FESTA TAL-MAGĦMUDIJA TAL-MULEJ

ĊELEBRAZZJONI TAL-QUDDIESA U MAGĦMUDIJA TA’ XI TRABI

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Cappella Sistina

Il-Ħadd 7 ta’ Jannar 2024

 

Għeżież ħuti,

 

Ġejna hawn biex ngħammdu, biex nagħtu d-don tal-fidi lit-tfal tagħna. U huma l-protagonisti ta’ din iċ-ċerimonja: huma jistgħu jitkellmu, jiġru, jgħajtu… Huma jikkmandaw, għax din hi l-festa tagħhom: se jirċievu l-iktar don sabiħ, id-don tal-fidi, id-don tal-Mulej.

 

Jekk jibku – għalissa mhumiex jagħmlu ħoss, imma biżżejjed jintona wieħed u jibda l-kunċert – ħalluhom ħa jibku; jekk huma bil-ġuħ, reddgħuhom, tinkwetawx, hawnhekk. Jekk iħossu s-sħana, neħħulhom mill-ħwejjeġ, għax xi drabi s-sħana ma tagħmilx tajjeb.

 

Huma l-protagonisti, għax huma llum se jagħtu lilna wkoll ix-xhieda ta’ kif għandna nirċievu l-fidi: bl-innoċenza, b’qalb miftuħa.

 

U lilkom, ġenituri u parrini, nawguralkom li l-ħajja tagħkom tkun ta’ għajnuna għal dawn it-trabi, ta’ għajnuna għalihom biex jikbru. Nawguralkom li takkumpanjawhom, għax dan hu mod kif tgħinuhom, biex il-fidi tikber fihom. Grazzi ħafna tax-xhieda tagħkom, talli ġibtuhom hawn biex jirċievu l-fidi.

 

U issa, ejjew inkomplu bir-rit tal-Magħmudija.

 

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard