FESTA TAL-MAGĦMUDIJA TAL-MULEJ

ĊELEBRAZZJONI TAL-QUDDIESA U MAGĦMUDIJA TA’ XI TRABI

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Kappella Sistina

Il-Ħadd 8 ta’ Jannar 2023

 

Għeżież ġenituri, grazzi li ġibtu lil uliedkom, li daħħaltuhom il-Knisja. U din hi ġurnata tajba, biex ma ninsewx meta ġejna mgħammda aħna. Hu bħal għeluq sninna, għax il-Magħmudija tagħtina twelid ġdid għall-ħajja Nisranija. Għalhekk nissuġġerilkom tgħallmu lil uliedkom id-data tal-Magħmudija, bħal għeluq ġdid ta’ sninhom: biex kull sena jiftakru u jirringrazzjaw lil Alla għal din il-grazzja li saru Nsara. Dan hu li nissuġġerilkom tagħmlu.

 

Imbagħad, ejjew nirriflettu fuq il-fatt li dawn it-trabi li intom qed iġġorru bħalissa se jibdew triq, imma hu dmir tagħkom u tal-parrini li tgħinuhom jimxu ’l quddiem f’din it-triq. Minn ċkunitna niġu mgħallma kif nitolbu: ħa jitgħallmu jitolbu, bħala tfal, tal-inqas kif jagħmlu hekk b’idejhom, bil-ġesti… Ħa jitgħallmu jitolbu, bħala tfal, biex it-talb isir dak li jagħtihom il-qawwa tul ħajjithom kollha: fil-mumenti mudlama, biex jirringrazzjaw lil Alla, u fil-mumenti koroh, biex isibu l-qawwa. Din hi l-ewwel ħaġa li intom għandkom tgħallmuhom: jitolbu.

 

U jitolbu wkoll lill-Madonna, li hija l-Omm, hi l-Omm tagħna. Jingħad li meta xi ħadd ikun irrabjat mal-Mulej, jew tbiegħed minnu, il-Madonna tkun dejjem qribu biex turih it-triq kif jerġa’ lura. Hekk jgħidu. Il-Mulej dejjem hu qrib tagħna, imma l-Madonna hi ommna, u l-omm hi dejjem iżjed qrib mill-missier. Dejjem. Għaliex? Għax hekk hu. L-ommijiet huma hekk, u din hi ħaġa kbira. Ħa jitgħallmu jkunu Nsara.

 

Issa kollha qegħdin kwieti, u sewwa. Imma forsi xi ħadd minnhom “jagħti n-nota”, jibda. U billi t-trabi huma sinfoniċi, imbagħad kollha jkomplu warajh. Ħalluhom jgħajtu, ħalluhom jibku. Forsi jkun hemm min qed jibki bil-ġuħ: reddgħuhom. Bil-libertŕ kollha. L-importanti hu li llum din iċ-ċelebrazzjoni tkun il-festa, il-festa tal-bidu ta’ mixja sabiħa Nisranija, li fiha intom tgħinu lil uliedkom jimxu ’l quddiem. Forsi hemm min hu mgħotti żżejjed u qed iħoss is-sħana: ħa joqogħdu komdi, ħa joqogħdu komdi kollha.

 

Aħna qed niffesteġġjaw magħhom dan il-bidu tal-mixja. U intom tridu tgħinuhom jimxu ’l quddiem. Għax jien ħa nieqaf hawn, imma intom għandkom il-ħajja kollha!

 

Grazzi ta’ din id-deċiżjoni li ġġibuhom għall-Magħmudija. U issa nkomplu biċ-ċelebrazzjoni.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard