhux xi ġest moralistiku, imma l-qawmien tal-qalb. Kristu Rxoxt iqajjimna, lilna lkoll. Ejjew mela mmorru nirċievu l-maħfra ta’ Alla u aħna, li namministrawha, ejjew inħossuna li qed inqassmu l-ferħ tal-Missier li jerġa’ jsib lil ibnu mitluf; inħoss li l-idejn tagħna, imqiegħda fuq ras il-fidili, huma dawk minfuda bil-ħniena ta’ Ġesù, li jibdel il-pjagi tad-dnub f’kanali ta’ ħniena. U aħna l-konfessuri, inħossu li “l-maħfra u s-sliem” li nipproklamaw huma ż-żegħila tal-Ispirtu s-Santu fuq il-qalb tal-fidili. Għeżież ħuti, ejjew naħfru! Għeżież ħuti saċerdoti, naħfru, naħfru dejjem bħal Alla li ma jegħja qatt jaħfer, u nerġgħu nsibu lilna nfusna. Nagħtu dejjem il-maħfra lil min jitlobha u ngħinu lil min qed iħoss biża’ biex jersaq b’fiduċja għas-sagrament tal-fejqan u tal-ferħ. Nerġgħu nqiegħdu l-maħfra ta’ Alla fiċ-ċentru tal-Knisja! U intom, għeżież ħuti saċerdoti, titolbux iżżejjed: ħallihom jgħidu, u int aħfer kollox. Toqgħodx tindaga, le.

 

U issa, ħa nħejju ruħna biex nilqgħu l-ħajja ġdida, nistqarru lill-Mulej li hemm ħafna qadim fina, ħwejjeġ koroh… Il-ġdiem tad-dnub tebba’ l-ġmiel tagħna u allura ngħidu: Ġesù, jekk trid, tista’ tfejjaqni! Ilkoll flimkien: [ilkoll] “Ġesù, jekk trid, tista’ tfejjaqni”. Mill-ħsieb li ma għandniex bżonnok kuljum: [ilkoll] Ġesù, jekk trid, tista’ tfejjaqni! Milli ngħix paċifikament mal-ipokreziji tiegħi, bla ma nfittex fil-maħfra tiegħek it-triq tal-libertà: [ilkoll] Ġesù, jekk trid, tista’ tfejjaqni! Meta wara l-proponimenti tajbin ma jiġux il-fatti, meta nħalli t-talb u l-laqgħa miegħek għal darb’oħra: [ilkoll] Ġesù, jekk trid, tista’ tfejjaqni! Meta naqa’ għall-pattijiet mal-ħażen, mad-diżonestà, mal-falzità, meta niġġudika lill-oħrajn, nistkerrahhom u nitkellem ħażin fuqhom, ingerger fuq kulħadd u fuq kollox: [ilkoll] Ġesù, jekk trid, tista’ tfejjaqni! U meta nikkuntenta ruħi li ma nagħmilx il-ħażen, imma ma nagħmilx t-tajjeb billi naqdi fil-Knisja u fis-soċjetà: [ilkoll] Ġesù, jekk trid, tista’ tfejjaqni! Iva, Ġesù, nemmen li tista’ tfejjaqni, nemmen li għandi bżonn tal-maħfra tiegħek. Ġesù, ġeddidni ħa nerġa’ nibda nimxi f’ħajja ġdida. [ilkoll] Ġesù, jekk trid, tista’ tfejjaqni.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard