QUDDIESA FIS-SOLENNITÀ TAL-ĠISEM U D-DEMM IMQADDSA TA’ KRISTU

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Bażilika ta’ San Pietru

Il-Ħadd 6 ta’ Ġunju 2021

 

Ġesù jibgħat lid-dixxipli tiegħu biex imorru jħejju l-post fejn jiċċelebraw l-ikla tal-Għid. Kienu huma li staqsewh: “Fejn tridna mmorru nħejju biex tiekol l-ikla tal-Għid?” (Mk 14:12). Aħna u nikkontemplaw u nqimu l-preżenza tal-Mulej fil-Ħobż Ewkaristiku, aħna wkoll imsejħin nistaqsu lilna nfusna: f’liema “post” irridu nħejju għall-ikla tal-Għid tal-Mulej? Liema huma l-“postijiet” ta’ ħajjitna fejn Alla qed jitlobna li jiġi milqugħ? Nixtieq inwieġeb għal dawn il-mistoqsijiet billi nieqaf fuq tliet xbihat tal-Vanġelu li għadna kemm smajna (Mk 14:12-16,22-26).

 

L-ewwel waħda hi dik tar-raġel li jġorr ġarra ilma (ara v. 13). Hu dettall li jaf jidher żejjed. Imma dak ir-raġel bla isem li ma nafu xejn dwaru jsir il-gwida għad-dixxipli li qed ifittxu l-post li mbagħad jiġi msejjaħ iċ-Ċenaklu. U l-ġarra ilma hija s-sinjal li minnu jagħrfuh: sinjal li jġagħalna naħsbu fl-umanità bil-għatx, dejjem tfittex għajn tal-ilma li jaqtgħalha l-għatx u jagħtiha ħajja ġdida. Ilkoll kemm aħna fil-ħajja mexjin b’ġarra f’idejna: ilkoll kemm aħna, kull wieħed u waħda minna, għatxana għall-imħabba, għall-ferħ, għal ħajja ta’ suċċess f’dinja iktar umana. Għal dan il-għatx, l-ilma tal-ħwejjeġ ta’ din id-dinja ma jiswiex, għax l-għatx hu iżjed profond, u Alla biss jista’ jaqtgħu.

 

Ejjew nerġgħu nsegwu dan is-“sinjal” simboliku. Ġesù jgħid lid-dixxipli tiegħu biex fejn jeħodhom raġel b’ġarra ilma, hemm jistgħu jiċċelebraw l-Ikla tal-Għid. Għalhekk, biex niċċelebraw l-Ewkaristija hemm bżonn qabelxejn nagħrfu l-għatx li għandna ta’ Alla: inħossuna fil-bżonn tiegħu, nixxennqu għall-preżenza u l-imħabba tiegħu, nagħrfu li waħidna ma nistgħux naslu imma għandna bżonn ta’ Ikel u ta’ Xorb tal-ħajja ta’ dejjem li jweżnuna fil-mixja. It-traġedja tal-lum – biex ngħidu hekk – hi li spiss l-għatx m’għadux hemm. Tmewtu l-mistoqsijiet dwar Alla, naqset ix-xewqa tiegħu, dejjem qed isiru iżjed rari l-fittiexa ta’ Alla. Alla ma għadux jiġbed iżjed lejh għax m’għadniex inħossuh dan l-għatx profond ta’ ġo fina. Imma huwa biss fejm hemm raġel jew mara bil-ġarra tal-ilma – naħsbu fis-Samaritana, ngħidu aħna (ara Ġw 4:5-30) – li l-Mulej jista’ juri ruħu bħala Dak li jagħti l-ħajja ġdida, li jitma’ b’tama li ma tqarraqx il-ħolmiet u x-xewqat tagħna, preżenza ta’ mħabba li tagħti sens u direzzjoni lill-pellegrinaġġ tagħna fuq din l-art. Kif diġà nnutajna, hu dak ir-raġel bil-ġarra li jwassal lid-dixxipli għall-kamra fejn Ġesù kellu jwaqqaf l-Ewkaristija. Huwa l-għatx għal Alla li jwassalna sal-altar. Jekk jonqos l-għatx, iċ-ċelebrazzjonijiet tagħna jsiru niexfa. Anki bħala Knisja, allura, ma jistax ikun biżżejjed il-grupp żgħir tas-soltu li jinġabru biex jiċċelebraw l-Ewkaristija; irridu mmorru fil-belt, niltaqgħu man-nies, nitgħallmu nagħrfu u nerġgħu nqajmu l-għatx ta’ Alla u x-xewqa tal-Vanġelu.

 

It-tieni xbieha hi dik tal-kamra kbira fuq (ara v. 15). Huwa hemm li Ġesù u d-dixxipli tiegħu jagħmlu l-ikla tal-Għid u din il-kamra kbira tinsab fid-dar ta’ persuna li tilqagħhom. Kien jgħid Don Primo Mazzolari: “Araw kif raġel bla isem, sid ta’ dar, jisilfu l-isbaħ kamra li għandu. […] Hu ta l-ikbar waħda li kellu għax madwar is-sagrament kbir kollox hemm bżonn ikun kbir, kamra u qalb, kliem u ġesti” (La Pasqua, La Locusta 1964, 46-48).

 

Kamra kbira għal kisra ħobż ċkejkna. Alla jiċċekken bħal biċċa ħobż u proprju għalhekk hemm bżonn ta’ qalb kbira li tista’ tagħrfu, tqimu, tilqgħu. Il-preżenza ta’ Alla hi hekk umli, moħbija, xi drabi ma tidhirx, li, biex tingħaraf, għandha bżonn ta’ qalb imħejjija, imqajma u li lesta tilqagħha. Imma jekk il-qalb tagħna, iktar milli kamra kbira, tixbah lil kmajra tal-imbarazz fejn b’nostalġija nżommu l-affarijiet qodma; jekk tixbah lill-kamra tal-bejt fejn ilna li rekkinna l-entużjażmu u l-ħolm tagħna; jekk tixbah lil kmajra dejqa, kamra mudlama għax ngħixu biss bina nfusna, bil-problemi u l-qrusa tagħna, allura jkun impossibbli nagħrfu din il-preżenza ħiemda u umli ta’ Alla. Irridu kamra kbira. Jeħtieġ inwessgħu qlubna. Hemm bżonn li noħorġu mill-kamra ċkejkna tal-jien tagħna u nidħlu fl-ispazju kbir tal-istagħġib u l-adorazzjoni. U minn dan neqsin wisq! Neqsin minnu f’tant movimenti li nagħmlu biex niltaqgħu, ninġabru, naħsbu flimkien il-pastorali tagħna… Imma jekk hu nieqes dan, jekk nieqes is-sens ta’ stagħġib u l-adorazzjoni, ma hemmx triq li twassalna għal għand il-Mulej. Lanqas se jkun hemm is-sinodu, xejn. Dan hu l-atteġġjament quddiem l-Ewkaristija, ta’ dan għandna bżonn: adorazzjoni. Anki l-Knisja trid tkun kamra kbira. Mhux ċirku żgħir u magħluq, imma Komunità b’dirgħajha miftuħin beraħ, tilqa’ lil kulħadd. Ejjew nistaqsu dan: meta tersaq qrib ta’ xi ħadd midrub, li żbalja, li għandu mixja ta’ ħajja differenti, il-Knisja, din il-Knisja, qed tkun kamra kbira biex tilqgħu u twasslu għall-ferħ tal-laqgħa ma’ Kristu? L-Ewkaristija trid tgħajjex lil min hu għajjien u mġewwaħ fit-triq, ma ninsewhx dan! Il-Knisja tal-perfetti u tal-puri hija kamra li fiha ma hemm post għal ħadd; waqt li l-Knisja bil-bibien miftuħa, li tagħmel festa madwar Kristu, hija sala kbira fejn kulħadd – kulħadd, ġusti u midinbin – jista’ jidħol.

 

Fl-aħħar nett, it-tielet xbieha, ix-xbieha ta’ Ġesù li jaqsam il-Ħobż. Huwa l-ġest Ewkaristiku per eċċellenza, il-ġest li jagħti identità lill-fidi tagħna, il-post tal-laqgħa tagħna mal-Mulej li joffri lilu nnifsu biex jerġa’ jwellidna għal ħajja ġdida. Dan il-ġest ukoll jaqleb kollox ta’ taħt fuq: sa dak iż-żmien kienu joqtlu l-ħrief u joffruhom b’sagrifiċċju lil Alla, u issa hu Ġesù li jsir il-ħaruf u jinqatel biex jagħti ħajtu lilna. Fl-Ewkaristija nikkontemplaw u nqimu lil Alla tal-imħabba. Huwa l-Mulej li ma jaqsam lil ħadd imma jaqsam lilu nnifsu. Huwa l-Mulej li ma jitlobx sagrifiċċji imma jissagrifika lilu nnifsu. Huwa l-Mulej li ma jitlobna xejn imma jagħtina kollox. Biex niċċelebraw u ngħixu l-Ewkaristija, aħna wkoll imsejħin ngħixu din l-imħabba. Għax ma tistax taqsam il-Ħobż tal-Ħadd jekk qalbek hi magħluqa għal ħutek. Ma tistax tiekol minn dan il-Ħobż jekk ma tnewwilx il-ħobż lil min hu bil-ġuħ. Ma tistax taqsam dan il-Ħobż jekk ma taqsamx fit-tbatijiet ta’ min hu fil-bżonn. Fl-aħħar mill-aħħar, imqar mil-liturġiji solenni Ewkaristiċi tagħna, tibqa’ biss l-imħabba. U sa minn issa l-Ewkaristiji tagħna jibdlu d-dinja skont kemm aħna nħalluhom jibdluna u nsiru ħobż maqsum għall-oħrajn.

 

Ħuti, fejn sa “nħejju l-ikla tal-Mulej” illum ukoll? Il-purċissjoni bis-Santissmu Sagrament – karatteristika tal-festa tal-Corpus Domini, imma li għalissa għadna ma nistgħux nagħmlu – tfakkarna li aħna msejħin noħorġu u nwasslu lil Ġesù. Noħorġu b’ħeġġa u nwasslu lil Kristu għand dawk li magħhom niltaqgħu fil-ħajja ta’ kuljum. Insiru Knisja bil-ġarra f’idha, li terġa’ tqanqal l-għatx u ġġorr l-ilma. Niftħu beraħ qlubna fl-imħabba, biex inkunu aħna l-kamra kbira u li tilqa’ fiha, fejn kulħadd jista’ jidħol u jiltaqa’ mal-Mulej. Naqsmu ħajjitna fil-ħniena u fis-solidarjetà, biex id-dinja fina tilmaħ il-kobor tal-imħabba ta’ Alla. U hemm il-Mulej jiġi, jissorprendina mill-ġdid, isir mill-ġdid ikel għall-ħajja tad-dinja. U jaqtgħalna għal dejjem l-għatx tagħna, sal-jum li fih, fil-festa tat-tieġ tas-Sema, nikkontemplaw il-wiċċ tiegħu u nithennew għal dejjem.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard